RAPPORT TA’ NOFS IS-SENA, TA’ L-UFFIĊĊJU NAZZJONALI TAL-VERIFIKA, DWAR IL-FONDI PUBBLIĊI 2005
Skond Sezzjoni 108(5) tal-Kostituzzjoni ta’ Malta u l-Ewwel Skeda ta’ l-Att ta’ l-Awditur Ġenerali u l-Uffiċċju Nazzjonali tal-Verifika, il-Fondi Pubbliċi tal-Gvern ta’ Malta għandhom jiġu vverifikati. Għandu jsir rapport dwarhom li jiġi ppreżentat lill-Kamra tar-Rappreżentanti mill-Awditur Ġenerali.
Dan ir-Rapport dwar l-infieq tal-Gvern ta’ Malta fis-sena finanzjarja li għalqet fil-31 ta’ Diċembru 2005, jinkludi fih dak kollu li nstab waqt eżercizzji ta’ verifika finanzjarja u ta’ osservanza sa Ġunju 2006. Jifli wkoll dawk l-organizzazzjonijiet non-governattivi. Dan ir-Rapport se jiżdied ma’ dak Annwali ta’ l-Awditur Ġenerali li jiġi ppublikat lejn l-aħħar tas-sena.
Dawn li ġejjin huma l-punti prinċipali li ġew identifikati:
Il-proċedura wżata biex permezz tagħha l-Kontribuzzjonijiet ta’ Sigurtà Soċjali Klassi 1 ta’ qabel 1998 għaddew mingħand id-Dipartiment tas-Sigurtà Soċjali (SSD) għal għand id-Dipartiment tat-Taxxi Interni (IRD) ħadet iż-żmien mhux ħażin u fuq kollox ma kinitx waħda kompluta. Id-Dipartiment tat-Taxxi Interni hawnhekk naqas milli jivverifika informazzjoni mgħoddija lilu mill-SSD. L-IRD ma għandux software speċjalizzat li bih joħroġ malajr data analizzata, kif ukoll identifikazzjoni u ġenerazzjoni ta’ rapporti dwar dawk kollha li jonqsu fir-rigward ta’ kontribuzzjonijiet. Minflok id-Dipartiment jagħmel użu minn programmi ‘scripts’ magħmula minnu stess. L-IRD naqas milli jiltaqa’ ma’ l-Uffiċċju Nazzjonali tal-Verifika u qatt ma ssupplixxa l-logins tas-sistema kompjuterizzata. B’hekk illimita l-iskop li għalih kellha ssir din il-verifika.
Eżerċizzju ieħor ta’ verifika kien dwar l-allowances tat-tfal. Minn dan irriżulta li d-Dipartiment tas-Sigurtà Soċjali naqas milli fiżikament jivverifika n-numru ta’ tfal kif ukoll il-kompożizzjoni ta’ familji kif ikklejmjati mill-applikanti. Dan id-Dipartiment naqas ukoll milli jivverfika d-dħul iddikkjarat minn dawk kollha li bbenefikaw minn dawn l-allowances ma’ dak id-dħul li dawn l-istess individwi ddikjaraw lid-Dipartiment tat-Taxxi Interni. Fil-perjodu li kien qed jiġi eżaminat instabu wkoll pagamenti żejda u oħrajn b’ammont inqas milli suppost.
Id-Dipartiment ta’ Relazzjonijiet Industrijali u Impjiegi ma kellux il-mekkaniżmu ta’ nfurzar biex permezz tiegħu jirkupra l-ammonti ta’ arretrati li kellu jieħu. L-ebda forma ta’ sigurtà jew garanzija ma ġiet mitluba mill-Gvern lill-applikanti malli dawn ġew mogħtija s-self. Aktar minn hekk, ma setax isir iċċekkjar tad-dokumenti li kellu d-Dipartiment tat-Taxxi Interni ma’ dawk li kellu d-Dipartiment tas-Sigurtà Soċjali. Dan fir-rigward tas-sitwazzjonijiet finanzjarji, ta’ impjieg u stat assistenzjali ta’ dawk kollha li kienu nstabu li naqsu fil-ħlasijiet tagħhom. Dan l-iċċekkjar ma setax isir minħabba li legalment mhux possibli li jkun hemm aċċess għal din l-informazzjoni.
Suppost li d-Dipartiment tad-Dwana għamel użu minn ċertu proċeduri formali stabbiliti. Madanakollu naqas li jagħmel dan. Permezz ta’ dawn il-proċeduri msemmija jsiru eżamijiet fuq oġġetti li qed jinġarru. Dawn l-oġġetti suppost jiġu eżaminati fiżikament kif ukoll issir tgħarbila ġenerali tagħhom u kull dokumentazzjoni dwarhom miflija sewwa. Instabu nuqqasijiet ukoll f’każijiet fejn jinħarġu struzzjonijiet speċjali fir-rigward ta’ ħruġ u użu ta’ garanziji u l-immaniġġjar tagħhom. Ċertu garanziji ġew imwarrba jew rinunzjati. Kien hemm każijiet li għalkemm ċertu data jew informazzjoni dettaljata li kienet qed tiġi eżaminata ma kinitx daqshekk vitali iżda jibqa’ l-fatt li f’xi drabi ma nstabitx.
