Left arrow Go Back

Inawgurati l-Kwartieri l-Ġodda ta’ l-O.H.S.A.

PR1044
Date Icon 17/07/2006

Il-kwartieri ġodda għall-Awtorità għas-Saħħa u s-Sigurtà fuq il-Post tax-Xogħol (OHSA) f’Tal-Pietà li saru b’investiment ta’ nofs miljun lira b’kontribut finanzjarju mill-Unjoni Ewropea ġew inawgurati nhar is-Sibt 15 ta’ Lulju 2006, mill-Prim Ministru Dr Lawrence Gonzi fil-preżenza tal-Ministru ta’ l-Edukazzjoni, Żgħażagħ u Xogħol, Dr Louis Galea.

Il-Kwartieri l-ġodda ta’ l-Awtoritá għandhom diversi faċilitajiet li jgħinuha twettaq id-doveri tagħha fi sforz biex is-saħħa u s-sigurtá tal-ħaddiema fuq il-post tax-xogħol ikunu mħarsa. Fost oħrajn dawn il-Kwartieri jinkludu kmamar li jitużaw minn uffiċjali tal-Bord għall-Protezzjoni kontra r-Radjazzjoni, kamra għal staff mediku speċjalizzat f’occupational diseases, uffiċċji għal spetturi li jaħdmu fid-divesri oqsma fosthom f’dak tal-kostruzzjoni, radjazzjoni, makkinarju u apparat, investigazzjoni ta’ inċidenti fis-sezzjoni ġenerali u żewġ kmamar għat-taħriġ.

F’diskors ta’ l-okkażjoni l-Prim Ministru Dr Lawrence Gonzi qal li fl-aħħar snin saru żviluppi mportanti f’dan is-settur - mhux l-anqas fil-mentalità tal-ħaddiema u tal-employers. “Illum, is-saħħa u s-sigurtà m’għadhomx xi kunċett astratt, iżda jinsabu fuq l-aġenda tal-pajjiż u ta’ ħafna impriżi. Gvern, ħaddiema u employers jonqosna ħafna aktar x’nagħmlu. Is-saħħa u s-sigurtà m’għadniex inħarsu lejhom bħala piż, iżda bħala opportunità biex nirrendu l-ekonomija tagħna iktar sostenibbli,” qal il-Prim Ministru. 

L-importanza li pajjiżna qiegħed jagħti f’dan il-qasam ġejja mill-fatt li llum bdejna nifhmu sewwa li t-titjib fil-qasam tas-saħħa u s-sigurtà qiegħed verament isarraf fi tnaqqis ta’  sofferenzi, ta’ sitwazzjonijiet trawmatiċi u drammatiċi għall-individwi li jkunu ntlaqtu b’inċident u għall-familji tagħhom; qiegħed ifisser vantaġġi ekonomiċi għal pajjiżna għaliex inevitabilment kull inċident iġib miegħu prezz ekonomiku qawwi; u qiegħed jixpruna titjib fil-kompetittività  ta’  pajjiżna.  

L-Unjoni Ewropea (UE) tagħti mportanza kbira lis-settur tas-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol. Dan huwa rifless fid-Direttivi li jeżistu dwar is-suġġett. Il-Prim Ministru nnota b’sodisfazzjon li f’dan is-sens, l-Awtorità għas-Saħħa u s-Sigurtà rnexxilha taħdem biex dawn id-Direttivi jidħlu fil-liġijiet Maltin u rnexxilha  tagħmel dan mingħajr ma toħloq piżijiet burokratiċi żejda.  

Il-Ministru ta’ l-Edukazzjoni, Żgħażagħ u Xogħol, Dr Louis Galea, filwaqt li irringrazzja lill-Bord u l-impjegati kollha ta’ l-Awtorita`, qal li jeħtieġ insostnu l-istrateġija ta’ twassil ta’ informazzjoni u edukazzjoni dwar l-obbligi legali u dwar kif ikunu attwati dawn l-obbligi. “L-Awtorità issa daħlet f’fażi oħra fejn qed tenfasizza l-ħtieġa li fil-postijiet tax-xogħol jiġu żviluppati policies ta’ saħħa u sigurtà, li jkun hemm ir-rappreżentanti tal-ħaddiema għas-saħħa u s sigurtà, li ssir l-evalwazzjoni tar-riskji u anki li jkunu appuntati nies kompetenti biex jgħinu fit-twettiq ta’ miżuri ta’ prevenzjoni u ta’ protezzjoni.”

Il-Ministru Galea qal li l-Awtoritá għamlet differenza kemm ilha tiffunzjona. Fil-fatt fil-ħames snin kemm ilha mwaqqfa l-Awtoritá ir-rata ta’ mwiet ta’ ħaddiema fuq il-post tax-xogħol naqset minn 10 għal 7 kull 100,000 persuna. Barra minn hekk n-numru ta’ korrimenti fuq il-post tax-xogħol naqas bi kwazi b’elf.   

