PROĠETT IEĦOR TA’ MILJUN LIRA FL-MCAST
B’investiment ta’ kważi miljun lira l-Gvern qed jibni l-Istitut għal Servizzi fil-Komunita`, Dar l-Istudenti, Canteen u faċilitajiet oħra fl-MCAST. Fil-ħames snin minn mindu infetaħ l-MCAST sa l-aħħar ta’ din is-sena, il-Gvern ser ikun investa Lm 6.6 miljun għall-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali. Fis-snin li ġejjin hu mistenni li dan l-investiment ikompli għaddej biex l-MCAST ikompli jikber u jkun jista’ joffri aktar korsijiet u opportunitajiet ta’ taħriġ.
Il-Ministru Louis Galea qal li qatt ma kien hawn Gvern li investa daqstant fis-settur ta’ l-edukazzjoni vokazzjonali u taħriġ għaż-żgħażagħ u l-adulti. “U dan l-investiment diġa` qed jagħtina ħafna riżultati tajbin. L-ammont ta’ studenti bejn l-20 – 24 sena li qed ikomplu jistudjaw f’livelli ogħla (higher secondary education) żdied minn 45% fl-2002 għal 56% fl-2005 - żieda ta’ 11 il-punt perċentwal. Diġa` għandna 70% ta’ dawk ta’ l-età ta’ 17-il sena li għadhom fl-edukazzjoni u dan ifisser li parti kbira minn dawn se jtemmu l-edukazzjoni post-sekondarja. Filwaqt li fl-2002 kien hawn 52% li kienu qed jispiċċaw l-edukazzjoni qabel 18 il-sena (early school leavers) dawn naqsu għal 38% fl-2005 - tnaqqis ta’ 14 il- punt perċentwal f’tliet snin,” spjega Louis Galea.
Minbarra l-ħidma intensiva li qed issir fl-iskejjel primarji u sekondarji u x-xogħlijiet li qed isiru fl-Iskola Sekondarja Ogħla Giovanni Curmi tan-Naxxar, il-Gvern qed iwettaq ukoll investiment kapitali massiv fl-MCAST, il-Kulleġġ Malti ta’ Arti, Xjenza u Teknoloġija. Filwaqt li fis-sena akkademika li għadha kemm intemmet, il-Kulleġġ inawgura il-bini ta’ Librerija u Ċentru għar-Riżorsi attrezzat kif ukoll parti mill-blokk amministrattiv, bħalissa għaddej xogħol fuq il-bini li fiħ se jiġi trasferit l-Istitut ghal Servizzi fil-Komunità u t-tieni fażi tal-blokk amministrattiv li fiħ se jkun hemm id-Dar ta’ l-Istudenti, Canteen, u faċilitajiet oħra.
Ix-xogħlijiet li qed isiru bħalissa huma parti minn programm ta’ investiment kapitali maħsub biex itejjeb u jkattar il-faċilitajiet tal-Kulleġġ. “Filwaqt li l-MCAST diġà jilqa` fih mal-4000 student full-time u 4000 persuna oħra li qed isegwu korsijiet part-time, il-Kulleġġ u oqsma oħra post-sekondarji u terzjarji ser ikomplu jikbru biex nilħqu l-mira tal-Gvern li aktar żgħażagħ jiksbu ħiliet u kwalifiki tal-kwalita` meħtieġa għad-dinja tax-xogħol illum. L-MCAST bħalissa qed jifformula l-Masterplan tiegħu għall-għaxar snin li ġejjin bl-iskop li jkunu identifikati l-bżonnijiet tal-Kulleġġ u diġà inħareġ tender għal dan l-iskop. Biex iwettaq dan il-pjan, il-Gvern se jkun qed juża ammont sostanzjali ta’ fondi ta’ l-UE permezz tal-ERDF (European Regional Development Fund),” qal il-Ministru ta’ l-Edukazzjoni Louis Galea waqt żjara li għamel fl-MCAST.
Il-Ministru żar il-proġett tal-bini u l-immodernizzar ta’ l-Istitut għal Servizzi fil-Komunità (Institute of Community Services) li bħalissa qed jaqdi l-istudenti minn żewġ postijiet, wieħed f’tas-Sliema u l-ieħor fl-Imsida biswit il-Junior College. F’dan il-blokk saru estensjonijiet u ġew miżjuda żewġ sulari sħaħ fuq dawk eżistenti. Meta jitlesta, il-blokk se jinkorpora 15-il lecture room, 2 salons għat-taħriġ ta’ beauty therapy, 2 salons ta’ hairdressing, crafts workshop, kmamar għall-mużika u d-drama, laboratorju tax-xjenza, laboratorju tal-kompjuter, uffiċini, staff rooms, u faċilitajiet oħrajn inkluż faċilitajiet sanitarji, stores, laundry, u kitchenettes.
