POLITIKA NAZZJONALI U STRATEġIJA GĦAS-SETTUR TURISTIKU
F’diskors li għamel meta nieda l-Politika Nazzjonali dwar it-Turiżmu u l-Pjan Strateġiku għat-Turiżmu tal-Awtorita’ Maltija ghat-Turiżmu (MTA), il-Ministru għat-Turiżmu u Kultura Francis Zammit Dimech qal li l-Politika tal-Gvern dwar it-Turiżmu kienet tippreżenta diversi ħidmiet li l-Gvern hu impenjat li jwettaq tul il-ħames snin li ġejjin.
Il-Ministru qal li min-naħa l-oħra, il-Pjan Strateġiku ta’ l-Awtorita’ tat-Turiżmu ta’ Malta jkompli fuq dak li seħħ fl-ewwel żewġ pjani strateġiċi, jaġġorna il-Mission Statement tal-MTA, kif ukoll l-‘Corporate Objectives’ u Strateġiji biex jirriflettu r-realtajiet tal-qasam turistiku internazzjonali u lokali llum.
Il-Ministru għat-Turiżmu u Kultura, li kien qed jippreżenta l-qafas tal-Politika dwar it-Turiżmu, li se tiġi ppublikata sa’ l-aħħar tas-sena wara proċess ta’ konsultazzjoni, tenna li din il-politika tagħraf il-problemi u l-isfidi li qed tiffaċċja Malta fil-qasam turistiku f’xenarju internazzjonali u lokali, fejn qed niffaċċjaw kompetizzjoni qalila.
Il-Ministru Zammit Dimech qal li l-miri tal-politika turistika jinġabru f’10 punti:
o L-immaniġġjar tat-turiżmu f’Malta u Għawdex fuq il-prinċipji ta’ l-iżvilupp sostenibbli;
o Żieda fid-dħul mit-turiżmu u mill-valur miżjud mit-turiżmu;
o Sostenn ta’ l-impjiegi preżenti u l-ħolqien ta’ aktar impjiegi u impjiegi aħjar;
o Ħolqien ta’ distribuzzjoni ekwa tad-dħul;
o Tkabbir tal-vantaġġ kompetittiv tagħna;
o Tnaqqis ta’ l-istaġjonalita’;
o Nikkapitilizzaw fuq il-karatteristiċi uniċi ta’ Għawdex;
o Tkabbir ta’ l-aċċessibilita’ lejn u minn Malta;
o Benefiċċju mill-kummerċ elettroniku fit-turiżmu;
o Effett akbar mis-sħubija ta’ Malta fl-Unjoni Ewropea.
Il-Ministru Francis Zammit Dimech qal li kienet il-politika tal-Gvern li
§ Jiżgura l-aħjar użu tar-riżorsi finanzjarji u umani dedikati mis-settur pubbliku għat-turiżmu;
§ Nipprovdu direzzjoni lill-industrja turistika biex tagħti riżultati aħjar;
§ Nimmaniġġjaw u nibbilanċjaw impatti ekonomiċi, soċjali u ambjentali filwaqt li nfittxu l-interess nazzjonali;
§ Nipprovdu kwalita’ aħjar fl-għoti tas-servizzi;
§ Ninkoraġixxu ħsibijiet kreattivi biex insibu l-aħjar modi biex tiżdied in-nefqa u jiżdied il-valur miżjud fit-turiżmu anke billi nipprovdu prodotti awtentiċi;
§ Inħarrġu u nħarrġu mill-ġdid ħaddiema fl-industrja turistika u noħolqu l-ambjent għal aktar impjiegi fit-turiżmu, anke fis-segments ta’ l-industrija li m’humiex tradizzjonali, u billi ninvestu fl-edukazzjoni u tagħlim tul il-ħajja;
§ Naslu għal distribuzzjoni ekwa tad-dħul;
§ Ninkoraġixxu u nagħtu preferenza għall-kostruzzjoni għal skopijiet turistiċi f’inħawi diġa’ mibnija;
§ Nindirizzaw ir-riformi strutturali meħtieġa fit-turiżmu;
§ Inżommu n-negozju ta’ l-operaturi ta’ l-ivjaġġar u ntejbu wkoll r-relazzjonijiet ma’ l-operaturi ta’ l-ivjaġġar f’livell strateġiku;
§ Intejjbu l-kwalita’ u l-kwantita’ ta’ informazzjoni li toħroġ minn statistika dwar it-turiżmu u naħdmu fuq il-formulazzjoni ta’ ‘tourism satellite accounts’;
§ Noħolqu d-dehra u perċezzjoni tajba ta’ Malta fis-swieq barranin u nassiguraw li ż-żjara f’Malta tkun dik imwiegħda;
§ Li nimmaniġġjaw iz-zoni turistiċi billi niżguraw li jkun hemm il-faċilitajiet bażiċi u li jkunu priservati u miżmuma tajjeb; li nidentifikaw l-aktar niċeċ importanti fiz-zoni differenti u nindirizzaw l-investiment skond l-importanza ta’ dawn in-niċeċ; u niżviluppaw pjan għall-immaniġġjar taz-zoni turistiċi.
