Left arrow Mur Lura

DISKORS MILL‑ONOR LAWRENCE GONZI, PRIM MINISTRU, FL‑OKKAŻJONI TA’ L-INAWGURAZZJONI TAD-DISGĦA U ERBGĦIN EDIZZJONI TAL‑FIERA INTERNAZZJONALI TA’ MALTA – TRADE FAIR GROUNDS, NAXXAR - IT-TLIETA, 4 TA’ LULJU 2006

PR1003
Date Icon 04/07/2006

Din hija d-disgħa u erbgħin edizzjoni tal-Fiera Internazzjonali ta’ Malta.  Hija okkażjoni importanti għaliex qed isseħħ fi żmien kruċjali fl-iżvilupp ta’ l-ekonomija tagħna. 

Illum qed ngħixu f’dinja li saret ħafna aktar kumplessa u kompetittiva.  F’dan ix-xenarju globali, Malta wkoll għaddejja minn perijodu ta’ transizzjoni.  Fi żminijiet bħal dawn jeħtieġ li pajjiżna jkollu viżjoni ċara li twassal għal investiment u tkabbir u li tassigura li nkomplu mixjin ’il quddiem b’mod sostenibbli. 

Il-progress reġistrat u r-riżultati miksuba s’issa huma tajbin.  Madankollu għad baqa’ ħafna x’isir.  Huwa propju għalhekk li dan il-Gvern qed jibni fuq il-viżjoni ta’ ekonomija b’saħħitha li tikber b’rata sostenibbli, livell għoli u stabbli ta’ impjiegi, u finanzi pubbliċi sodi.  Dan kollu jeħtieġ li jitwettaq f’soċjetà inklussiva li tassigura edukazzjoni ta’ kwalità, opportunitajiet għal kulħadd, f’ambjent nadif u b’saħħtu. 

Dan jitlob li nkomplu nibnu fuq dak li diġà huwa b’saħħtu, ninkoraġġixxu modi ġodda ta’ kif naħdmu, inkunu preparati li niffaċċjaw l-isfidi u nieħdu l-vantaġġi kollha possibbli.  Irridu ninvestu f’dawk l-oqsma li joffru l-akbar potenzjal għal tkabbir fil-futur. 

L-inawgurazzjoni tal-Fiera għalhekk hija l-okkażjoni ideali sabiex nirrikonoxxu x-xogħol tajjeb li qed isir f’diversi oqsma ta’ l-industrija.  Dak li se nkunu qed naraw fit-tnax-il jum li ġejjin se jkun l-apprezzament tax-xogħol tajjeb li qed jitwettaq minn dawn l-investituri.   

Il-viżjoni tal-Gvern għal Malta hija dik li jkollna ekonomija dinamika mibnija fuq il-kompetenza u li tkun kapaċi ssostni livell għoli ta’ għixien għal kulħadd. 

Malta għandha ekonomija miftuħa u għalhekk kontinwament esposta għall-effetti tal-globalizzazzjoni.  Fil-fatt, il-karatteristiċi ta’ l-ekonomija Maltija jagħmluha vulnerabbli għall-iżviluppi li jseħħu lil hinn minn xtutna. 

F’dan il-kuntest globalizzat jeħtieġ li nkomplu nimxu ’l quddiem u nkunu perseveranti fil-proċess ta’ ristrutturar filwaqt li nkomplu nwettqu r-riformi meħtieġa.  Iż-żieda fil-GDP ta’ 2.5 % is-sena li għaddiet hija xhieda li l-ekonomija tagħna hija miexja fid-direzzjoni t-tajba.  Filwaqt li xi wħud jistgħu jsostnu li din għandha tkun ogħla, għandna nħarsu lejha mill-perspettiva tal-bidliet li qed iseħħu.  Hija wkoll prova li l-miżuri li qed jittieħdu biex tiżdied l-effiċjenza fis-settur pubbliku, il-konsolidazzjoni fiskali u l-kontroll tad-defiċit, qed juru riżultati pożittivi. 

Huwa proprju għalhekk li l-Gvern jibqa’ sod fid-determinazzjoni tiegħu biex jikkonkludi żewg riformi importanti li ħabbarna fix-xhur li għaddew.  Waħda għandha x’taqsam mar-riforma fil-pensjonijiet – riforma li hi mmirata mhux biss biex tagħti pensjoni adegwata u sostenibbli lil ġenerazzjonijiet futuri ta’ pajjiżna, iżda wkoll biex hi stess tkun xprun għal attività ekonomika akbar. 

It-tieni riforma hija dik dwar il-portijiet – riforma li hi ntiża biex twassal għal tnaqqis sostanzjali fl-ispiża għall-importaturi u esportaturi ta’ pajjiżna u għal effiċjenzi akbar milli kellna s’issa.  Huwa importanti li kulħadd jifhem il-bżonn kbir għal riforma radikali li twarrab prattiċi tax-xogħol antikwati, ħlasijiet għal servizzi ineżistenti u introduzzjoni ta’ proċessi ħafna aktar sempliċi u trasparenti. Il-messaġġ tiegħi llum huwa ċar: il-Gvern irid jiffaċilita l-kummerċ f’pajjiżna u rridu nagħmlu dan billi nsiru aktar kompetittivi.  

