PUBBLIKAZZJONI ĠDIDA DWAR IL-MELLIEĦA
L-Għaqda Soċjali 8 ta’ Settembru ppubblikat il-ktieb “Discover the North … the locality of Mellieħa” bl-iskop li dan iservi ta’ gwida għat-turisti u ta’ promozzjoni għal pajjiżna. Il-ktieb hu bl-Ingliż u fih 80 paġna.
Il-ktieb jitratta l-Mellieħa b’tagħrif dwar l-istorja, karatteristiċi tal-lokal, akkomodazzjoni, ikel Malti, bajjiet, il-festa, agrikoltura u sajd, attivitajiet li jiġu organizzati, informazzjoni dwar drawwiet lokali, għaqdiet, servizzi, trasport, postijiet ta’ qima u ta’ interess u direttorju kummerċjali.
Il-Ministru għat-Turiżmu u Kultura Francis Zammit Dimech, li ġie ppreżentat kopja tal-ktieb, feraħ lill-Għaqda Soċjali 8 ta’ Settembru għall-inizjattiva tagħhom. Hu żied igħid li kien ta’ pjaċir għalih li l-Ministeru għat-Turiżmu u Kultura ta l-għajnuna konkreta tiegħu favur din l-inizjattiva. Il-Ministru Zammit Dimech qal li inizjattivi bħal din qed jittieħdu f’diversi lokalitajiet f’Malta bl-iskop li t-turiżmu jinfirex mal-pajjiż kollu u hekk il-Maltin kollha jipparteċipaw minn din l-industrja hekk importanti.
Il-Ministru Zammit Dimech qal li l-Mellieħa kienet imdawwra minn ambjent rurali mill-isbaħ, kellha bajjiet sbieħ u storja li tmur lura mijiet ta’ snin. Hu qal dawn kienu fost l-aktar ingredjenti importanti biex jiġu attirati viżitaturi barranin.
Il-Ministeru għat-Turiżmu u Kultura qal li fi żmien meta l-kompetizzjoni fis-settur turistiku internazzjonali kienet qed tikber ridna nkomplu nidentifikaw dawk in-niċeċ li jagħtuna vantaġġ fuq il-kompetituri tagħna. “Il-bliet u l-irħula tagħna bil-karatteristiċi tagħhom kienu fost dawn in-niċeċ li rridu nagħmlu minn kollox biex nikkonsolidaw u nsaħħu,” tenna l-Ministru Zammit Dimech.
Stqarrijiet Oħra:
PR261958EN
PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR THE ECONOMY, TECHNOLOGY AND STRATEGIC PRO...
PR261958