Aktar għajnuna finanzjarja lis-settur tas-Sajd
“Il-Gvern għal darb’oħra qed juri bil-fatti li qed iżomm mal-wegħdiet tiegħu mas-sajjieda Maltin u Għawdxin li mhux biss jgħinhom b’mod tekniku imma li jkompli jagħti għajnuna finanzjarja lil dan is-settur”. Dan qalu Dr Francis Agius, is-Segretarju Parlamentari responsabbli ghall-Biedja u Sajd, meta kien qed jippresiedi ghall-iffirmar ta’ ftehim bejn il-Gvern Malti L-Għaqda Kooperativa tas-Sajd Ltd, Azzopardi Fisheries ta’ San Pawl il-Baħar u Bugeja Fish Market ta’ Għawdex.
Dr Agius qal li din il-miżura ta’ għajnuna finanzjarja qed tintuża fi qbil mal-kundizzjonijiet tar-Regolament ta’ l-Unjoni Ewropea 2792/1999 li kien emendat bit-2369/2002 li tittratta dwar l-għajnuna strutturali mill-Unjoni Ewropea fis-settur tal-ħut.
L-ghanijiet ta’ din il-mizura setghu jiġu milħuqa bil-bini ġdid jew immoderniżżar ta’ stabilimenti ġodda jew eżistenti ta’ priservazzjoni u proċessar tal-hut. Din hi miżura maħsuba sabiex ittejjeb il-kwalitajiet tal-faċilitajiet ta’ proċessar u bejgħ fis-sezzjoni tas-sajd.
Dr Agius spjega kif l-investimenti jistgħu jsiru fi pproċessar ta’ prodotti tal-ħut li jinvolvu mmaniġjar ta’ ħut, trattament ta’ ħut, ippriservar u distribuzzjoni bejn il-ħin ta’ żbarkar u l-prodott finali. Effetti oħra bħal faċilitajiet ta’ l-ipproċessar u bejgħ aktar effiċjenti, titjib fil-kundizzjonijiet tas-sigurta’ u saħħa fuq il-post tax-xogħol, titjib sanitarju fuq il-post tax-xogħol u titjib fil-kundizzjonijiet tax-xogħol jistgħu wkoll jiffurmaw parti mil-progetti. Meta wieħed jara dan kollu, ma jridx iħares biss lejn l-għajnuna lejn is-settur tas-Sajd, imma li minn din l-għajnuna jibbenefika ukoll il-konsumatur, għax din l-għajnuna tgħin biex il-prodott jasal b’aktar mod iġeniku u frisk għand l-istess konsumatur Malti.
Dr Agius qal li total ta’ 500,000 Euros (Fondi Maltin kif ukoll Ewropej) setgħu jiġu riċevuti minn intrapriżi fis-settur ta’ l-ipproċessar u bejgħ. Il-proġetti eliġibbli ser jirċievu fondi sa massimu ta’ 40% mill-fond ta’ l-FIFG u mill-Gvern Malti. L-applikanti jkollhom iħallsu l-bqija, jiġifieri 60% tal-proġett (VAT eskluża). Din l-iskema ġiet ippublikata fil-Gażżetta tal-Gvern tas-17 ta’ Ġunju 2005 u fuq il-Gażżetti lokali kollha.
Tlett benefiċjarji li applikaw sabiex ikunu jistgħu jibbenefikaw minn dawn il-fondi kienu eligibbli. Il-benefiċjarji flimkien applikaw sabiex jinvestu fl-intrapriżi tagħhom s-somma ta’ Lm501,374 mingħajr VAT.
Dr Agius temm jgħid li b’hekk bil-ħidma siewja tal-Gvern favur is-settur tas-Sajd illum dawn it-tlett benefiċjarji qeghdin jiffirmaw il-kuntratt sabiex ikunu jistgħu jibbenefikaw minn dawn il-fondi ta’ l-Unjoni Ewropea.
Other Press Releases:
PR261958EN
PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR THE ECONOMY, TECHNOLOGY AND STRATEGIC PRO...
PR261958