L-Orgni tal-Kon Kattidral ta’ San Ġwann - ProĠett ieħor finanzjat mill-ħames protokoll Taljan
Il-proġett ta’ l-orgni tal-Kon Kattidral ta’ San Ġwann huwa l-aħħar proġett ta’ restawr li sar mill-ħames protokoll finanzjarju Taljan. L-iskop ewlieni ta’ dan il-proġett kien proprju li dan l-orgni tas-seklu 16 jiġi restawrat u li jerġa` jibda jitħaddem b’mod modern.
Waqt li kien qed iżur l-aħħar ftit xogħlijiet, il-Ministru Ninu Zammit spjega li, oriġinarjament, l-orgni kien jinsab fil-Kon Kattidral u wara ttieħed fl-Oratorju. Madankollu baqa’ jintuża sal-bidu tas-seklu 20, fejn minħabba l-ħsarat estensivi li kellu, ma baqax jintuża.
Il-Ministru żied jgħid li r-restawr fuq l-orgni kien wieħed kumpless u speċjalizzat u kien maqsum fuq żewg fażijiet. L-ewwel fażi ta’ dan il-proġett kien proprju r-restawr tal-kaxxa ta’ l-injam ta’ l-orgni mid-ditta MC Restauri bi spiża ta’ madwar Lm 25,000. Jassisti fil-proġett kien hemm ir-restawratur Malti Josef Aquilina. F’din l-ewwel fażi kellhom jiġu magħmula mill-ġdid ħafna partijiet nieqsa fejn wara dan kollu, l-orgni reġa` ngħata d-dehra oriġinali li kellu.
It-tieni fażi ta’ dan ir-restawr kienet il-parti mużikali ta’ l-orgni. Dawn il-partijiet ttieħdu Padova, fl-Italja, fejn id-ditta Fratelli Ruffati, għamlu r-restawr tagħhom bl-ispiża ta’ madwar Lm 67,000. Fost d-diversi xogħlijiet kumplessi li saru kien hemm ir-restawr ta’ kanen oriġinali b’sistemi innovattivi u saru mill-ġdid il-kanen sekondarji.
It-tastiera ukoll saret mill-ġdid peress li din kienet kważi nieqsa kompletament u sar ħafna xogħol ta’ ċertu dettal minħabba l-fatt li parti essenzjali tal-mekkaniżmu li jħaddem l-operat sofistikat ta’ l-orgni, kien nieqes. Wara dan kollu ġiet restawrata s-sistema l-qadima ta’ l-orgni, fejn saret sistema ġdida li biha jista’ jitħaddem mill-ġdid dan l-orgni. Sar ukoll studju intensiv fuq in-noti li kien hemm nieqsa. Ix-xogħol ta’ restawr fuq dan l-orgni huwa ppjanat li jiġi fi tmiemu fl-aħħar ta’ Awissu.
Il-Ministeru għar-Riżorsi u l-Infrastruttura ukoll iffinanzja parti mill-ispiża ta’ dan il-proġett li tammonta għal madwar Lm 22,000.
Fl-aħħarnett il-Ministru Ninu Zammit qal li r-restawr ta’ dan l-orgni jgħaqqad il-kullana ta’ xogħlijiet prezzjużi u speċjalizzati li saru mill-Gvern fil-Kon Kattidral ta’ San Gwann. L-investiment li hu msarraf f’xogħol fil-Cappella d’Italia u issa wkoll fuq l-orgni, juri l-kollaborazzjoni bejn żewġ pajjiżi girien li flimkien wettqu xogħol favur wirt storiku u komuni liż-żewġ Stati.
Stqarrijiet Oħra:
PR261958EN
PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR THE ECONOMY, TECHNOLOGY AND STRATEGIC PRO...
PR261958