Left arrow Go Back

PROGRAMM TA’ ĦIDMA: “Gvern impenjat biex imexxi ħidma li tkun aktar Miftuħa għan-Negozju”  -   L-Onor. Lawrence Gonzi, Prim Ministru

PR1088
Date Icon 27/07/2006

“Il-Gvern huwa mpenjat biex imexxi ħidma li tkun aktar ‘Miftuħa għan-Negozju’.  Dan huwa l-impenn tal-Gvern, li jkompli jsaħħaħ il-ħidma tiegħu b’risq in-negozji żgħar b’ħidma li tikkonferma kemm huwa viċin is-self-employed u s-sidien ta’ negozji żgħar.  Dan irid jagħmlu billi jkun Gvern ”miftuħ għan-negozju”. Dan qalu l-Prim Ministru, l-Onor. Lawrence Gonzi waqt konferenza ta’ l-ahbarijiet li fiha ġie mniedi l-Pjan ta’ Ħidma għas-sena Ġunju 2006 – 2007, kif ippubblikat mis-Segretarjat għan-Negozji Żgħar u s-Self Employed.  Preżenti wkoll kienu l-Ministru għall-Kompetittivita’ u Komunikazzjoni, l-Onor. Censu Galea u l-Onor. Edwin Vassallo, Segretarju Parlamentari għan-Negozji Żgħar u s-Self Employed.

Il-pubblikazzjoni ta’ programm ta’ ħidma b’44 inizjattiva tixhed il-viżjoni u l-ħidma prattika li l-Gvern ser ikun qiegħed iwettaq sabiex jara li f’pajjiżna jkollna mentalita’ imprenditorjali Miftuħa għan-Negozju. 

L-Onor. Lawrence Gonzi kompla billi qal li “l-objettiv ‘Miftuħa għan-Negozju’ tfisser ħidma li ser tkompli ssaħħaħ il-proċess ta’ sinerġija mal-Gvern kollu, Ministeri, Dipartimenti u Entitajiet oħra.  Dan bil-ħsieb li l-ħidma ppjanata, kif tidher f’dan il-Pjan ta’ Ħidma, effettivament issir.  B’hekk pajjiżna jkompli jsir pajjiż fejn l-attivita’ kummerċjali tikber u ttejjeb is-servizz lejn il-konsumatur, u b’hekk toħloq aktar impjiegi. 

“Dan il-Pjan ta’ Ħidma jagħti wkoll xhieda tal-proġett politiku li l-Gvern għandu li permezz tiegħu jrid ikompli jsaħħaħ is-servizz tiegħu lejn min jaħdem għal rasu u huwa sid tan-negozju tiegħu.  Huwa importanti li wieħed jinnota li f’pajjiżna sa l-aħħar tas-sena 2004 kellna mad-29,670 negozju li jimpjegaw inqas minn għaxar persuni u 1,120 negozju li jimpjega aktar minn għaxra.  Dan ifisser li b’kollox f’pajjiżna kellna mat-30,800 negozju fejn 96% kienu kollha micro-enterprises. Dawn it-30,800 negozju bejniethom kienu jħaddmu 67,309[1] persuna.  Għalhekk, meta qegħdin ngħidu ‘Miftuħa għan-Negozju’ qed nitkellmu dwar kif naslu li nwettqu proġett li fih tkun ikkordinata ħidma fil-Gvern kollu maħsuba biex in-numru ta’ l-impjiegi mas-settur privat ikompli jiżdied. 

“Din il-ħidma ġiet ippjanata wkoll bl-għajnuna ta’ għaqdiet ta’ negozju li l-Gvern qiegħed jaħdem magħhom biex ikun kontinwament konxju ta’ x’inhu mistenni minnu.  Nixtieq nirringrazzja lil dawn l-għaqdiet ta’ negozju li huma kollaboraturi importanti u meħtieġa għall-effettivita’ ta’ din il-ħidma.  B’din il-kordinazzjoni l-Gvern, permezz tas-Segretarjat Parlamentari għan-Negozji Żgħar u s-Self-Employed, qiegħed ikun kontinwament qrib ta’ dan is-settur.  B’hekk il-Gvern tassew jista’ jgħid li huwa qrib tas-self employed u huwa impenjat li jara li pajjiżna jkun tassew miftuħ għan-negozju.” 

Tkellem ukoll il-Ministru għall-Kompetittivita’ u Komunikazzjoni Censu Galea, li qal li “dan il-Programm ta’ Ħidma ser iġib fis-seħħ diversi inizjattivi ġodda u oħrajn li diġa qegħdin jiġu maħduma sabiex is-self employed u n-negozji żgħar f’pajjiżna jkomplu jissaħħu u jingħataw l-importanza li tixirqilhom.  Intagħżel it-titlu ‘Miftuħa għan-Negozju’ għaliex pajjiżna jkattar il-ġid meta jiżdied il-kummerċ u n-negozju. 

