STRATEĠIJA GĦALL-MAGĦTAB WASTE MANAGEMENT COMPLEX BIEX JIĠI RRESTAWRAT GĦAT-TGAWDIJA TAL-PUBBLIKU
Il-Ministeru għall-Affarijiet Rurali u l-Ambjent nieda kompetizzjoni internazzjonali għal master plan fit-tul biex jiġi riabilitat il-Magħtab Waste Management Complex, isir it-tisbiħ tiegħu u jiġi ddeterminat l-aħjar użu li jista’ jkollu.
Din il-master plan tkun tista tiġi mplimentata b’mod gradwali fuq medda ta’ żmien. F’ċerti żoni (bħal dik biswit it-Triq tal-Kosta), ix-xogħol ikun jista’ jiġi implimentat qabel ma’ jkun jista’ jinbeda x-xogħol f’żoni oħrajn fejn il-materjal ikun għadu attiv.
Waqt konferenza ta’ l-aħbarijiet, il-Ministru għall-Affarijiet Rurali u l-Ambjent, l-Onor. George Pullicino qal li wara l-pubblikazzjoni ta’ l-iScott Wilson Report u r-rakkomandazzjonijet li għamel dan l-istudju, illum nafu liema soluzzjonijiet huma viabbli. L-iScott Wilson Report identifika numru ta’ interventi preliminari li jridu jiġu mplimentati b’mod immedjat qabel ma’ s-sit jista’ qatt jintuża mill-pubbliku. Fost dawn l-interventi hemm dawk li jassiguraw li l-ammont ta’ emissjonijiet fl-arja jibdew jitnaqqsu gradwalment. Interventi oħra jinkludu:
§ Tisħiħ tas-sisien tal-miżbliet biex jinħolqu aċċessi;
§ Installazzjoni u operat ta’ sistemi li jikkontrollaw l-emissjonijiet u gassijiet oħra;
§ Żvilupp ta’ restoration cover li tkompli tgħin biex jitnaqqsu l-emissjonijiet; u
§ Żvilupp ta’ żoni ta’ rikreazzjoni passivi fuq fejn il-mizbla tkun bdiet tiġi newtralizzata.
Sabiex tiġi stabbilita l-forma tal-Magħtab (target profile) iridu jitħarrku madwar 1.1 miljun metru kubu ta’ materjal. Sa minn April ta’ din is-sena, madwar terz ta’ dan iċ-ċaqlieq tlesta u għalhekk madwar 300,000 metru kubu ta’ materjal ġie mħarrek diġà. Dan hu l-ekwivalenti ta’ 15,000 vjaġġ ta’ trakkijiet li refgħu materjal minn post u tefgħuh f’post ieħor. Madwar 3.9 miljun litru ta’ ilma sekondarju ntuża biex jitnaqqsu t-trabijiet. Il-materjal intefa’ fis-sit stess, jiġifieri l-materjal tneħħa minn partijiet tal-miżbla fejn kien hemm wisq materjal biex jitpoġġa f’postijiet oħra fejn kien hemm inqas materjal u b’hekk il-miżbla tingħata stabilita` biex imbagħad ikunu jistgħu jinġibdu l-gassijiet.
Xoghlijiet simili se jibdew fil-Qortin u Wied Fulija dalwaqt. Fil-Maghtab, iċ-ċaqlieq ta’ materjal se jkun lest sa Lulju ta’ l-2007.
L-aħjar sottomissjoni tingħata premju ta’ 30,000 Euro. L-offerta tingħazel minn ġurija ta’ esperti li tinkludi nies mill-MEPA u mit-taqsima tal-PARKS fil-Ministeru għall-affarijiet Rurali u l-Ambjent li tieħu ħsieb ir-riabilitazzjoni u t-tisbiħ ta’ l-ambjent Malti, kif ukoll tliet esperti b’fama internazzjonali li l-ismijiet tagħhom jitħabbru wara l-kompetizzjoni. Hemm premjijiet oħra ta’ konsolazzjoni u certifikati ta’ parteċipazzjoni. Il-proposti kollha ser ikunu esebiti ghall-kummenti tal-pubbliku qabel ma jiġi deċiz r-rebbieħ.
· Fil-qosor, it-tender jagħmel aċċenn fuq:
1. l-impatt vizwali biex dan l-impatt jixxejjen sew kemm jekk tkun qrib jew ’il bogħod mis-sit.
2. il-kreattività u s-sens ta’ viżjoni tal-proposti.
3. l-aspett artistiku biex is-sit ikun simbolu ta’ viżjoni fil-kultura ġdida tagħna ta’ kif jiġi mmaniġġjat l-ambjent.
4. il-kapacità tal-proposta biex tgħaqqad l-aspett kulturali ma’ dak naturali.
5. l-access għan-nies b’disabbilita’.
6. l-użu ta’ materjal riċiklat u fuq il-possibilita’ li l-proposti joffru biex entitajiet edukattivi jkunu jistgħu jkomplu jżewwġu t-tagħlim tagħhom mal-funzjoni tal-Park billi jgħinu biex tkompli tiġi żviluppata l-proposta bil-proġetti tagħhom.
7. l-użu tal-materjal u l-użu ta’ l-energija rinovabbli.
8. aċċenn ieħor hu li kull zona fil-Park tkun accessibbli biex il-viżitatur jesperjenza affarijiet ġodda/differenti f’kull żona li jżur.
9. L-aħħar aċċenn hu l-fatt li l-faċilitajiet ġodda li ser ikunu joperaw fl-Għallis ikunu mezz ta’ edukazzjoni għal min iżur il-Park. B’hekk il-proposti jridu jsibu l-aħjar mod kif il-kreattività tat-tenderer u t-teknologija li jipproponi jippermettu li l-faċilitajiet il-ġodda fl-Għallis ikunu aċċessibli għal min irid iżurhom u fl-istess ħin ma jkunux ta’ inkonvenjent għal min jixtieq iżur il-Park biss.
Ir-reġistrazzjoni tiftaħ fl-1 t’Awissu 2006 u tagħlaq fid-29 t’Awissu 2006. Id-data ta’ l-għeluq għas-sottomissjonijiet tal-kompetizzjoni hija t-30 t’Ottubru, 2006.
Iktar dettalji li jinkludu l-formola tar-reġistrazzjoni u l-kundizzjonijiet tal-kompetizzjoni qegħdin fuq il-website http://www.mrae.gov.mt. Il-formola tar-reġistrazzjoni tista’ tintalab ukoll bil- fax fuq +356 2295 2225.
Stqarrijiet Oħra:
PR261958EN
PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR THE ECONOMY, TECHNOLOGY AND STRATEGIC PRO...
PR261958