Dan il-bini hu maħsub li jkun jista jilqa` għall-bżonnijiet ta’ l-istitut għas-snin li ġejjin u partikolarment biex l-Istitut ikun jista jilqa’ fiħ aktar studenti fil-korsijiet ferm popolari li joffri. L-investiment li qed isir f’dan il-blokk ilaħħaq kważi Lm 700,000 u hu mistenni li jitlesta sa tmiem din is-sena. Il-Kulleġġ diġa’ ħareġ u aġġudika t-tenders għall-għamara u l-apparat li se jkollu bżonn dan l-Istitut. Dan il-proġett qed juża wkoll fondi mill-UE permezz ta’ l-ERDF.
Waqt iż-żjara tiegħu l-Ministru ra wkoll ix-xogħlijiet li qed isiru fid-Dar ta’ l-Istudenti u fil-Canteen tal-Kulleġġ. Il-Canteen se tkun jesa` mat-300 ruħ bil-qiegħda ġewwa u aktar minn 100 ruħ oħra barra.
Il-Ministru Louis Galea qal li ż-żgħażagħ, il-ġenituri u l-industrija huma sodisfatti ħafna bix-xogħol li qed jagħmel l-MCAST. Il-Ministru qal li fi ftit snin il-Kulleġġ kiber b’mod sostanzjali biex issa qed joffri mad-90 kors f’Malta u 13-il kors f’Għawdex u għandu kważi 8000 student li qed isegwu korsijiet full-time jew part-time. Fl-istess żmien il-Kulleġġ irnexxielu jgħolli l-istatus ta’ l-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali bħala alternattiva valida għall-korsijiet li toffri l-Università. Il-Kulleġġ irnexxielu wkoll joffri korsijiet ta’ livelli differenti biex anke dawk li ma jkollhomx ċertifikati jkunu jistgħu jsegwu korsijiet fil-livell baziku (Foundation) biex eventwalment ikomplu f’livelli ogħla sa livelli terzjarji.
Il-Ministru qal li ma’ l-industrija u s-setturi ekonomiċi, l-MCAST diġà għandu relazzjonijiet tajbin ħafna u qed ikompli jaħdem biex dawn jitjiebu. Hu fakkar kif f’dawn l-aħħar snin l-Kulleġġ, b’mod flessibli u fi żmien qasir, offra korsijiet ġodda maħsuba biex jgħinu fl-iżvilupp ta’ setturi ġodda fl-ekonomija, fosthom fis-settur tal-farmaċewtika, fit-tiswija ta’ l-ajruplani u fit-teknoloġija ta’ l-informatika u l-komunikazzjoni. Il-Minstru qal li l-MCAST hu essenzjali għall-iżvilupp ekonomiku li mistenni jseħħ fis-snin li ġejjin u għal din ir-raġuni l-Kulleġġ qed jiżviluppa l-Masterplan tiegħu biex ikun stabbilit kif se jimxi ‘l quddiem fis-snin li ġejjin.
“Bit-tkabbir li qed inwettqu fl-MCAST, fil-Higher Secondary tan-Naxxar, fil-Junior College u fl-Università il-Gvern hu konvint li ser inkomplu nersqu qrib il-miri ta’ l-Aġenda ta’ Lisbona dwar il-parteċipazzjoni fl-edukazzjoni avvanzata u ogħla,” qal Louis Galea. Il-Ministru qal li għalkemm għad fadal ħafna x’isir tajjeb li wieħed jiftakar minn fejn tlaqna u fejn qiegħdin illum. “L-Oppożizzjoni illum qed tgħid li għadna lura fuq l-Aġenda ta’ Lisbona, iżda mhux qed tgħid li kemm ilu dan il-Gvern kien hawn splużjoni fl-ammont ta’ nies li jattendu korsijiet post-sekondarji u terzjarji u dan seħħ għax il-Gvern investa bil-qawwi fl-istituzzjonijiet, neħħa l-ostakli li kien hemm u fetaħ il-bibien beraħ biex kulħadd, specjalment ulied il-ħaddiema, ikunu jistgħu jkomplu jistudjaw u jitħarrġu. L-Oppożizzjoni lanqas ma tirrikonoxxi l-iżbalji kbar li għamlet fil-passat u li ħafna minnhom għadna qed insofru l-konsegwenzi tagħhom sa illum, fosthom it-tkissir ta’ l-Università u l-għeluq ta’ l-MCAST. B’kuntrast il-Gvern preżenti dejjem investa bil-qawwi, żied l-aċċessibilità u ħadem bil-għaqal biex is-settur jimxi l-quddiem, fil-fatt, fl-aħħar 10 snin l-ammont ta’ studenti li qed isegwu korsijiet post-sekondarji u terzjarji irdoppja biex fis-sena akkademika li għaddiet kien hemm mal-20,000 student.”
Il-Ministru Galea temm ifakkar li bħalissa l-Kulleġġ qed jilqa` l-applikazzjonijiet għad-dħul fil-korsijiet tiegħu għas-sena akkademika li jmiss u wara li din is-sejħa tagħlaq nhar il-Ġimgħa, ikun hemm sejħa oħra aktar tard għal dawk il-korsijiet li jkunu għadhom ma intlewx u biex dawk li jkunu kisbu xi riżultati oħrajn mir-riparatorji jkunu jistgħu japplikaw.
Stqarrijiet Oħra:
PR261958EN
PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR THE ECONOMY, TECHNOLOGY AND STRATEGIC PRO...
PR261958