Left arrow Go Back

IL-MOZZJONI DWAR L-EGHLUQ TAL-KONFINI TA' L-IZVILUPP IPPREZENTATA LILL-PARLAMENT

PR1016
Date Icon 07/07/2006

Il-Ministru għall-Affarijiet Rurali u l-Ambjent George Pullicino ppreżenta mozzjoni lill-Iskrivan tal-Kamra tar-Rappreżentanti li permezz tagħha qed jitlob, f’isem il-Gvern, lill-Parlament biex jiddiskuti u eventwalment japprova l-iskemi ta’ l-iżvilupp kif riveduti u magħluqa fi tmiem proċess ta’ konsultazzjoni pubblika li ilu għaddej snin twal. 

Skond il-liġijiet ta’ l-ippjanar ta’ pajjiżna, il-proċedura minn issa ’l quddiem titlob li din il-mozzjoni tal-Gvern tkun diskussa fil-Kumitat Permanenti dwar l-Ippjanar tal-Kamra qabel ma eventwalment tkun diskussa fil-Kamra tar-Rappreżentanti.  Din hi s-serjeta’ u t-trasparenza li bihom isiru l-affarijiet illum. 

Dan intqal mill-Ministru għall-Affarijiet Rurali u l-Ambjent George Pullicino waqt konferenza ta’ l-aħbarijiet li matulha ta dettalji dwar l-aħħar żviluppi tal-proċess ta’ l-egħluq tal-konfini ta’ l-iżvilupp wara li għalaq iż-żmien ta’ konsultazzjoni pubblika. 

Il-Ministru Pullicino ta ħarsa lejn dak kollu li ġara sal-lum u fakkar kif dan il-proċess inbeda fl-1988 meta mingħajr wisq telf ta’ żmien, il-Gvern ippreżenta skemi ta’ l-iżvilupp temporanji (temporary provision schemes) bl-iskop ewlieni li jwaqqaf l-emoraġija ta’ l-art f’Malta u l-mod kif kienu jsiru l-affarijiet. 

Il-Gvern fehem li dan il-proċess ta’ malajr seta’ joħloq xi inġustizzji, stramberiji jew anomaliji u għalhekk saħaq fuq il-fatt li dawn kienu ta’ natura temporanja, bil-ħsieb li eventwalment jkunu riveduti permezz tal-proċess tal-Pjani Lokali.  Il-Ministru Pullicino qal li kien għalhekk pass għaqli li l-Kabinett joħloq riga konsistenti li tindirizza dawn il-kwistjonijiet u toħloq proċess aktar ekwu u ġust. Din hi materja sensittiva ferm għaliex dak li hu pocket għal individwu jista’ jkun differenti għal individwu ieħor. 

Hu saħaq li matul il-perjodu tas-sitt ġimgħat ta’ konsultazzjoni pubblika, il-Gvern sema dak li qal il-pubbliku.  Fl-istess waqt hu tenna kif ħadd ma tkellem fuq il-kriterji nfushom.  George Pullicino tkellem dwar iċ-ċifri li jirriżultaw mill-eżerċizzju limitat ta’ l-egħluq tal-konfini ta’ l-iżvilupp.  Bl-implimentazzjoni tal-kriterji li għadda l-Gvern lill-MEPA, l-ammont ta’ art li se tidħol fil-konfini ta’ l-iżvilupp huwa ta’ 1.3%.   

Il-Ministru Pullicino qal li meta wieħed iżid ukoll l-art li kienet diġa’ ndikat il-MEPA fil-Pjani Lokali, l-art li se tintalab biex tkun inkluża fir-Reviżjoni Parzjali tal-Pjan ta’ Struttura, se tammonta għal 2.3% ta’ l-art li tifforma parti miż-Żona ta’ l-Iżvilupp. 

Hu qal li minn dak li qed jiġi propost fir-Reviżjoni tal-Pjan Lokali madwar 18% diġa’ huwa mibni.  Barra minn hekk minkejja li ż-żieda hija biss ta’ 1.3% bil-kriterji tal-Gvern, wieħed irid jikkunsidra wkoll li din iż-żieda tinkludi wkoll: 

·        toroq li jridu jsiru,

·        art li diġa’ hi mibnija,

·        art tal-Gvern

·        kif ukoll xi art li hi maħsuba li tintuża biex fuqha jsiru spazji pubbliċi miftuħa. 

Ta’ min jgħid ukoll li b’dak li ddeċieda l-Kabinett, hu kkalkulat li anqas minn 10% mill-art li ntalbet biex tidħol għandha tiġi nkluża fiż-żona ta’ żvilupp bil-kriterji stabbiliti.   Altru milli dan hu xi eżerċizzju għall-akkwist tal-voti. 