§ Ninkoraġixxu lil dawk li jipprovdu servizz lit-turisti biex jagħtu servizz tajjeb li jagħmilna aktar kompetittivi u li joffri valur tajjeb għall-flus li jintefqu;
§ Jittieħdu inizjattivi li jindirizzaw il-problema ta’ istaġjonalita’;
§ Nirreklamaw lil Għawdex bħala destinazzjoni rurali unika;
§ Niffaċilitaw l-aċċess bejn Malta u Għawdex permezz tal-baħar u l-ajru;
§ Nagħmlu lil Malta aktar aċċessibbli billi niffaċilitaw l-iżvilupp ta’ networks tat-trasport ta’ l-ajru;
§ Inżidu d-dehra tagħna fuq l-‘internet’ u anke nżidu inizjattivi maħsuba għal ‘direct online booking’;
§ Inkabbru l-effett tal-benefiċċji mis-sħubija fl-Unjoni Ewropea.
Meta tkellem dwar il-Pjan Strateġiku ta’ l-Awtorita’ tat-Turiżmu ta’ Malta il-Ministru Zammit Dimech qal li kien ta’ pjaċir għalih li kien qed jippreżenta dan il-pjan . Hu qal li dan kien dokument li jirrikonoxxi t-tibdil strateġiku importanti li seħħ fl-Awtorita’ bħala riżultat ta’ l-eżerċizzju tar-ristrutturazzjoni. Hu qal li l-Istrateġija tidentifika wkoll il-‘Key Focus Areas’ għad-direttorati rispettivi ta’ l-Awtorita’ u tagħti linji gwida ċari.
Il-Ministru Zammit Dimech qal li f’dan il-proċess il-fehma tas-settur privat hi importanti. Hu qal li għal dan l-iskop r-rappreżentanti tas-settur privat fis-Segment Advisory Committee, li twaqqfu u qed jiltaqgħu b’mod regolari, diġa’ qed jagħtu l-fehmiet tagħhom.
Il-Ministru Zammit Dimech qal li l-Pjan Strateġiku kien xhieda ta’ organizzazzjoni serja li tħares ’il quddiem u li lesta tiffaċja l-isfidi li l-industrija ser ikollha fis-snin li ġejjin. Hu qal li l-industrija tat-turiżmu hi ta’ importanza nazzjonali u għalhekk l-abbozz ta’ dan id-dokument kien se jkun ‘on line’.
Il-Ministru Zammit Dimech irringrazzja lil Romwald Lungaro Mifsud għall-ħidma u dedikazzjoni tiegħu bla heda fit-tmexxija ta’ l-Awtorita’ tat-Turiżmu. Il-Ministru rringrazzja u awgura wkoll lil Sam Mifsud li se jieħu f’idejh it-tmexxija ta’ l-Awtorita’ b’effett mill-1 ta’ Settembru.
Il-Ministru għat-Turiżmu u Kultura stieden l-partijiet interessati biex jidħlu f’dan id-dokument u jagħtu l-kummenti u s-suġġerimenti tagħhom. Huwa qal li l-istrateġija ma kienitx biss il-pubblikazzjoni ta’ dokument. Hu qal li dan kien proċess li nbeda snin ilu meta twaqqfet l-Awtorita’ tat-Turiżmu ta’ Malta. Proċess li qed ikompli għaliex it-turiżmu hu settur dinamiku li jrid jiġi aġġornat kontinwament.
Other Press Releases:
PR261958EN
PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR THE ECONOMY, TECHNOLOGY AND STRATEGIC PRO...
PR261958