Left arrow Mur Lura

Tibda Fażi Ġdida ta’ Xogħlijiet fl-Iskola Primarja tas-Siġġiewi

PR1073
Date Icon 25/07/2006

Bdiet ir-raba fażi ta’ xogħlijiet fl-iskola primarja Patri Ġuże' Delia tas-Siġġiewi meta illum beda x-xogħol biex jitlesta sular ġdid fuq l-iskola kollha, filwaqt li qed titlesta s-sala l-ġdida.  Fl-aħħar fażi ser isir xogħol fuq il-grounds u l-faċilitajiet rikreattivi ta’ l-iskola, landscaping fuq barra ta’ l-iskola, u tiġi refurbished il-parti l-antika ta’ l-iskola.  Meta jitlesta l-proġett fl-iskola tas-Siġġiewi, li fiha tilqa` aktar minn 400 student, se jkun sar investiment ta’ madwar miljun Lira u b’hekk anke l-iskola tas-Siġġiewi jkollha ambjent mill-aqwa u tkun tista’ tissejjaħ Skola ta’ Għada.

Il-Ministru ta’ l-Edukazzjoni Louis Galea żar ix-xogħlijiet li għaddejjin bħalissa fis-sala l-ġdida ta’ l-iskola li hu fi stadju avvanzat.  Ix-xogħol fuq din is-sala se jfisser investiment ta’ madwar Lm 250,000. Is-sala l-ġdida ser tkun tesa’ mas-700 persuna bil-qiegħda, fi spażju ta’ 600 metru kwadru, b’foyer u backstage mdaqqas kif ukoll basement store, faċilitajiet sanitarji u changing rooms. 

Is-sala hija disinjata bħala sala ghal użu divers (multi-purpose) u mistennija tintuża mill-iskola bħala assembly hall, awditorju għall-attivitajiet ta’ l-iskola u għall-attivitajiet sportivi. Fil-fatt għandha wisa’ ta’ 16-il metru, tul ta’ 28 metru u għoli ta’ kważi 7 metri biex tkun tista’ takkomoda saħansitra pitch tal-basketball full-size.  Is-sala se jkollha palk li jista’ jiżżarma, lift għall-aċċessibilità, l-apparat kollu meħtieġ għas-sala u għall-isport u meta titlesta se jsir landscaping tal-parti esterna tas-sala li huwa spazju pubbliku.

Il-proġett fl-iskola tas-Siġġiewi kien wieħed kumpless u allura nqasam f’diversi fażijiet biex filwaqt li l-iskola tikber u tiġi mmodernizzata, l-istudenti jkunu jistgħu jkomplu bl-iskola mingħajr diffikultajiet.  Fil-fatt l-ewwel ma kien sar kien il-bdil tas-soqfa kollha ta’ l-iskola biex dawn issaħħu u jkun jista` jinbena sular ġdid fuq l-iskola.  Fit-tieni fażi beda t-twaqqiegh ta’ parti mill-bini u l-bini ta’ sular ġdid, il-bini ta’ Substation, il-bini ta’ żewġ estensjonijiet oħra fuq l-iskola, il-bini ta’ basement store u l-installar ta’ lift u turġien ġodda.

Waqt iż-żjara li għamel, il-Ministru qal li meta jitlesta l-proġett, is-Siġġiwien se jkollhom skola b’ambjent ta’ l-għola kwalità u b’faċilitajiet mill-aqwa.  Hu qal li l-iskola ilha żmien twil tħoss il-bżonn tat-tkabbir u l-immodernizzar, b’mod partikolari tas-sala li mistennija tkun lesta fi żmien qasir.  Louis Galea qal li l-proġett f’din l-iskola sar b’ghaqal kbir tant li l-edukazzjoni tat-tfal setghet tkompli għaddejja waqt li saru x-xogħlijiet.

Louis Galea qal li qatt ma kien hawn daqstant investiment fil-qasam edukattiv daqs kemm qed isir illum u partikolarment investiment kapitali ta’ din ix-xorta.  Louis Galea qal li filwaqt li l-Gvern għadu kemm bena skola sekondarja ġdida f’Ħal Kirkop u beda l-bini ta’ oħra f’Ħal Qormi, qed ikompli b’diversi proġetti kbar u żgħar biex l-iskejjel kollha jiġu modernizzati.  Il-Gvern, permezz tal-Fondazzjoni għall-Iskejjel ta’ Għada (FTS), qed jaħdem f’madwar 30 skola differenti bi proġetti mdaqqsa u se jkun qed jaħdem f’diversi skejjel oħra bi proġetti iżgħar. 

