IL-MOZZJONI DWAR L-EGHLUQ TAL-KONFINI TA' L-IZVILUPP IPPREZENTATA LILL-PARLAMENT
Il-Ministru għall-Affarijiet Rurali u l-Ambjent George Pullicino ppreżenta mozzjoni lill-Iskrivan tal-Kamra tar-Rappreżentanti li permezz tagħha qed jitlob, f’isem il-Gvern, lill-Parlament biex jiddiskuti u eventwalment japprova l-iskemi ta’ l-iżvilupp kif riveduti u magħluqa fi tmiem proċess ta’ konsultazzjoni pubblika li ilu għaddej snin twal.
Skond il-liġijiet ta’ l-ippjanar ta’ pajjiżna, il-proċedura minn issa ’l quddiem titlob li din il-mozzjoni tal-Gvern tkun diskussa fil-Kumitat Permanenti dwar l-Ippjanar tal-Kamra qabel ma eventwalment tkun diskussa fil-Kamra tar-Rappreżentanti. Din hi s-serjeta’ u t-trasparenza li bihom isiru l-affarijiet illum.
Dan intqal mill-Ministru għall-Affarijiet Rurali u l-Ambjent George Pullicino waqt konferenza ta’ l-aħbarijiet li matulha ta dettalji dwar l-aħħar żviluppi tal-proċess ta’ l-egħluq tal-konfini ta’ l-iżvilupp wara li għalaq iż-żmien ta’ konsultazzjoni pubblika.
Il-Ministru Pullicino ta ħarsa lejn dak kollu li ġara sal-lum u fakkar kif dan il-proċess inbeda fl-1988 meta mingħajr wisq telf ta’ żmien, il-Gvern ippreżenta skemi ta’ l-iżvilupp temporanji (temporary provision schemes) bl-iskop ewlieni li jwaqqaf l-emoraġija ta’ l-art f’Malta u l-mod kif kienu jsiru l-affarijiet.
Il-Gvern fehem li dan il-proċess ta’ malajr seta’ joħloq xi inġustizzji, stramberiji jew anomaliji u għalhekk saħaq fuq il-fatt li dawn kienu ta’ natura temporanja, bil-ħsieb li eventwalment jkunu riveduti permezz tal-proċess tal-Pjani Lokali. Il-Ministru Pullicino qal li kien għalhekk pass għaqli li l-Kabinett joħloq riga konsistenti li tindirizza dawn il-kwistjonijiet u toħloq proċess aktar ekwu u ġust. Din hi materja sensittiva ferm għaliex dak li hu pocket għal individwu jista’ jkun differenti għal individwu ieħor.
Hu saħaq li matul il-perjodu tas-sitt ġimgħat ta’ konsultazzjoni pubblika, il-Gvern sema dak li qal il-pubbliku. Fl-istess waqt hu tenna kif ħadd ma tkellem fuq il-kriterji nfushom. George Pullicino tkellem dwar iċ-ċifri li jirriżultaw mill-eżerċizzju limitat ta’ l-egħluq tal-konfini ta’ l-iżvilupp. Bl-implimentazzjoni tal-kriterji li għadda l-Gvern lill-MEPA, l-ammont ta’ art li se tidħol fil-konfini ta’ l-iżvilupp huwa ta’ 1.3%.
Il-Ministru Pullicino qal li meta wieħed iżid ukoll l-art li kienet diġa’ ndikat il-MEPA fil-Pjani Lokali, l-art li se tintalab biex tkun inkluża fir-Reviżjoni Parzjali tal-Pjan ta’ Struttura, se tammonta għal 2.3% ta’ l-art li tifforma parti miż-Żona ta’ l-Iżvilupp.
Hu qal li minn dak li qed jiġi propost fir-Reviżjoni tal-Pjan Lokali madwar 18% diġa’ huwa mibni. Barra minn hekk minkejja li ż-żieda hija biss ta’ 1.3% bil-kriterji tal-Gvern, wieħed irid jikkunsidra wkoll li din iż-żieda tinkludi wkoll:
· toroq li jridu jsiru,
· art li diġa’ hi mibnija,
· art tal-Gvern
· kif ukoll xi art li hi maħsuba li tintuża biex fuqha jsiru spazji pubbliċi miftuħa.
Ta’ min jgħid ukoll li b’dak li ddeċieda l-Kabinett, hu kkalkulat li anqas minn 10% mill-art li ntalbet biex tidħol għandha tiġi nkluża fiż-żona ta’ żvilupp bil-kriterji stabbiliti. Altru milli dan hu xi eżerċizzju għall-akkwist tal-voti.
