Left arrow Go Back

STRATEĠIJA GĦALL-MAGĦTAB WASTE MANAGEMENT COMPLEX BIEX JIĠI RRESTAWRAT GĦAT-TGAWDIJA TAL-PUBBLIKU

PR1103
Date Icon 31/07/2006

Il-Ministeru għall-Affarijiet Rurali u l-Ambjent nieda kompetizzjoni internazzjonali għal master plan fit-tul biex jiġi riabilitat il-Magħtab Waste Management Complex, isir it-tisbiħ tiegħu u jiġi ddeterminat l-aħjar użu li jista’ jkollu.  

Din il-master plan tkun tista tiġi mplimentata b’mod gradwali fuq medda ta’ żmien. F’ċerti żoni (bħal dik biswit it-Triq tal-Kosta), ix-xogħol ikun jista’ jiġi implimentat qabel ma’ jkun jista’ jinbeda x-xogħol f’żoni oħrajn fejn il-materjal ikun għadu attiv. 

Waqt konferenza ta’ l-aħbarijiet, il-Ministru għall-Affarijiet Rurali u l-Ambjent, l-Onor. George Pullicino qal li wara l-pubblikazzjoni ta’ l-iScott Wilson Report u r-rakkomandazzjonijet li għamel dan l-istudju, illum nafu liema soluzzjonijiet huma viabbli. L-iScott Wilson Report identifika numru ta’ interventi preliminari li jridu jiġu mplimentati b’mod immedjat qabel ma’ s-sit jista’ qatt jintuża mill-pubbliku. Fost dawn l-interventi hemm dawk li jassiguraw li l-ammont ta’ emissjonijiet fl-arja jibdew jitnaqqsu gradwalment. Interventi oħra jinkludu: 

§               Tisħiħ tas-sisien tal-miżbliet biex jinħolqu aċċessi;

§               Installazzjoni u operat ta’ sistemi li jikkontrollaw l-emissjonijiet u gassijiet oħra;

§               Żvilupp ta’ restoration cover li tkompli tgħin biex jitnaqqsu l-emissjonijiet; u

§               Żvilupp ta’ żoni ta’ rikreazzjoni passivi fuq fejn il-mizbla tkun bdiet tiġi newtralizzata. 

Sabiex tiġi stabbilita l-forma tal-Magħtab (target profile) iridu jitħarrku madwar 1.1 miljun metru kubu ta’ materjal. Sa minn April ta’ din is-sena, madwar terz ta’ dan iċ-ċaqlieq tlesta u għalhekk madwar 300,000 metru kubu ta’ materjal ġie mħarrek diġà. Dan hu l-ekwivalenti ta’ 15,000 vjaġġ ta’ trakkijiet li refgħu materjal minn post u tefgħuh f’post ieħor. Madwar 3.9 miljun litru ta’ ilma sekondarju ntuża biex jitnaqqsu t-trabijiet. Il-materjal intefa’ fis-sit stess, jiġifieri l-materjal tneħħa minn partijiet tal-miżbla fejn kien hemm wisq materjal biex jitpoġġa f’postijiet oħra fejn kien hemm inqas materjal u b’hekk il-miżbla tingħata stabilita` biex imbagħad ikunu jistgħu jinġibdu l-gassijiet.

Xoghlijiet simili se jibdew fil-Qortin u Wied Fulija dalwaqt. Fil-Maghtab, iċ-ċaqlieq ta’ materjal se jkun lest sa Lulju ta’ l-2007. 

L-aħjar sottomissjoni tingħata premju ta’ 30,000 Euro. L-offerta tingħazel minn ġurija ta’ esperti li tinkludi nies mill-MEPA u mit-taqsima tal-PARKS fil-Ministeru għall-affarijiet Rurali u l-Ambjent li tieħu ħsieb ir-riabilitazzjoni u t-tisbiħ ta’ l-ambjent Malti, kif ukoll tliet esperti b’fama internazzjonali li l-ismijiet tagħhom jitħabbru wara l-kompetizzjoni. Hemm premjijiet oħra ta’ konsolazzjoni u certifikati ta’ parteċipazzjoni. Il-proposti kollha ser ikunu esebiti ghall-kummenti tal-pubbliku qabel ma jiġi deċiz r-rebbieħ. 

·                    Fil-qosor, it-tender jagħmel aċċenn fuq:

1.      l-impatt vizwali biex dan l-impatt jixxejjen sew kemm jekk tkun qrib jew ’il bogħod mis-sit.

2.      il-kreattività u s-sens ta’ viżjoni tal-proposti.

3.      l-aspett artistiku biex is-sit ikun simbolu ta’ viżjoni fil-kultura ġdida tagħna ta’ kif jiġi mmaniġġjat l-ambjent.

4.      il-kapacità tal-proposta biex tgħaqqad l-aspett kulturali ma’ dak naturali.

5.      l-access għan-nies b’disabbilita’.

6.      l-użu ta’ materjal riċiklat u fuq il-possibilita’ li l-proposti joffru biex entitajiet edukattivi jkunu jistgħu jkomplu jżewwġu t-tagħlim tagħhom mal-funzjoni tal-Park billi jgħinu biex tkompli tiġi żviluppata l-proposta bil-proġetti tagħhom.

7.      l-użu tal-materjal u l-użu ta’ l-energija rinovabbli.

8.      aċċenn ieħor hu li kull zona fil-Park tkun accessibbli biex il-viżitatur jesperjenza affarijiet ġodda/differenti f’kull żona li jżur.

9.      L-aħħar aċċenn hu l-fatt li l-faċilitajiet ġodda li ser ikunu joperaw fl-Għallis ikunu mezz ta’ edukazzjoni għal min iżur il-Park. B’hekk il-proposti jridu jsibu l-aħjar mod kif il-kreattività tat-tenderer u t-teknologija li jipproponi jippermettu li l-faċilitajiet il-ġodda fl-Għallis ikunu aċċessibli għal min irid iżurhom u fl-istess ħin ma jkunux ta’ inkonvenjent għal min jixtieq iżur il-Park biss.   

Ir-reġistrazzjoni tiftaħ fl-1 t’Awissu 2006 u tagħlaq fid-29 t’Awissu 2006. Id-data ta’ l-għeluq għas-sottomissjonijiet tal-kompetizzjoni hija t-30 t’Ottubru, 2006. 

Iktar dettalji li jinkludu l-formola tar-reġistrazzjoni u l-kundizzjonijiet tal-kompetizzjoni qegħdin fuq il-website http://www.mrae.gov.mt. Il-formola tar-reġistrazzjoni tista’ tintalab ukoll bil- fax fuq +356 2295 2225.

Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR THE ECONOMY, TECHNOLOGY AND STRATEGIC PROJECTS  More than 20 digital gaming and esports companies showcase Malta’s Industry Growth at PLAYCON 2026

PR261958EN

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR THE ECONOMY, TECHNOLOGY AND STRATEGIC PRO...

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EKONOMIJA, IT-TEKNOLOĠIJA U PROĠETTI STRATEĠIĊI  L-istrateġija tal-2019 qed tħalli l-frott: aktar minn 20 kumpanija tal-logħob diġitali u l-esports irrappreżentati waqt il-ftuħ ta’ PLAYCON 2026

PR261958

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EKONOMIJA, IT-TEKNOLOĠIJA U PROĠETTI STRATEĠ...

More Press Releases Right arrow