rapport jistabbilixxi r-responsabilità għall-ħsarat fit-triq tal-Ħemsija
Il-Ministeru għall-Iżvilupp Urban u Toroq illum ippubblika ir-rapport ta’ l-investigazzjoni dwar il-kawża tal-ħsarat li żviluppaw fit-triq tal-Ħemsija li kienet waħda mis-16.5 kilometri ta’ toroq ġodda li nbnew bil-fondi tal-ħames Protokoll Finanzjarju bejn Malta u l-Italja, is-sena l-oħra. Ir-rapport ġie kkumpilat mill-Prof. Ing. Klaus Muller li huwa l-espert tat-toroq ta’ l-Awtorità dwar it-Trasport.
F’konferenza ta’ l-aħbarijiet li matulha tqassmu kopji tar-rapport u analiżi teknika tat-testijiet li saru fuq it-triq, il-Ministru għall-Iżvilupp Urban u Toroq, Jesmond Mugliett qal li dan ir-rapport huwa xhieda tas-serjetà li mexa biha l-Gvern minn meta żviluppaw il-ħsarat f’din it-triq.
“Aktar milli naslu għal konklużjonijiet prematuri u mgħaġġla bħal ma għamlu l-Oppożizzjoni u l-ġurnali li jxaqilbu lejha, il-Gvern mexa bir-reqqa f’dan il-każ u ħa azzjoni fuq informazzjoni xjentifika konkreta li kienet tistabbilixxi ta’ min kienet ir-responsabilità tal-ħsarat lokalizzati li żviluppaw f’din it-triq,” qal il-Ministru Mugliett.
Hu qal li mit-testijiet eżawrjenti li saru f’din it-triq, ħareġ li dawn il-ħsarat kienu limitati biss għal żewġ żoni li ma kienux jaqbżu tul ta’ 30 metru kull waħda – b’żona waħda fuq kull karreġġjata. It-testijiet ma taw ebda indikazzjoni li jistgħu joħorġu ħsarat simili f’partijiet oħra ta’ l-istess triq. Ir-rapport ma sabx anqas ebda tort fid-diżinn tat-triq, filwaqt li l-ħxuna tal-materjali użati fil-bini tagħha kienu kollha adegwati.
Il-Ministru għall-Iżvilupp Urban u Toroq spjeġa li mit-testijiet li saru fuq cores (kampjuni) meħudin fil-partijiet tat-triq li żviluppaw il-ħsarat fiha, ħareġ li l-materjal Type 1 u s-Cement Bound Material li jitpoġġew fuq is-sodda tat-triq setgħu ma kienux ta’ saħħa adegwata.
“It-testijiet madanakollu wrew biċ-ċar ukoll li l-materjal fis-sodda tat-triq ma kienx kumpatt biżżejjed skond l-ispeċifikazzjonijiet tat-tender. In-nuqqas ta’ compaction adegwata kien il-fattur li wassal biex ifeġġu x-xquq u jinżlu partijiet tat-triq li ġew affettwati minn dawn il-ħsarat f’Jannar ta’ din is-sena. Dan ifisser ukoll li dan kien nuqqas min-naħa tal-kuntrattur li kellu r-responsabbilità għall-bini ta’ din it-triq,” qal il-Ministru Mugliett.
Mir-rapport joħroġ ukoll li kien hemm ħsarat zgħar fuq il-gravity main tad-drenaġġ li hemm għaddej taħt din it-triq u f’sezzjoni tal-pipe ta’ l-ilma tax-xita, iżda dawn ma setgħux kienu l-kawża taċ-ċediment tat-triq minħabba li dawn il-pajpijiet instabu kollha mgħottijin bil-concrete.
Il-Ministru Mugliett qal li għalkemm l-Awtorità dwar it-Trasport għandha tħaddem il-proċess t’assigurazzjoni tal-kwalità tagħha fil-kostruzzjoni tat-toroq, dawn il-ħsarat kienu lokalizzati wisq biex jinqabdu f’dan il-proċess, speċjalment meta tqis li l-proġett tal-Protokoll Taljan kien ikopri 16.5 kilometri ta’ toroq.
It-tiswijiet fuq il-partijiet tat-triq li żviluppaw il-ħsarat fihom tlestew matul l-aħħar ġimgħat. Ix-xogħlijiet ta’ tiswija kollha saru a spejjeż tal-kuntrattur li kien responsabbli minn din it-triq.
Intant, bħalissa l-ADT tinsab għaddejja fil-proċess biex fix-xhur li ġejjin toħroġ is-certificate of acceptance għat-toroq tal-Protokoll Taljan. Il-ħruġ ta’ dan iċ-ċertfikat iwassal għall-bidu tal-perjodu ta’ 5 snin garanzija li matulhom il-kuntrattur jibqa’ responsabbli għad-difetti li jistgħu jinqalgħu f’dawn it-toroq.
Stqarrijiet Oħra:
PR261958EN
PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR THE ECONOMY, TECHNOLOGY AND STRATEGIC PRO...
PR261958