Is-Sur Pullicino tenna li permezz ta’ dan l-eżerċizzju limitat, fi żmien għaxar snin il-konfini ta’ l-iżvilupp ta’ pajjiżna se jkunu 2% anqas mill-iskemi tal-bini ta’ l-1971 u 5% anqas minn dak li sab il-Gvern Nazzjonalista fl-1987, minkejja l-bini kollu li nbena fis-snin 70, 80 u 90.
Il-Ministru Pullicino irribatta wkoll il-kritika li saret fl-aħħar ġimgħat. Hu fakkar li l-Gvern jirrikonoxxi li pajjiżna għandu biżżejjed art għall-iżvilupp u dan kien riaffermat fid-dokument li l-Gvern għadda lill-MEPA dwar dawn il-kriterji u kien għalhekk li l-kriterji li fassal kienu ristrettivi ħafna sabiex l-aġġustament ikun wieħed limitat ħafna. Filwaqt li l-Gvern kien konxju mill-kunsiderazzjonijiet ambjentali, fl-istess ħin ma setax jippermetti inġustizzji. L-element soċjali wkoll huwa kejl importanti għal dan il-Gvern.
Is-Sur Pullicino tenna li l-Gvern kellu wkoll triq oħra, dik li jħalli kollox kif inhu u ma jmiss xejn. Pero’ l-Gvern jemmen li jekk ma jsirx l-aġġustament issa u dan jitħalla għal aktar tard dan jippreżenta periklu akbar għall-ambjent ta’ pajjiżna. Hu qal li fl-aħħar ġimgħat spikka l-opportuniżmu ta’ l-Oppożizzjoni. Huwa qal li filwaqt li kien moħħu biss biex jitfa’ t-tajn, il-Kap ta’ l-Oppożizzjoni ma ġabx prova waħda biex jissostanzja l-allegazzjonijiet tiegħu. Fl-istess waqt hu ddikjara li hu favur li jsir eżerċizzju ta aġġustament u qal li l-Gvern Laburista ta’ l-1996 kien se jibda dan l-eżerċizzju abbażi ta’ każ b’każ. Pullicino staqsa b’liema kriterji kien se jsir dan il-proċess u jekk kienx hemm il-ħsieb li ssir konsultazzjoni pubblika.
B’reazzjoni għal ċerti kummenti li saru minn esponenti ta’ l-Alternattiva Demokratika dwar l-effett fuq il-prezz tal-propjeta’ ta’ dan l-eżerċizzju, is-Sur Pullicino qal li dan qatt ma kien maħsub li jkun eżerċizzju biex jindirizza l-issue tal-prezzijiet tal-propjeta’. Għalkemm mhuwiex maħsub li jkun hemm tnaqqis fil-prezz tal-propjeta’, ma jistax ikun eskluż li dan l-eżerċizzju jkollu effett li jistabbilizza l-prezzijiet fuq perjodu itwal ta’ żmien. Hu fakkar kif wara xhur sħaħ ta’ kritika mill-Alternattiva dwar l-issue tal-prezz tal-propjeta’, l-Alternattiva issa spiċċat tikkritika lill-Gvern għaliex fuq tul ta’ żmien jista’ jkun hemm xi stabbilita’ fil-prezz tal-propjeta’.
Il-Ministru Pullicino qal li l-Gvern hu ffaċċjat minn kull tip ta’ pressjonijiet. Pero’ fl-istess waqt, wieħed ma jistax ma jsemmix ukoll il-pressjoni u l-kritika ta’ dawk kollha li għamlu t-talbiet biex l-art tagħhom tiġi inkluża. Dawn ma kitbux fil-ġurnali iżda huma ħafna. Il-Ministru Pullicino appella sabiex anke huma jifhmu li d-deċiżjoni ta’ kriterji ristretti ma tteħditx biex issir ħsara lilhom, iżda biex ma ssirx ħsara irreparabbli għall-ambjent ta’ pajjiżna. Hu saħaq li l-Gvern ried jindirizza l-anomaliji u l-inġustizzja, iżda ma setax jirrinunzja mid-dmir tiegħu li jħares il-ġid komuni u mhux dak individwali.
Stqarrijiet Oħra:
PR261958EN
PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR THE ECONOMY, TECHNOLOGY AND STRATEGIC PRO...
PR261958