Roberta Messina, iċ-Chairperson ta’ l-Awtoritá qalet li l-OHSA qed tisħaq ħafna fuq sistemi ta’ immaniġjar ta’ saħħa u sigurtà li bihom jiġu nfurzati u salvagwardjati standards aħjar ta’ saħħa u sigurtà. Filwaqt li rringrazzjat lill-imsieħba soċjali ta’ l-impenn li qed juru f’dan il-qasam, ħeġġithom sabiex iwasslu aktar il-messaġġ fost il-membri tagħhom. Ms Messina fakkret li skond statistika maħruġa mill-Organizzazzjoni Dinjija tax-Xogħol (ILO), l-inċidenti fuq il-post tax-xogħol jiswew lill-pajjiżi medja ta’ 4% tal-Prodott Gross Domestiku tagħhom. Jekk napplikaw din ir-rata għal Malta, l-ispiża tammonta għal madwar Lm 76 miljun fis-sena. Hija kkonkludiet billi qalet li hemm rabta kbira bejn is-saħħa u s-sigurtà u l-valuri soċjali u etiċi tal-kumpaniji u huwa finalment fl-interess ta’ kulħadd li jara li dawn ikunu mħarsa. 

Il-Kap Eżekuttiv Ewlieni ta’ l-OHSA, Dr Mark Gauci qal li s-sinjifikat ta’ l-okkażjoni jmur lil hinn mill-bini nnifsu għax huwa xhieda ta’ l-importanza li pajjiżna beda jagħti lil dan il-qasam.  Huwa qal li l-investiment fl-akkwist u t-tagħmir tal-post jammonta għal nofs miljun lira Maltin li minnhom l-Unjoni Ewropea ikkontribwiet Lm133,000. Fil-fatt, f’dawn l-aħħar ħames snin, minbarra l-budget rikorrenti ta’ Lm 300,000 fis-sena, ġew investiti total ta’ € 1.26 miljun fl-OHSA, li aktar minn nofshom ġew mill-Unjoni Ewropea. Dr Gauci qal li llum l-OHSA hija aċċettata fuq livell nazzjonali anke mill-imsieħba soċjali kif ukoll fuq livell Ewropew minħabba l-parteċipazzjoni attiva tal-Awtorità f’bosta fora u proġetti Ewropej.  

L-Awtoritá għas-Saħħa u s-Sigurtá fuq il-post tax-Xogħol twaqqfet f’Jannar tal-2002 bl-objettivi ewlenin li trawwem kuxjenza dwar il-ħtieġa ta’ livelli għolja ta’ saħħa u sigurtá, l-iżvilupp ta’ qafas legali aġġornat għaż-żminijiet tal-lum, it-twassil ta’ tagħrif anki ta’ natura teknika lil kull min jeħtieġa u anki l-infurzar tal-liġijiet.

Il-kwartieri l-ġodda ta’ l-Awtoritá minbarra li qed jipprovdu spazju akbar għall-22 ħaddiem li jaħdmu magħha, jagħtuha opportunitá akbar li tħarreġ ħaddiema minn oqsma varji tax-xogħol fil-ħarsien u s-sigurtá waqt il-ħidma. Matul is-sena aktar minn 250 ħaddiema jattendu għal korsijiet simili. Dan minbarra korsijiet oħra li jingħataw fuq il-postijiet tax-xogħol stess, fejn fuq l-1,200 ħaddiem inagħtaw taħriġ fuq il-post tax-xogħol tagħhom.

Preżenti għall-okkażjoni kien hemm Membri Parlamentari, ambaxxaturi, uffiċċjali tal-Gvern u mistednin distinti li kienu nvoluti fil-proċess tax-xiri u t-tlestija tal-post. Il-Prim Ministru kixef plakka ta’ l-okkażjoni fi ħdan stallazzjoni li tirrappreżenta l-aspett prattiku ta’ għadd ta’ professjonijiet, snajja’ u oqsma oħra ta’ xogħol. Il-bini tbierek mill-Kappillan Fr Michael Camilleri. 

Il-Kwartieri ta’ l-Awtoritá jinsabu f’17 Triq Edgar Ferro, Pietà.

Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR THE ECONOMY, TECHNOLOGY AND STRATEGIC PROJECTS  More than 20 digital gaming and esports companies showcase Malta’s Industry Growth at PLAYCON 2026

PR261958EN

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR THE ECONOMY, TECHNOLOGY AND STRATEGIC PRO...

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EKONOMIJA, IT-TEKNOLOĠIJA U PROĠETTI STRATEĠIĊI  L-istrateġija tal-2019 qed tħalli l-frott: aktar minn 20 kumpanija tal-logħob diġitali u l-esports irrappreżentati waqt il-ftuħ ta’ PLAYCON 2026

PR261958

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EKONOMIJA, IT-TEKNOLOĠIJA U PROĠETTI STRATEĠ...

More Press Releases Right arrow