Waqt laqgħat mad-Dwana ġew identifikati partijiet li jikkonċernaw it-Traditional Own Resources (TOR) b’potenzjal ta’ riskju. Id-defiċjenzi ewlenin kienu l-aktar rigward il-kumpilazzjoni ta’ data u dikjarazzjonijiet mgħoddija mill-Kummissjoni fuq bażi perjodika u dwar il-ħruġ ta’ oġġetti mid-Dipartiment qabel il-ħlasijiet ta’ dwana.
Il-proċess tal-Baġit għad-Dejn Pubbliku ma għandux dokumentazzjonijiet sew u li fuqhom tista’ ssir ukoll il-verifika.
Nuqqasijiet jinkludu:
§ Struttura organizzata għall-ippjanar tad-Dejn Pubbliku inadekwata:
§ L-ebda pjan strateġiku formali għall-immaniġġjar tad-Dejn:
§ Nuqqas ta’ linji gwida ta’ policy dwar id-Dejn Pubbliku;
§ Il-Kumitat ta’ konsulenza għall-Maniġment tad-Dejn Pubbliku mhux jinfunzjona;
§ Proċeduri għall-pubblikazzjoni tal-Kalendarju Annwali għall-ħruġ ta’ Stocks tal-Gvern u għal stocks ġodda tal-Gvern mhux adattati; u
§ Ma twaqqafx Uffiċċju Għall-Maniġment tad-Dejn Pubbliku.
Il-verifika tas-salarji tal-Qrati tal-Ġustizzja kif ukoll tal-Ministeru ta’ l-Edukazzjoni, Żgħażagħ u Impjiegi żvelat nuqqas ta’ kontroll fuq l-attendenza u s-sahra. Ċertifikazzjoni medika biex tkopri l-assenza minħabba mard mhux dejjem ġiet ippreżentata.
Is-sors ta’ awtorità li ssostni r-rata pagabbli lil min jittraskrivi s-smigħ tal-kawżi ma kienx disponibbli. Iżjed minn hekk, dmirijiet bħal dawn suppost li twettqu wara l-ħinijiet normali tax-xogħol. Ċertu uffiċjali iżda kienu qed jaħdmu fuq dawn it-traskrizzjonijiet fil-ħinijiet normali tax-xogħol tagħhom.
Vetturi tal-Gvern kienu qed jintużaw wara l-ħinijiet tax-xogħol u minn nies fi ħdan il-Ministeru ta’ l-Edukazzjoni li ma għandhomx karigi għoljin. Barra minn hekk, ma tnaqqset l-ebda taxxa għal dan il-perkaċċ.
Fil-barriera tal-Gvern, Ta’ Robba, ma nstabux dokumenti adattati dwar il-materjal li qed jintuża. Regoli eżistenti dwar id-dokumentazzjoni għall-attendenza ma kinux qed jiġu applikati għall-ħaddiema tal-barriera. Dawn jingħad li huma ngaġġjati fuq il-bażi ta’ xogħol bl-imqieta, madankollu ma teżisti l-ebda forma ta’ kwota għall-produzzjoni ta’ kuljum u rutina normali ta’ xogħol.
Xogħol ta’ verifika sar ukoll fl-istores tal-Bio Medical Engineering fl-isptar Karen Grech. Minn din il-verifika ħarġu diskrepanzi bejn ir-records ta’ l-istokk li hemm f’dawn l-istores u l-ammonti li nstabu fiżikament. Dettalji, bħal valur ta’ kull oġġett kif ukoll dettalji mingħand min inxtraw, jew ma ġewx rekorjdati sew inkella ma ddaħħlux fis-sistema kompjuterizzata għall-kontroll.
L-Aġenzija għall-ħlasijiet (PA) fi ħdan il-Ministeru għall-Affarijiet Rurali u Ambjent, responsabbli mill-maniġment ta’ fondi mibgħuta mill-Unjoni Ewropea (EU) ma kellhiex sistema kif tamministra ż-żamma tal-flus kontanti. Pagamenti lill-benefiċjarji jsiru kemm il-darba jkun hemm fondi kif ukoll skond iż-żmien stabbilit mill-Kummissjoni Ewropea. Minbarra nuqqas ta’ segregazzjoni ta’ dmirijiet, ma hemmx kontrolli interni u l-komunikazzjoni mad-Dipartiment għas-Sistema ta’ Kontroll u Amministrazzjoni (IACS) tidher dgħajfa.
Ġew innotati diversi nuqqasijiet fis-sistema kompjuterizzata wżata mill-IACS. Minkejja dan, id-Dipartiment qed joqgħod wisq fuq il-mekkaniżmu ta’ din is-sistema u kollox jiddependi minn uffiċjal wieħed partikulari li minbarra hekk iwettaq diversi dmirijiet oħra. Hemm lok għal titjieb ukoll f’dak li huwa ċċekkjar għall-għarrieda fuq il-post kif ukoll għall-kontroll konsegwenti ta’ kwalità.
Numru ta’ eżerċizzji ta’ verifika saru wkoll f’organizzazzjonijiet non-governattivi (NGOs) u f’Awtoritajiet Governattivi oħra. Minn dawn ħareġ ċar li fiż-żewġ każi mhumiex jinżammu l-istandards finanzjarji internazzjonali (IFRSs). Reġistri li fihom jinżammu records dwar l-assi fissi ma kinux kompluti u l-kontroll fuqhom kien b’hekk dgħajjef.
Other Press Releases:
PR261958EN
PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR THE ECONOMY, TECHNOLOGY AND STRATEGIC PRO...
PR261958