L-Onor. Censu Galea qal ukoll li “għandna ninfetħu għan-negozju sabiex f’pajjiżna nifhmu aħjar li l-kummerċ jgħin biex il-konsumatur ikun moqdi aħjar, tiżdiedlu l-għażla tal-prodotti, u bil-kompetizzjoni bejn in-negozji l-konsumaturi jkollhom garanzija li l-prezzijiet jibqgħu kompetittivi.  Għal min qiegħed fin-negozju, kompetizzjoni tfisser ħidma u sfida kontinwa biex in-negozju jitjieb kontinwament.  Il-kompetizzjoni ma theddidx is-sostenibilita’ tan-negozju, iżda tiggarantixxi l-profitti.  Mingħajr kompetizzjoni jkollna suq artifiċjali, suq fejn m’hemmx għażla, u fejn hemm konsumaturi mingħajr dritt ta’ għażla.  Għaldaqstant, biex ikollna suq kompetittiv irridu naraw li naħdmu ta’ kuljum biex niggarantixxu l-kompetittivita’.  Fuq kollox, il-kompetizzjoni trid tkun waħda ġusta, sabiex kull min qiegħed jieħu sehem fil-kummerċ ikun qed jilgħab bl-istess regolamenti.” 

Waqt il-konferenza ta’ l-aħbarijiet, il-Ministru rrefera ukoll għall-ħidma li qed issir għall-benefiċċju tan-negozji ż-żgħar u l-konsumaturi fil-qasam tar-riforma tal-portijiet, kif ukoll fl-industrija tal-manifattura tal-farmaċewtika. 

Is-Segretarju Parlamentari għan-Negozji Żgħar u s-Self Employed, Edwin Vassallo,  spjega li l-Pjan ta’ Ħidma, li ilu jiġi ppubblikat għal dawn l-aħħar sitt snin, għandu bħala l-bażi tiegħu ċ-Charter Ewropew għan-Negozji Żgħar.  Fil-fatt l-44 inizjattiva jaqgħu taħt ħdax-il sezzjoni marbuta man-negozji żgħar, minn edukazzjoni u taħriġ sa l-użu ta’ l-informatika.  L-Onor. Edwin Vassallo qal li “L-impenn tal-Gvern huwa li jara li ssir ħidma effettiva u effiċjenti biex kull imprenditur u sid ta’ negozju jkun iffaċilitat jaħdem, jinnegozja u jagħmel il-flus.  Aktar ma imprenditur jaħdem, aktar jikber in-negozju tiegħu u jħaddem direttament jew indirettament aktar nies miegħu.  Għalhekk, ejjew inkunu miftuħa aktar għan-negozju sabiex nagħmlu minn pajjiżna l-aħjar pajjiż li fih jista’ jsir in-negozju.” 

Fil-ħidma tal-Gvern favur in-negozji żgħar qed ikun hemm sinerġija ma’ Assoċjazzjonijiet u entitajiet relatati man-negozji, biex b’hekk, kull ħidma tal-Gvern isseħħ wara konsultazzjoni ma’ dawk kollha kkonċernati.  Fil-fatt, l-inizjattivi kollha ta’ dan il-Pjan ta’ Ħidma kienu riżultat ta’ konsultazzjoni ma’ l-għaqdiet tan-negozji u ma’ diversi self-employed li taw is-suġġerimenti tagħhom fil-laqgħat li huma attendew bħala parti minn proċess ta’ konsultazzjoni. 

Il-Pjan ta’ Ħidma ta’ din is-sena għandu numru ta’ Annexes, li fosthom hemm Memorandum of Understanding iffirmat bejn is-Segretarjat Parlamentari għan-Negozji Żgħar u s-Self Employed u l-MCAST; Memorandum of Understanding ieħor iffirmat bejn is-Segretarjat u ċ-Chamber of Commerce and Enterprise, l-Federation of Industry, l-GRTU, il-MEA, l-MHRA u l-Malta Institute of Management, entitajiet li fil-fatt kienu preżenti għat-tnedija tal-Pjan; dokument maħruġ mill-Kummissjoni Ewropea dwar l-edukazzjoni fl-imprenditorija; u dokument maħruġ mill-Kummissjoni Ewropea dwar ir-reponsabbilta soċjali ta’ l-intrapriżi. 

Is-Segretarju Parlamentari Edwin Vassallo spjega kif iż-żewġ prijoritajiet tal-Pjan ta’ Ħidma ta’ din is-sena huma proprju l-edukazzjoni fl-imprenditorija, u r-responsabbilta’ soċjali ta’ l-intrapriżi (CSR – Corporate Social Responsibility) u temm jgħid li l-Gvern ser ikompli bil-ħidma tiegħu li tagħti importanza lil dawn iż-żewġ issues, flimkien mal-ħidma biex tkompli titnaqqas il-burokrazija u tkompli tiġi żviluppata l-infrastruttura ta’ fejn jaħdmu bosta negozji.  “Dan il-Programm ta’ Ħidma jkun suċċess permezz ta’ sinerġija bejn il-Gvern u s-settur kummerċjali kollu.  Jien perswas li flimkien kapaċi naħdmu biex ikollna pajjiz miftuħ għan-negozju”  temm jgħid l-Onor. Vassallo. 

Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR THE ECONOMY, TECHNOLOGY AND STRATEGIC PROJECTS  More than 20 digital gaming and esports companies showcase Malta’s Industry Growth at PLAYCON 2026

PR261958EN

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR THE ECONOMY, TECHNOLOGY AND STRATEGIC PRO...

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EKONOMIJA, IT-TEKNOLOĠIJA U PROĠETTI STRATEĠIĊI  L-istrateġija tal-2019 qed tħalli l-frott: aktar minn 20 kumpanija tal-logħob diġitali u l-esports irrappreżentati waqt il-ftuħ ta’ PLAYCON 2026

PR261958

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EKONOMIJA, IT-TEKNOLOĠIJA U PROĠETTI STRATEĠ...

More Press Releases Right arrow