Is-Sur Pullicino tenna li permezz ta’ dan l-eżerċizzju limitat, fi żmien għaxar snin il-konfini ta’ l-iżvilupp ta’ pajjiżna se jkunu 2% anqas mill-iskemi tal-bini ta’ l-1971 u 5% anqas minn dak li sab il-Gvern Nazzjonalista fl-1987, minkejja l-bini kollu li nbena fis-snin 70, 80 u 90. 

Il-Ministru Pullicino irribatta wkoll il-kritika li saret fl-aħħar ġimgħat.  Hu fakkar li l-Gvern jirrikonoxxi li pajjiżna għandu biżżejjed art għall-iżvilupp u dan kien riaffermat fid-dokument li l-Gvern għadda lill-MEPA dwar dawn il-kriterji u kien għalhekk li l-kriterji li fassal kienu ristrettivi ħafna sabiex l-aġġustament ikun wieħed limitat ħafna.  Filwaqt li l-Gvern kien konxju mill-kunsiderazzjonijiet ambjentali, fl-istess ħin ma setax jippermetti inġustizzji.  L-element soċjali wkoll huwa kejl importanti għal dan il-Gvern. 

Is-Sur Pullicino tenna li l-Gvern kellu wkoll triq oħra, dik li jħalli kollox kif inhu u ma jmiss xejn.  Pero’ l-Gvern jemmen li jekk ma jsirx l-aġġustament issa u dan jitħalla għal aktar tard dan jippreżenta periklu akbar għall-ambjent ta’ pajjiżna. Hu qal li fl-aħħar ġimgħat spikka l-opportuniżmu ta’ l-Oppożizzjoni.   Huwa qal li filwaqt li kien moħħu biss biex jitfa’ t-tajn, il-Kap ta’ l-Oppożizzjoni ma ġabx prova waħda biex jissostanzja l-allegazzjonijiet tiegħu.  Fl-istess waqt hu ddikjara li hu favur li jsir eżerċizzju ta aġġustament u qal li l-Gvern Laburista ta’ l-1996 kien se jibda dan l-eżerċizzju abbażi ta’ każ b’każ.  Pullicino staqsa b’liema kriterji kien se jsir dan il-proċess u jekk kienx hemm il-ħsieb li ssir konsultazzjoni pubblika. 

B’reazzjoni għal ċerti kummenti li saru minn esponenti ta’ l-Alternattiva Demokratika dwar l-effett fuq il-prezz tal-propjeta’ ta’ dan l-eżerċizzju, is-Sur Pullicino qal li dan qatt ma kien maħsub li jkun eżerċizzju biex jindirizza l-issue tal-prezzijiet tal-propjeta’.  Għalkemm mhuwiex maħsub li jkun hemm tnaqqis fil-prezz tal-propjeta’, ma jistax ikun eskluż li dan l-eżerċizzju jkollu effett li jistabbilizza l-prezzijiet fuq perjodu itwal ta’ żmien.  Hu fakkar kif wara xhur sħaħ ta’ kritika mill-Alternattiva dwar l-issue tal-prezz tal-propjeta’, l-Alternattiva issa spiċċat tikkritika lill-Gvern għaliex fuq tul ta’ żmien jista’ jkun hemm xi stabbilita’ fil-prezz tal-propjeta’. 

Il-Ministru Pullicino qal li l-Gvern hu ffaċċjat minn kull tip ta’ pressjonijiet.  Pero’ fl-istess waqt, wieħed ma jistax ma jsemmix ukoll il-pressjoni u l-kritika ta’ dawk kollha li għamlu t-talbiet biex l-art tagħhom tiġi inkluża.  Dawn ma kitbux fil-ġurnali iżda huma ħafna.  Il-Ministru Pullicino appella sabiex anke huma jifhmu li d-deċiżjoni ta’ kriterji ristretti ma tteħditx biex issir ħsara lilhom, iżda biex ma ssirx ħsara irreparabbli għall-ambjent ta’ pajjiżna.  Hu saħaq li l-Gvern ried jindirizza l-anomaliji u l-inġustizzja, iżda ma setax jirrinunzja mid-dmir tiegħu li jħares il-ġid komuni u mhux dak individwali.   

Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR THE ECONOMY, TECHNOLOGY AND STRATEGIC PROJECTS  More than 20 digital gaming and esports companies showcase Malta’s Industry Growth at PLAYCON 2026

PR261958EN

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR THE ECONOMY, TECHNOLOGY AND STRATEGIC PRO...

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EKONOMIJA, IT-TEKNOLOĠIJA U PROĠETTI STRATEĠIĊI  L-istrateġija tal-2019 qed tħalli l-frott: aktar minn 20 kumpanija tal-logħob diġitali u l-esports irrappreżentati waqt il-ftuħ ta’ PLAYCON 2026

PR261958

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EKONOMIJA, IT-TEKNOLOĠIJA U PROĠETTI STRATEĠ...

More Press Releases Right arrow