INAWGURAZZJONI UFFIĊJALI TA’ ĠNIEN HASTINGS - INVESTIMENT TA’ LM350,000 OĦRA FIL-BELT VALLETTA
Matul dawn l-aħħar tlett snin ix-xogħlijiet li saru fil-Belt Valletta kienu estensivi u jvarjaw minn xogħlijiet ta’ tisbiħ f’ġonna pubblici u nazzjonali sa restawr ta’ kappelli u monumenti li huma sinonimi mal-Belt. Dan ix-xogħol se jkompli fi snin li ġejjin bil-għan li l-ambjent infrastrutturali tal-Belt Kapitali jkompli jiġi mtejjeb fuq standards għoljin. B’hekk il-Belt ta’ pajjiżna tkompli tiġi mżejna u ndukrata kif jixirqilha. Dan qalu l-Ministru Ninu Zammit fl-inawgurazzjoni ta’ xoghol ta’ tisbih li sar fil-Gnien ta’ Hastings.
Ix-xogħol kollu f’dan il-ġnien sar mill-ħaddiema tal-Gvern fi ħdan il-Ministeru tar-Riżorsi u l-Infrastruttura. Dan sar fi żmien stipulat b’investiment ta’ madwar Lm350,000 li jinkludi l-pagi tal-haddiema wkoll. Dan il-gnien ghandu area ta’ madwar 6,000 metru kwadru, u jigifieri akbar mill-gonna tal-Barakka ta’ Fuq u t’Isfel f’daqqa.
Ix-xogħol f’dan il-ġnien kien ivarja u kien jinkludi restawr tas-swar li jdawru l-ġnien, tqegħid tas-servizzi regolari li jsiru fil-ġonna bħal sistemi ta’ rrigazzjoni u sistemi ta’ l-elettriku, bini ta’ ħajt bi stil li jaqbel ma’ l-arkitettura tad-dawra tal-ġnien kollu fin-naħa tat-triq kif ukoll il-pavimentar tal-passaġġi u l-pjazez kollha skond disinn fuq stil Taljan. Ma’ dan kollu ma jonqosx il-garden furniture li normalment wieħed isib f’kull ġnien u dawn ukoll saru fuq disinnji li jikkumplementaw l-ambjent tal-ġnien. Inbniet mill-ġdid il-Gardjola u ġiet mibnija funtana f’waħda mill-pjazez li jinsabu f’dan il-ġnien.
F’ġonna ta’ dan il-livell dejjem inżammet il-prattika li l-materjal li jintuża għandu jkun ta’ kwalita għolja. F’Hastings ġie uzat il-granit bħala materjal kemm fil-pavimentar fil-pjazez u l-passaġġi kif ukoll fil-kurduna li tifred il-passaġġi mill-ħamrija. Biex jinħoloq texture differenti ġiet użata ukoll ċangatura tal-franka. Il-materjal tal-pavimentar l-antik li kien jeżisti fil-ġnien kien sempliciment asphalt jew tarmak, materjal li ma jmurx ma’ ġonna ta’ din il-kwalita.
L-area kollha tal-pavimentar tal-ġnien hija ta’ ‘l fuq minn 5,000 metru kwadru u ta’ min jirrimarka li l-ġnien issa jista’ jservi wkoll bħala zona pedonali peress li l-passaġġi kollha jlaħħqu tul ta’ ‘l fuq minn kilometru.
Il-Ministru Ninu Zammit temm jghid li l-Gvern mhux se jieqaf hawn. Fix-xhur li ġejjin se jkompli x-xogħol ta’ restawr mhux biss fuq il-monumenti, iżda issa wkoll il-Ministeru se jimbarka fuq proġett ta’ restawr u konsolidament tas-swar, fortifikazzjonijiet u diversi bastjuni li jdawru l-Belt Kapitali tagħna, kif ukoll fuq il-pavimentar u t-tisbih ta’ l-ġnien maghruf bhala tal-Mall fil-Floriana.
Mhux hekk biss iżda qed jiġi mfassal ukoll Master Plan għall-Belt Valletta bil-għan li xogħlijiet u interventi infrasstrutturali fil-futur ikunu ibbażati fuq parametri xjentifiċi, ambjentali, soċjali u ekonomiċi. L-għan aħħari ta’ dan kollu ser ikun l-amalgamazzjoni ta’ dawn l-aspetti mal-ħarsien tal-wirt arkitettoniku, uniku u partikolari tal-Belt Valletta, liema taħlita għandha sservi bħala ħmira biex il-Belt Kapitali tibqa ħajja fil-preżent kif ukoll fil-futur.
Other Press Releases:
PR261958EN
PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR THE ECONOMY, TECHNOLOGY AND STRATEGIC PRO...
PR261958