SENSIELA TA’ LAQGĦAT BEJN IL-MINISTRU CRISTINA U L-PUBBLIKU F’LOKALITAJIET MADWAR MALTA U GĦAWDEX : IL-MINISTRU FOST IL-POPLU
Il-Ministru tal-Familja u Solidarjetà Soċjali, Dolores Cristina, ser tibda sensiela ta’ laqgħat mal-pubbliku f’lokalitajiet madwar Malta u Għawdex.
L-għan ewlieni huwa li l-Ministru Cristina żżur personalment diversi rħula u bliet biex tiltaqa’ man-nies fil-lokalità tagħhom stess u titkellem magħhom dwar ħtiġijiet soċjali.
“Il-Ministru fostkom” hija sensiela ta’ laqgħat li se jibdew proprju mill-Kottonera, waħda miż-żoni ta’ Malta li fihom jinħassu l-aktar il-problemi soċjali. Il-laqgha ser issir nhar il-Ġimgha, 4 ta’ Awissu, bejn il-ħdax ta’ filgħodu u s-siegħa ta’ wara nofs in-nhar fiċ-Ċentru Aċċess, post fil-qalba tal-Kottonera li diġà joffri diversi servizzi lin-nies ta’ l-inħawi.
F’dawn is-sagħtejn il-Ministru Cristina ser tiltaqa’ b’mod individwali ma’ numru ta’ nies li jkunu għamlu appuntament mal-Customer Care tal-Ministeru. Min jixtieq jagħmel appuntament għandu jċempel lil Customer Care fuq numru 2590-3006 u jħalli ismu. Mhuwiex ser jkun possibbli li l-Ministru tiltaqa’ personalment ma’ kulħadd, u għalhekk l-appuntamenti ser jingħataw skond min iċempel l-ewwel.
Madankollu n-nies xorta waħda se jkollhom l-opportunità li jiltaqgħu ma’ uffiċjali tal-Customer Care tal-Ministeru li ser jkunu l-Aċċess mal-Ministru Cristina. Min ma jċemplix xorta waħda jista’ jiġi l-Aċċess u jitniżżel dak il-hin stess għal appuntament mal-Customer Care aktar tard.
Din hija opportunità fejn in-nies jistgħu jiltaqgħu mal-Ministru tal-Familja u Solidarjetà Soċjali fil-lokalità tagħhom stess, f’ambjent fejn huma jħossuhom komdi. Bħal din il-laqgħa se jsiru oħrajn simili f’lokalitajiet oħra li jiġu mħabbra aktar tard.
Stqarrijiet Oħra:
PR261958EN
PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR THE ECONOMY, TECHNOLOGY AND STRATEGIC PRO...
PR261958