Louis Galea tenna li l-ambjent ta’ l-iskola huwa ingredjent importanti ħafna biex jinkiseb suċċess fl-edukazzjoni.  Hu qal li meta sar il-Kurrikulu Nazzjonali din kienet waħda mill-oqsma ewlenin fejn kien hemm bżonn isir ħafna xogħol u fuq dan il-Gvern qed iwettaq bil-kbir.  Il-Ministru qal li l-iskejjel qed jaħdmu ħafna fuq il-Kurrikulu Nazzjonali biex l-għanijiet u l-prinċipji tiegħu jitwettqu fl-iskejjel tagħna

Il-Gvern se jgħaqqad l-iskejjel tal-Gvern f’Kulleġġi awtonomi u jsaħħaħ il-funzjonijiet regolatorji u amministrattivi li bħalissa għandha d-Diviżjoni ta’ l-Edukazzjoni.  “Fis-sena skolastika li għaddiet kellna tliet Kulleġġi u network ta’ skejjel speċali qed jaħdmu bi prova.  L-esperjenza ta’ din is-sena hija pożittiva kemm għall-istudenti, kif ukoll għall-għalliema u għall-kommunità.  Il-Kulleġġi jagħtu l-opportunità li jintlaħqu l-bżonnijet ta’ kull individwu b’mod aktar effettiv, itejjbu t-transizzjoni bejn il-livelli differenti, ikattru l-ideat u l-prattiċi t-tajba u jgħinu biex jingħelbu problemi u sfidi komuni, jagħtu l-opportunità lil grupp ta’ għalliema biex jieħdu responsabbiltà kollettiva ta’ l-istudenti, u joħolqu opportunitajiet ġodda għall-għalliema u għall-adulti li jridu jkomplu jitħarrġu.”

Louis Galea qal li dawn huma l-fatti dwar l-iżvilupp fil-qasam edukattiv, inizjattivi pożittivi li jwasslu għal titjib dirett fil-klassi u eventwalment għal riżultati aħjar.  Hu tenna li bħalma inizjattivi li ttieħdu fil-passat illum qed jagħtuna riżultati tajbin f’kull livell, hekk ukoll fiż-żmien li gej nibdew naħsdu l-frott tal-bidliet u l-iżviluppi li qed iseħħu llum.  Il-Gvern, bil-fatti, qed ipoġġi l-edukazzjoni bħala priorità.

Louis Galea qal li bil-ħidma li qed issir permezz ta’ programmi differenti r-rata ta’ illiteriżmu qed tonqos u tinsab f’livelli baxxi ħafna anke meta mqabbla ma’ pajjiżi oħra.  Il-Ministru fakkar li pajjiżna għandu wkoll il-partikolarità tiegħu peress li t-tfal tagħna huma bilingwi u jitgħallmu żewġ lingwi sa minn eta’ żgħira.  Il-fatti huma li filwaqt li l-illitteriżmu fost il-populazzjoni adulta kollha (minn 15-il sena l-fuq) minn kwazi 12% fil-1995 nizel ghal 7.7% fl-2005, fost iż-żgħażagħ ir-rata hi ta’ 1.4%. It-titjib fil-livell ta’ l-edukazzjoni narawh ukoll mill-fatt li n-numru ta’ dawk li jgħaddu għall-Junior Lyceum fl-aħħar ftit snin żdied b’10%.  Il-Gvern jibqa` jaħdem biex sa fejn hu possibbli kulħadd joħroġ mis-sistema edukattiva jaf jikteb u jaqra u jkollu bażi edukattiva ta’ kwalita`.
Ixxerja din l-istqarrija Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Stqarrijiet Oħra:

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR THE ECONOMY, TECHNOLOGY AND STRATEGIC PROJECTS  More than 20 digital gaming and esports companies showcase Malta’s Industry Growth at PLAYCON 2026

PR261958EN

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR THE ECONOMY, TECHNOLOGY AND STRATEGIC PRO...

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EKONOMIJA, IT-TEKNOLOĠIJA U PROĠETTI STRATEĠIĊI  L-istrateġija tal-2019 qed tħalli l-frott: aktar minn 20 kumpanija tal-logħob diġitali u l-esports irrappreżentati waqt il-ftuħ ta’ PLAYCON 2026

PR261958

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EKONOMIJA, IT-TEKNOLOĠIJA U PROĠETTI STRATEĠ...

Aktar Stqarrijiet Right arrow