IL-VICI PRIM MINISTRU TONIO BORG JINDIRIZZA LAQGHA EWROPEA TAL-MINISTRI TAL-GUSTIZZJA U L-INTERN
F’diskors fil-Kunsill tal-Ministri tal-Ġustizzja u Intern ta’ l-Unjoni Ewropea, il-Viċi Prim Ministru u Ministru tal-Ġustizzja u l-Intern, l-Onor. Tonio Borg qal li filwaqt li l-Unjoni qabdet it-triq it-tajba dwar l-immigrazzjoni bil-proposti riċenti, mħabbra mill-Kummissarju Ewropew Franco Frattini, it-triq għadha twila. Il-pajjiżi tal-fruntiera jridu li l-Unjoni turi iktar biċ-ċar li hija tagħti każ ta’ din il-problema. Ir-rondi (patrols) fil-baħar huma biss forma waħda ta’ din is-solidarjeta’.
Forma ta’ solidarjeta’ oħra huma l-fondi ta’ għajnuna għall-pajjizi milquta minn din il-problema. Il-Viċi Prim Ministru saħaq li xi kultant wieħed jieħu l-impressjoni li hemm min jaħseb li l-emerġenza trid titfassal skond il-fondi u mhux bil-maqlub. Malta għandha bżonn għajnuna finanzjarja mmedjata għal spiża kapitali li nefqet u li għad trid tonfoq fiċ-ċentri ta’ detenzjoni u dawk miftuħa.
In-numru ta’ klandestini li waslu Malta mill-bidu tas-sena kiser kull rekord u fix-xahar ta’ Ġunju biss, ġew mas-650 immigrant li wassal l-ammont mill-bidu tas-sena għal 1,200. Dan ifisser li qishom daħlu 220,000 fil-Ġermanja.
“Ħadd m’għandu jippretendi li Malta tkun l-għassiesa solitarja tal-fruntieri Ewropej fin-nofsinhar. La għandha l-kapaċita’ u l-anqas ir-rieda. Fil-waqt li l-Gvern ser jonora l-obbligi tiegħu” sostna l-Viċi Prim Ministru, “ser ikompli jħares bla mittiefes l-interess nazzjonali, kif ġara fil-kaz tat-trawler Spanjol”.
Other Press Releases:
PR261958EN
PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR THE ECONOMY, TECHNOLOGY AND STRATEGIC PRO...
PR261958