Il-kampanja ‘Nibnu Pont’ tilħaq il-Qofol tagħha
Il-kampanja ‘Nibnu Pont’ li tnediet fi Frar li għadda, qed tilħaq il-qofol tagħha f’dawn il-ġranet hekk kif qed jittella’ camping nazzjonali mill-Malta Girl Guides fil-grounds tar-Residenza ta’ San Vincenz De Paule. Madwar 300 tifla, ilkoll membri tal-Girl Guides qed jipparteċipaw f’dan il-camping.
Dan il-camping jifforma parti minn proġett li beda fi Frar li għadda u li kien jikkonsisti minn żjarat ta’ kull ġimgħa, minn gruppi differenti ta’ Girl Guides minn madwar Malta kollha, kemm fir-residenza San Vinċenz kif ukoll fid-djar residenzjali għall-Anzjani.
Preżenti għaċ-Ċerimonja tal-Ftuħ tal-camping kien hemm l-Onor. Louis Deguara, Ministru tas-Saħħa, l-Anzjani u Kura fil-Komunità u l-Onor. Helen D’Amato, Segretarju Parlamentari għall-Anzjani u Kura fil-Komunità. Preżenti wkoll kien hemm is-Sinjura Sonia Camilleri, Kummissarju tat-Tfal, kif ukoll bosta ex-girl guides li issa huma residenti fid-djar għall-anzjani li hawn imxerrda madwar Malta.
F’kummenti li tat l-Onor D’Amato qalet li l-għan ta’ dan il-programm kien li jqarreb lit-tfal u l-anzjani dejjem aktar lejn xulxin. Dan il-proġett għamilha wkoll aktar possibbli biex tfal u anzjani joħolqu relazzjoni bejniethom u biex jinħoloq djalogu bejn il-ġenerazzjonijiet differenti. Hija qalet li l-anzjani u t-tfal m’għadhomx iqattgħu daqshekk ħin flimkien, u għalhekk din ir-rabta bejn il-ġenerazzjonijiet qiegħda dejjem tonqos. “Ħafna drabi t-tfal ma jifhmux biżżejjed il-bżonnijiet u l-kapaċitajiet ta’ l-anzjani, u minn naħa tagħhom l-anzjani ħafna drabi jinsew il-benefiċċji li jistgħu jircievu mingħand it-tfal. It-tfal għandhom dik l-enerġija u l-pożittività li tista’ tkun ferm ta’ benefiċċju għal dawn l-anzjani” qalet is-Sinjura D’Amato. “Din hi r-raġuni għaliex ħassejna l-ħtieġa għal proġett bħal dan.”
Il-Ministru Deguara qal li l-preżenza u l-kumpanija tat-tfal fost l-anzjani timla vojt fil-ħajja ta’ l-anzjani li bosta minnhom fir-rwol tagħhom ta’ nanniet ikunu għexu ħajja mdawrin bin-neputijiet. Din l-esperjenza barra nostalġija pożittiva li ġġib lill-anzjani tpoġġi wkoll quddiem it-tfal ir-realtà ta’ l-anzjanità. Barra minhekk attività bħal din tħalli esperjenza pożittiva fost it-tfal li bla dubju twassal biex tkabbar l-istima li t-tfal għandu jkollhom lejn l-anzjani inġenerali u mhux dawk biss fil-familja tagħhom. Attivitajiet bħal dawn għandhom jingħataw kull inkoraġġiment għaliex huma għandhom valur kbir soċjali.
Other Press Releases:
PR261958EN
PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR THE ECONOMY, TECHNOLOGY AND STRATEGIC PRO...
PR261958