Imnedija pubblikazzjoni b’differenza
Il-Ministru għat-Turiżmu u Kultura Francis Zammit Dimech nieda s-seba’ edizzjoni tal-‘Malta Flypast’ waqt konferenza ta’ l-aħbarijiet fil-Mużew ta’ l-Avjazzjoni ta’ Malta f’Ta’ Qali.
Il-Ministru Zammit Dimech qal li l-avjazzjoni kienet tiġbed interess kbir f’Malta u mad-dinja kollha. Hu qal li għalhekk il-Mużew ta’ l-Avjazzjoni ta’ Malta kien attrazzjoni mhux biss għall-Maltin iżda wkoll għat-turisti.
Il-Ministru għat-Turiżmu u Kultura qal li l-pubblikazzjoni ta’ ‘Malta Flypast’ kienet punt ta’ riferenza għal dawk li kienu għatxana għal informazzjoni u ritratti dwar l-avjazzjoni. Hu qal li l-21 artiklu f’din il-pubblikazzjoni kienu jinkludu stejjer ta’ interess u li kienu jħajjru barranin, speċjalment mir-Renju Unit, biex iżuru pajjiżna u jsiru jafu aktar dwar minn xiex għaddew huma stess matul l-aħħar Gwerra Dinjija jew dawk li jiġu minnhom.
Il-Ministru Francis Zammit Dimech qal li f’ekonomija bħal tagħna li kienet tiddependi għall-kwart tagħha mit-turiżmu, kull niċċa kienet importanti biex inkabbru dan is-settur. Hu qal li kien persważ li l-avjazzjoni, l-aktar dik militari, kienet niċċa oħra li tattira ħafna viżitaturi lejha.
Il-Ministru għat-Turiżmu u Kultura rringrazzja lil David Spiteri Staines, l-editur tal-‘Malta Flypost’ għall-isforzi tiegħu biex jiġi ppubblikat dan il-magazine u lil Malta Aviation Museum Foundation għall-isforzi tagħhom biex il-poplu jsir jaf aktar dwar l-avjazzjoni u biex nattiraw lejn pajjiżna dawk interessati fl-avjazzjoni.
‘The Malta Aviation Museum Foundation’ twaqqfet fl-1994 bl-iskop li tiġbor, tikkonserva u tesebixxi ajruplani, artefatti ta’ l-avjazzjoni u memorabilia li għandha x’taqsam ma’ l-avjazzjoni f’Malta.
The Malta Aviation Museum Foundation kull 18-il xahar tippubblika l-“Malta Flypast”. Din il-pubblikazzjoni ta’ 96 paġna tiġbor artikli dwar l-istorja ta’ l-avjazzjoni f’Malta b’kontributuri Maltin, Ingliżi u Taljani. Il-pubblikazzjoni tiġbed interess mid-dinja kollha minkejja li l-bejgħ tagħha hu konċentrat l-aktar f’Malta u r-Renju Unit. Il-qligħ mill-pubblikazzjoni jkun investit fil-Mużew ta’ l-Avjazzjoni ta’ Malta.
Other Press Releases:
PR261958EN
PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR THE ECONOMY, TECHNOLOGY AND STRATEGIC PRO...
PR261958