ProĠett li se jgĦolli l-prodott turistiku
Il-Ministru għat-Turiżmu u Kultura Francis Zammit Dimech qal li fi żmien meta għadd ta’ aġenti ta’ l-ivjaġġar kienu qed ‘ibiegħu’ lil Malta bħala destinazzjoni ‘upmarket’, il-Gvern kien qed jagħmel ħiltu biex flimkien ma’ l-‘istakeholders’ l-oħra kollha, jgħolli l-prodott li pajjiżna jista’ joffri lit-turist.
Il-Ministru Zammit Dimech, li kien qed jitkellem fl-inawgurazzjoni tal-proġett għat-tisbiħ u riabilitazzjoni tal-Ġonna Howard mill-Prim Ministru, qal li l-Gvern kien qed jinvesti kull sena fit-tisbiħ ta’ promenades, fl-iżvilupp ta’ bajjiet, fit-titjib ta’ l-infrastruttura, fil-bini ta’ toroq ġodda, f’ġonna pubbliċi u fit-tisbiħ ta’ roundabouts u centre strips. Hu qal li l-Gvern kien ukoll identifika sitt zoni turistiċi bl-iskop li dawn jingħataw priorità fi proġetti ta’ tisbiħ.
Il-Ministeru għat-Turiżmu u Kultura qal li waħda minn dawn iz-zoni kienet dik ta’ l-iBliet Storiċi taċ-Ċentru. Din iz-zona tinkludi l-Imdina, ir-Rabat, il-Buskett u Ħad-Dingli. Il-Ministru Zammit Dimech qal li f’dawn l-inħawi diġa’ twettqu żewġ proġetti ewlenin.
o Fir-Rabat ġie restawrat id-Domus Rumana b’investiment ta’ Lm180,000. Dan il-proġett jinkludi oqbra Islamiċi u fdalijiet Feniċi u Puniċi. Minbarra xogħol ta’ restawr inħolqu wkoll ‘walkways’ madwar dan il-Mużew.
o Fl-Imdina, b’investiment tra’ madwar Lm500,000, tqiegħdu taħt l-art is-servizzi kollha biex it-toroq u l-isqaqien kollha tal-lokalità ġew pavimentati mill-ġdid. Barra minhekk ġiet restawrata l-bitħa tal-Palazz Vilhena kif ukoll it-Torre dello Standardo u Greeks’ Gate.
Il-Ministru għat-Turiżmu u Kultura qal li llum kien qed jiġi nawgurat il-proġett ta’ tisbiħ ta’ Howard Gardens. Hu qal li dan il-proġett seta’ jitwettaq għaliex Malta fl-Unjoni Ewropea setgħet tikkwalifika għal fondi mill-UE biex ittejjeb il-prodott turistiku. Hu qal li dan il-proġett jiswa aktar minn Lm300,000 li 75 fil-mija minnhom qed jingħataw mill-Unjoni Ewropea.
Il-Ministru Zammit Dimech qal li dan il-ġnien hu mifrux fuq madwar 18-il tomna ta’ art li għaxart itmiem minnhom huma passaġġi. Hu qal li wieħed seta’ għalhekk jifhem il-kobor ta’ dan il-proġett li ħa biss disa’ xhur biex tlesta.
Il-Ministru qal li bit-twettiq ta’ dan il-proġett illum inħoloq park ta’ wirt storiku li jiġbor fih l-inħawi kollha mid-Domus Romana tul Howard Gardens għall-Imdina. Hu qal li dawn il-proġetti jinkwadraw fl-iżvilupp ta’ pajjiżna bħala destinazzjoni ‘upmarket’ u li tattira lejha turiżmu kulturali li hu wieħed min-niċeċ li l-aktar li jattira turisti lejn pajjiżna.
Il-Ministru Zammit Dimech qal li dan il-ġnien issemma għal Joseph Howard, Prim Ministru ta’ Malta. Hu qal li Joseph Howard kien Prim Ministru bejn l-1921 u l-1923 u kien jirrappreżenta lill-Partit Nazzjonalista meta Malta ngħatat l-ewwel Gvern responsabbli mill-Gvern Ingliż.
Hu qal li kien xieraq li dan il-ġnien, li jirrappreżenta data importanti fil-mixja kostituzzjonali ta’ pajjiżna, ikun l-ewwel wieħed li jikkwalifika mill-fondi għall-Iżvilupp Reġjonali ta’ l-Unjoni Ewropea biex ġie restawrat u msebbaħ ħalli jitgawda mill-poplu Malti.
Stqarrijiet Oħra:
PR261958EN
PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR THE ECONOMY, TECHNOLOGY AND STRATEGIC PRO...
PR261958