Ebda soluzzjoni Ġdida mill-partit laburista gHall-kwistjoni tal-mediċini
B’riferenza għall-artiklu intitolat “Soluzzjoni għall-kriżi tal-medicini” li deher fl-Orizzont u għall-artiklu intitolat “Labour finds solution to medicines crisis” li deher fuq il-maltastar.com, il-Ministeru tas-Saħħa, Anzjani u Kura fil-Kommunita jixtieq jagħmel dawn il-kummenti.
Meta wieħed jaqra dawn l-artikli wieħed jibda jaħseb li l-Partit Laburista għamel xi skoperta ġdida u li l-komunikazzjoni li kien hemm mill-Kummissarju Verheugen kienet xi sorpriża għall-awtoritajiet. Il-verità hi li f’dawn l-aħħar xhur, il-Gvern intensifika l-kuntatti tiegħu mal-Kummissjoni Ewropeja sabiex jesplora soluzzjonijiet għall-problemi fil-qasam tal-mediċini li qamu minħabba nuqqas ta’ reġistrazzjoni ta’ mediċini. L-implimentazzjoni ta’ dak li qed jiġi msejjaħ Luxembourg Model u l-implimentazzjoni tal-artiklu 126a kienu ilhom jiffurmaw il-bażi tal-politika tal-Gvern fuq ir-reġistrazzjoni tal-mediċini. Dan huwa sostanzjat mill-eżitu pożittiv tad-diskussjonijiet li saru mal-Kamra tal-Kummerċ, il-GRTU u l-FOI.
Kif qal il-Kummissarju Verheugen fl-ittra tiegħu, ir-reġistrazzjoni ta’ mediċini tista’ ssir permezz ta’ proċeduri ta’ rikonoxximent reċiproku jew proċess deċentralizzat. Permezz ta’ dawn il-proċeduri, mediċina tiġi evalwata minn pajjiż membru wieħed (stat membru ta’ riferenza) u din l-evalwazzjoni tintbagħat lil stati membri oħra biex tiġi kkonfermata. B’danakollu, biex mediċina tiġi reġistrata permezz ta’ dawn il-proċeduri, trid issir applikazzjoni mill-manifattur (market authorisation holder). Il-Lussemburgu hija nkluża fl-applikazzjonijiet kollha biex prodotti jiġu reġistrati fl-Ewropa(speċifikament fil-Belġju u Franza) permezz ta’ dawn il-proċeduri. Min-naħa l-oħra, Malta ġiet inkluża biss f’130 applikazzjoni għal reġistrazzjoni permezz tal-proċedura ta’ rikonoxximent reċiproku minn total ta’ 1981 mediċina li tpoġġew fuq is-suq Ewropew bejn Jannar 2005 u Ġunju 2006. Fl-istess perijodu Malta ġiet inkluża biss fi 8 applikazzjonijiet minn total ta’ 156 għal reġistrazzjoni permezz tal-proċess diċentralizzat. Għaldaqstant il-Gvern qiegħed bi ħġaru jindirizza din ir-realtà kemm mal-Kummissjoni Ewropea kif ukoll mar-rappreżentanti ta’l-industrija.
Meta Malta ġiet mitluba tikkonferma evalwazzjoni li saret minn stat membru ieħor, Malta minn dejjem addottat l-istess sistema li jaddotta l-Lussemburgu hekk kif ġie suġġerit mill-Kummissarju Verheugen.
Għal xi raġuni, l-artikli ma jsemmux ir-riferenza li għamel il-Kummissarju Verheugen għal-liċenzjar ta’ mediċini skond il-provedimenti tal-artiklu 126a tad-direttiva 2001/83 hekk kif emendata mid-direttiva 2004/27. Din id-direttiva tipprovdi biex tinħareġ liċenzja kwalifikata sabiex mediċina tkun tista’ titpoġġa fis-suq għal raġunijiet ta’ saħħa pubblika, sakemm din il-mediċina tkun diġa reġistrata fi stat membru ieħor. Dan il-provvediment ilu inkorporat fil-liġijiet Maltin minn Frar ta’ din is-sena. Il-Gvern qed jagħti interpretazzjoni mill-aktar wiesgħa lil dan il-provvediment. Minkejja is-sempliċita tal-proċedura, kien hemm biss applikazzjoni waħda. Għal darb’ oħra din kienet parti integrali mid-diskussjonijiet li kellu l-Gvern mal-partijiet konċernati u l-affarijiet li tqajjmu qed jiġu indirizzati.
Huwa għaldaqstant evidenti li l-Partit Laburista ma għamel l-ebda skoperta ġdida. L-argumenti relatati mal-problema qed jiġu attivament indirizzati flimkien mal-partijiet konċernati u kien hemm qbil fuq is-sistema regolatorja; id-dettalji għadhom qed jiġu diskussi u huwa ittamat li jkun hemm qbil f’qasir żmien. Il-Gvern huwa kommess li jiżgura li jibqa’ jkun hawn mediċini fil-pajjiż bi prezz ġust u ser jieħu dawk il-passi kollha meħtieġa biex jiżgura dan.
Other Press Releases:
PR261958EN
PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR THE ECONOMY, TECHNOLOGY AND STRATEGIC PRO...
PR261958