DISKORS TA’ L-ONOR. E.VASSALLO, SEG. PARLAMENTARI GĦAN-NEGOZJI ŻGĦAR U S-SELF EMPLOYED, FL-OKKAŻJONI TA’ L-ISTAKEHOLDERS’ FORUM LI QIEGĦED ISIR F’MALTA BEJN IL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U L-KUNSILL MALTI GĦALL-IŻVILUPP EKONOMIKU U SOĊJALI
L-Ewropa taż-żewġ dimensjonijiet: dik politika u dik taċ-ċittadini.
Għaċ-ċittadini Ewropej donnu teżisti Unjoni Ewropea ta’ żewġ dimensjonijiet; l-Unjoni Ewropea li hija magħmula miċ-ċittadini, u l-Unjoni Ewropea ta’ l-istituzzjonijiet.
Jidher li l-Unjoni Ewropea taċ-ċittadini hija l-Unjoni Ewropea li kull ma jmur qed tikber fil-popolarita’ tagħha. Iċ-ċittadini jemmnu fit-tisħiħ ta’ l-Unjoni Ewropea taċ-ċittadini. F’din l-Unjoni huma jaraw ġejjieni li fih il-liberta’ u l-paċi huma msaħħha.
F’dan ir-rigward, iċ-ċittadini Ewropej iridu jistkennu f’din id-demokrazija hekk poplari sabiex jaċċertaw lilhom infushom li ma jerġgħux jgħixu t-tbatija ta’ l-imgħoddi, fejn kellna pajjiżi maqsuma politikament fi tnejn u fejn kellna familji jgħixu taħt dittatura politika ta’ forom u għamliet varji.
Għaċ-ċittadini Ewropej l-Unjoni Ewropea tfisser li ma jridux jgħixu aktar bħala sudditi ta’ reġimi dittatorjali bħalma kien ġara fl-imgħoddi. Fi ftit kliem l-istorja ħadd ma jridha tirrepeti lilha nnifisha.
Minn naħa l-oħra teżisti wkoll l-Unjoni Ewropea ta’ l-istituzzjonijiet, fejn għandek il-Parlament Ewropew, id-direttorati u kummissjonijiet differenti, kif ukoll id-diversi Kunsilli tal-Ministri, li jiltaqgħu biex jiddeċiedu l-Politika Ewropeja li imbagħad tiġi ratifikata mill-Parlament Ewropew.
Lejn qbil bejn iż-żewġ dimensjonjet.
Dawn iż-żewġ dimensjonijiet ta’ l-Unjoni Ewropea xi drabi donnhom ma jaqblux fil-viżjoni tagħhom dwar kif għandha timmatura l-Unjoni Ewropea. Riċentement għexna avveniment li fih ingħatat prova ta’ kemm iċ-ċittadini Ewropej ma qablux ma’ dak li kien qed jiġi propost mill-politiċi.
Jiġri wkoll li ċ-ċittadini Ewropej, bħal ħafna popli oħra, maż-żmien ikunu kritiċi tat- tmexxija tagħhom u donnu jinħoloq kunflitt bejn direzzjoni popolari u dik politika.
L-isfida ta’ l-Unjoni Ewropea għat-tisħieħ tal-ġejjieni hija li ż-żewġ dimensjonijiet joqorbu lejn xulxin u jintegraw tant li d-dimensjoni politika tkun tirrifletti x-xewqat taċ-ċittadini Ewropej.
Il-valur tas-solidarjeta’u l-liberta’.
Fil-fehma tiegħi, biex din is-sinerġija ta’ l-ideat u l-idejali ssir realta’, L-Unjoni Ewropea, fid-dimensjoni politika tagħha, trid tħares aktar lejn kif tiskopri mill-ġdid l-interess li tkun Unjoni Ewropea li bil-politika tagħha tassew iġġib fis-seħħ il-valuri soċjali u spiritwali li kienu l-bażi ta’ l-istess Unjoni. Il-fundaturi ta’ l-Unjoni Ewropea ħasbu tant f’dawn il-valuri meta ġew biex jiffurmaw il-patt politiku li imbagħad wassal għall-formazzjoni ta’ l-Unjoni Ewropea kif inhi illum. Jiena qiegħed nirreferi għall-valuri politiċi ta’ sussidjarjeta’ u deċentralizazzjoni, kif ukoll il-valuri spiritwali ta’ solidarjeta’ u liberta’.