Għal ekonomija miftuħa bħal tagħna, id-dħul mit-turiżmu u n-negozju internazzjonali huma pilastru ewlieni ta’ l-attività ekonomika.  Iċ-ċifri għall-ewwel erba’ xhur ta’ din is-sena jindikaw li l-esportazzjoni sejra tajjeb.  Meta tqabbel din iċ-ċifra ma’ l-istess perijodu tas-sena l-oħra jirriżulta li l-esportazzjoni żdiedet b’14.4% - żieda konsiderevoli li tikkonferma li mexjin tajjeb. 

Wara sentejn membri fl-Unjoni Ewropea bbenefikajna minn fondi strutturali u fondi ta’ koeżjoni li wasslu għal tisħiħ fl-infrastruttura tagħna u r-riżorsi umani.  Huwa importanti li jkun hemm bilanċ ta’ kif dawn il-fondi jkunu użati bejn il-Gvern u istituzzjonijiet privati.  L-għan tagħna hu li dawn il-fondi jkunu mmirati lejn it-tisħiħ tal-kompetittività tagħna, partikularment fit-turiżmu, il-manifattura u s-servizzi.  Għandna l-oġġettiv li noħolqu l-ambjent tajjeb u kundizzjonijiet tajbin għas-settur privat. 

Il-parteċipazzjoni f’suq liberalizzat wasslet għal aktar kompetizzjoni li eventwalment wasslet għal aktar għażla għall-konsumatur.  Id-drittijiet taċ-ċittadini tagħna kienu wkoll imħarsa u n-negozji tagħna jaħdmu f’ambjent li huwa aċċettat internazzjonalment.  Il-fatti juru li bħala membru ta’ l-Unjoni Ewropea, Malta kisbet rikonoxximent internazzjonali li qed jattira aktar investiment barrani.  

L-investiment barrani f’ Malta qed jiżdied partikolarment fis-servizzi finanzjarji, il-farmaċewtika u t-Teknoloġija ta’ l-Informazzjoni.  It-tħabbir riċenti ta’ l-investiment li se jsir minn Dubai SmartCity@Malta jsarraf miljuni ta’ liri Maltin u mistenni li jiġġenera mijiet ta’ impjiegi ġodda.  It-twaqqif ta’ Call Centre mill-HSBC huwa prova oħra tal-kunfidenza fil-kapaċitajiet tal-Maltin.  Dan jinkoraġġina biex nissoktaw ninvestu fl-edukazzjoni tan-nies tagħna.   

F’dan il-kuntest, tajjeb li ngħid illi l-introduzzjoni ta’ l-Euro fl-ewwel ta’ Jannar 2008 għandha twassal għal aktar effetti pożittivi fuq l-ekonomija, ambjent makroekonomiku aktar stabbli, aktar kompetizzjoni, aktar investiment lokali u barrani u integrazzjoni aħjar tan-negozji Maltin fis-suq ewlieni. 

Sabiex inkomplu nibbenefikaw jeħtieġ li nkunu flessibbli u naħdmu flimkien filwaqt li nagħmlu l-aħjar użu mill-opportunitajiet li jkollna.  Irridu nkunu dejjem lesti li nadattaw għall-bidla sabiex nikkonċentraw ir-riżorsi tagħna fuq il-produzzjoni ta’ servizzi u prodotti ta’ livell għoli.  Huwa biss b’dan il-mod li nistgħu nsaħħu l-kompetittività ta’ pajjiżna u l-produttività b’mod sostenibbli li jwassal għal tkabbir fl-ekonomija u prosperità. 

Nieħu din l-opportunità sabiex nawgura lill-organizzaturi tal-Fiera li żammew dan l-appuntament annwali, u l-organizzazzjonijiet li qed jipparteċipaw partikularment l-esebituri internazzjonali li għarfu l-potenzjal tas-suq Malti, kif ukoll il-parteċipanti lokali li huma wħud mill-aktar negozjanti kuraġġużi u kompetittivi li għandna. 

Grazzi.

Ixxerja din l-istqarrija Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Stqarrijiet Oħra:

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR THE ECONOMY, TECHNOLOGY AND STRATEGIC PROJECTS  More than 20 digital gaming and esports companies showcase Malta’s Industry Growth at PLAYCON 2026

PR261958EN

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR THE ECONOMY, TECHNOLOGY AND STRATEGIC PRO...

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EKONOMIJA, IT-TEKNOLOĠIJA U PROĠETTI STRATEĠIĊI  L-istrateġija tal-2019 qed tħalli l-frott: aktar minn 20 kumpanija tal-logħob diġitali u l-esports irrappreżentati waqt il-ftuħ ta’ PLAYCON 2026

PR261958

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EKONOMIJA, IT-TEKNOLOĠIJA U PROĠETTI STRATEĠ...

Aktar Stqarrijiet Right arrow