Dinja Maġika - Ktieb mit-Tfal għat-Tfal
It-tfal ta’ l-Iskola Primarja Tumas Dingli ta’ Ħ’Attard flimkien ma’ tfal minn skola fil-Ġermanja u skola oħra fl-Italja kitbu tlett stejjer bl-ingliż li, wara li tlestew, kienu tradotti fil-lingwi ta’ l-iskejjel li pparteċipaw jiġifieri bil-Malti, bit-Taljan u bil-Ġermaniż u ġew mitbugħa fi ktieb bi stampi kuluriti mit-tfal stess. Il-ktieb se jkun għall-bejħ biex tfal oħra jkunu jistgħu jaqraw dawn l-istejjer.
Il-proġett hu wieħed mid-diversi li qed isiru fl-iskejjel primarji u sekondarji taħt il-programm Comenius. L-iskola ta’ Ħ’Attard, flimkien ma’ l-iskejjel Volksschule Würzburg-Heuchelhof (Grundschule) tal-Ġermanja u Direzione Didattica Omegna 1 Circolo ta’ l-Italja, issieħbu f’dan il-proġett bl-iskop li filwaqt li t-tfal jitgħallmu aktar dwar kif jistgħu jiktbu stejjer qosra, jikkollaboraw ma’ tfal minn pajjiżi b’kulturi, ħsibijiet u ideat differenti.
Madwar 60 tifel u tifla mill-Year 4 ħadmu fuq l-istejjer u l-istampi għal dan il-ktieb. Kull skola bdiet storja tagħha u kompliet fuq l-istejjer li ġew mill-iskejjel l-oħra biex b’hekk kull storja kellha l-kitba u l-ideat tat-tlett iskejjel. L-istampi wkoll saru u ntgħażlu mit-tfal biex b’hekk, il-ktieb hu kompletament xogħol it-tfal bl-għajnuna ta’ l-għalliema tagħhom. Il-proġett beda b’taħriġ għall-istudenti li sar fil-Ġermanja u li fih attendew diversi studenti Maltin kif ukoll il-kittieb Malti Trevor Zahra, li mexxa wkoll parti mill-workshops. Xi studenti oħra telgħu l-Italja fejn kellhom l-opportunità juru x-xogħlijiet artistiċi tagħhom.
Aktar kmieni din is-sena, il-ktieb tlesta u saret attivita’ f’Malta biex ikun varat il-ktieb ’Dinja Maġika’. Il-ktieb ġie ppreżentat lill-Ministru ta’ l-Edukazzjoni Louis Galea mill-Kap ta’ l-Iskola s-Sur Mario Testa. Fi kliem is-Sur Testa, il-proġett ħalla marka edukattiva pożittiva ħafna fl-imħuħ ta’ l-istudenti li pparteċipaw. ‘Il-proġett ipprovda opportunità oħra biex it-tfal isiru jafu b’kulturi u tradizzjonijiet differenti ta’ pajjiżi Ewropej oħra.
Kienet esperjenza li tgħallem ħafna speċjalment meta tara li l-istorja li bdejna aħna bħala skola, kompliet b’mod kompletament differenti meta komplewa fil-Ġermanja u fl-Italja u dan juri d-diversità tal-kulturi u l-mod kif naħsbu f’pajjiżi differenti.’ Is-Sur Testa temm jgħid li l-ktieb juri kemm it-tfal Maltin u dawk kollha li pparteċipaw huma kapaċi jaħdmu flimkien għalkemm huma minn kulturi u pajjiżi differenti u dan jawgura tajjeb għall-futur.
Il-Ministru Louis Galea faħħar din l-inizjattiva u qal li l-programmi edukattivi ta’ l-UE qed iħallu impatt pożittiv immens fost l-istudenti tagħna u għalkemm ħafna drabi ix-xogħol ma jidhirx minn barra, l-iskejjel u l-istudenti jaħdmu ħafna u bil-qalb fuq dawn il-proġetti.
Il-Ministru Galea sostna li fl-edukazzjoni nibdew naħsdu l-frott tal-bidliet li jseħħu jew inizjattivi li jittieħdu wara numru ta’ snin u hekk kif issa bdejn naħsdu l-frott ta’ bidliet li saru f’dawn l-aħħar snin, fosthom il-kurrikulu nazzjonali u l-kompjuterizzazjoni fl-iskejjel, hekk ukoll fis-snin li ġejjin nibdew naħsdu l-frott tal-ħidma li qed issir illum permezz ta’ dawn il-proġetti u inizjattivi oħra. Louis Galea awgura li aktar tfal ikollhom opportunitajiet bħal dawn biex ikollna ġenerazzjoni ta’ tfal b’għarfien tal-kulturi Ewropej li jkunu kapaċi jikkomunikaw u jikkollaboraw ma’ nies minn pajjiżi oħra ta’ l-Ewropa – ħaġa li tkun ta’ benefiċċju kbir għal pajjiżna.
Other Press Releases:
PR261958EN
PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR THE ECONOMY, TECHNOLOGY AND STRATEGIC PRO...
PR261958