Dawn il-valuri politiċi u spiritwali iridu jiżviluppaw b’tali mod li huma wkoll isiru valuri popolari. Iridu jsiru l-valuri tal-kotra u ma jibqgħux miżmuma bħala valuri li huma monopolju tal-ftit. F’dan ir-rigward iċ-ċittadini ta’ l-Unjoni Ewropea jridu jifhmu aktar li fil-ħajja daqs kemm għandek drittijiet għandek ukoll dmirijiet.
Id-drittijiet u d-dmirjiet
Il-ħajja soċjali u ekonomika tagħna ċ-ċittadini ta’ l-Unjoni Ewropea hija kollha kemm hi bbażata fuq id-drittijiet, iżda trid tingħata wkoll importanza lejn id-dmirijiet. Ma jistax ikollna drittijiet mingħajr ma nitkellmu wkoll fuq id-dmirijiet. Jien nemmen li l-valur tas-solidarjeta` irid ikun aktar magħruf u parti mill-ħajja ta’ kuljum taċ-ċittadini tagħna. Is-solidarjeta’ huwa valur li jsaħħaħ il-liberta’ u jgħin lill-bniedem jgħix il-valur tal-liberta’ fil-paċi, u iġib fis-seħħ il-milja tal-valur tal-ħajja umana tagħna ċ-ċittadini.
Bla solidarjeta’l-persuna tgħix taħseb fiha nnifisha skond x’jaqbel lilha nnifisha. Il-bniedem ma ġiex mogħti l-ħajja biex jgħix f’ħajja għalih waħdu ‘l bogħod mill-oħrajn, iżda l-bniedem ġie maħluq biex jgħix fil-komunita’.
L-Unjoni Ewropea tikber daqskemm jikber is-sens ta’ komunita’ f’kull komunita’.
L-Unjoni Ewropea tikber soċjalment daqskemm jonqos l-egoiżmu, l-individwaliżmu u l-indifferenza lejn il-ġid komuni. Iċ-ċittadini ta’ l-Unjoni Ewropea ma jistgħux jirrikorru lejn anarkija u nuqqas ta’ qbil mad-dimensjoni politika ta’ l-istess Unjoni sempliċiment għaliex huma, bħala ċittadini, jistennew dak li huma m’humiex lesti li jagħtu lilhom infushom iżda li jippretendu mill-politiċi. Hemm id-dmirjiet tal-politiċi u hemm id-dmirijiet taċ-ċittadini. Ma jistax ikollna qbil bejn id-dimensjoni politika u dik taċ-ċittadini jekk wieħed jistenna mill-ieħor mingħajr ma jħares lejn jekk wettqax id-dmir li kellu jwettaq.
Dan id-diskors jgħodd ukoll għal pajjiżna, għaliex kull pajjiż huwa l-Unjoni Ewropea li jrid li jkun. F’kull pajjiż, inkluż Malta, għandna d-dimensjoni politika u dik taċ-ċittadini u iżjed ma t-tnejn jifhmu lil xulxin, iżjed tikber l-armonija. Din ir-realta’ hija l-verita’ li tgħodd għal kull pajjiż kif ukoll tgħodd għall-Unjoni Ewropea kollha kemm hi.
Politikament l-Unjoni Ewropea trid toqrob aktar lejn iċ-ċittadini tagħha. Hija l-isfida ta’ kull Gvern nazzjonali, reġjonali u lokali li jkun rappreżentant tas-sentiment popolari. Ma hemmx sussidjarjeta’ u deċentralizazzjoni fejn ma hemmx valur ta’ komunikazzjoni bejn il-politiċi u ċ-ċittadini. Ma jistax ikollna politiċi li jifhmu lill-poplu jekk ma jikkomunikawx mal-poplu, iżda lanqas ma jista’ jkollna poltiċi li jridu l-komunikazzjoni u poplu li ma jridx jikkomunika.
Persuna li ma jimpurtahiex minn dak li qiegħed jiġri madwarha ma hijiex tassew ċittadin Ewropew għaliex li tkun ċittadin Ewropew tfisser li tkun ċittadin li jimpurtak mill-komunita’.
L-istituzzjonijiet politiċi jagħmlu l-politika iżda ma jagħmlux l-Unjoni Ewropea. L-Unjoni Ewropea hija magħmula miċ-ċittadini tagħha u ċ-ċittadini tagħha jagħtu l-ħajja lill istess Unjoni.
Il-valuri u l-fidi
Il-valuri tas-solidarjeta’ u l-liberta’ isibu l-milja tagħhom fil-fidi f’Alla.
Iċ-ċittadini ta’ l-Unjoni Ewropea sa minn dejjem fittxew li jgħixu l-fidi tagħhom f’Alla f’relazzjoni mal-Knisja u bejniethom. Alla li tana l-ħajja, tana l-istess liberta’ iżda ma hemm l-ebda liberta’ u ħajja jekk ma ngħixux f’Alla. Dan jiswa għal kull persuna, ta’ kwalunkwe reliġjon, u jgħodd ukoll għall-Unjoni Ewropea
Illum jew għada bħalma kull persuna trid tiffaċċja din il-verita’ anke l-istess Unjoni Ewropea trid tiffaċċja din ir-realta`. Il-bogħod minn Alla l-Unjoni Ewropea ma tistax tgħix fil-paċi u tħares il-liberta’ tagħha.
Iċ-ċittadini ta’ l-Unjoni Ewropea għandhom sfida waħda, li jkomplu jsostnu l-ħajja ta’ l-istess Unjoni Ewropea. L-Unjoni Ewropea hija l-unjoni taċ-ċittadini li fid-diversita` tal-lingwi, ta’ l-idejat u r-reliġjonijiet iridu jkunu kapaċi jgħixu l-valur tas-solidarjeta’ bl-imħabba, għaliex ma hemm l-ebda solidarjeta’ mingħajr imħabba. Permezz ta’ hajja imsaħħa b’fidi f’Alla ċ-ċittadini jħarsu l-paċi u l-liberta’. L-istituzzjonijiet politiċi qegħdin biex imexxu, biex jiżviluppaw viżjoni u biex jgħinu sabiex ikun żviluppat idejal, iżda fuq kollox il-politika fl-Unjoni Ewropea ma tridx tkun tfisser ħakma iżda servizz lejn il-persuna umana.
Jekk l-Unjoni Ewropea jkollha ċittadini li jgħixu l-fidi tagħhom, ikollna Unjoni Ewropea li tirrispetta l-ħajja u jkollna politiċi li jmexxu lill-istess poplu f’Unjoni fejn il-valur tas-solidarjeta’ jkompli jsaħħaħ u mhux jeqred il-ħajja.
Din hija l-Unjoni Ewropea li nemmen fiha jiena. Nixtieq li naraha tikber u tkompli toffri l-kenn demokratiku fil-liberta’ politika’ u fil-liberta’ ta’ xhiedha tal-fidi.
Din hija l-Unjoni Ewropea li trid tikber u tkompli toffri l-paċi lil aktar popli li jħarsu lejha bħala l-kenn mit-tbatija li ġarrbu fl-imgħoddi.
Mill-imgħoddi nitgħallmu biex fil-preżent ngħixu l-valuri li għaddewlna ta’ qabilna u hekk niggarantixxu l-ġejjieni ta’ l-Unjoni Ewropea, li għandha fejn tkompli tikber u tissaħħaħ għas-servizzi taċ-ċittadini tagħna.
Other Press Releases:
PR261958EN
PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR THE ECONOMY, TECHNOLOGY AND STRATEGIC PRO...
PR261958