IL-KTIEB “MALTA’S PARLIAMENT: AN OFFICIAL HISTORY” DALWAQT IKUN GĦAL BEJGĦ - PREZZ SPEĊJALI TA’ QABEL IL-PUBBLIKAZZJONI
Il-ktieb “Malta’s Parliament – An Official History”, mill-Professur Godfrey A Pirotta, ippubblikat mill-Uffiċċju ta’ l-Ispeaker tal-Kamra tar-Rappreżentanti u mid-Dipartiment ta’ l-Informazzjoni, dalwaqt ikun għall-bejgħ mid-DOI, Valletta, mill-Banca Giuratale, Victoria Għawdex u mill-ħwienet ewlenin tal-kotba.
Il-ktieb bi 312 paġna, li hu stampat bil-kulur u li hu hardbound, ser jinbiegħ għal prezz ta’ Lm18. Però l-prezz ta’ qabel il-pubblikazzjoni ser ikun ta’ Lm15. Din l-offerta tagħlaq nhar it-Tnejn 17 ta’ Lulju. Kull min hu interessat, jista’ jibgħat il-partikolaritajiet tiegħu flimkien mal-ħlas dovut, indirizzat lid-Direttur ta’ l-Informazzjoni, 3, Pjazza Kastilja, Valletta.
Il-ktieb jirrakkonta l-istorja politika u l-evoluzzjoni tal-Parlament Malti mill-1800 sa l-2003, hu huwa maqsum fi tlett partijiet. L-ewwel parti (1800-1921), bi studju ta’ l-andament tal-Kunsill tal-Gvern stil kolonjali, jesplora l-bidu ta’ Kamra parzjalment eletta u t-taqbida kontinwa għal gvern responsabbli.
Fit-tieni parti (1921-1964), naraw kif ħadem l-ewwel gvern Parlamentari responsabbli, sax-xoljiment tiegħu fl-1933, meta l-Kostituzzjoni tal-1921 li kienet wellditu, l-ewwel ġiet sospiża u mbagħad irtirata. Tingħata ħarsa wkoll lejn il-ġrajjiet li segwew sakemm reġa’ twaqqaf mill-ġdid gvern responsabbli fl-1947. F’din il-parti, il-qarrej jiltaqa’ mad-diversi issues diskussi fil-Parlament u mal-proċess Parlamentari li laħaq il-quċċata tiegħu bl-Indipendenza ta’ Malta fl-1964.
Fit-tielet parti (1964-2003), il-qarrej jesplora t-tranżizzjoni ta’ Malta għal Gvern Repubblikan, l-għeluq tal-bażi navali u l-implikazzjonijiet li dan ġab miegħu lejn Malta ħielsa mill-aħħar traċċi tal-kolonjaliżmu, u t-triq twila li wasslet għal sħubija fl-Unjoni Ewropea.
Il-ktieb fih numru kbir ta’ ritratti ta’ diversi personalitajiet, fosthom l-Ispeakers kollha tal-Kamra tar-Rappreżentanti, il-Gvernaturi kollha, il-Presidenti ta’ Malta, il-Prim Ministri u uħud mill-Parlamentari Maltin. Ritratti oħra juru ġrajjiet storiċi għal pajjiżna li seħħew kemm fil-Parlament kif ukoll barra l-Parlament. Fil-ktieb insibu wkoll ritratti bil-kulur li juru l-maestà u s-sbuħija tas-Sala ta’ l-Arazzi li fiha kien jiltaqa’ l-Parlament, il-Kmamar fejn jiltaqgħu l-Kumitati tal-Parlament, swali u dettalji tal-Palazz, u s-Sala attwali fejn jiltaqa’ l-Parlament.
(i)front cover
(ii)back cover
(iii) The author, Prof Godfrey A Pirotta presenting the publication to The President of Malta, H.E. Dr. Edward Fenech Adami
Stqarrijiet Oħra:
PR261958EN
PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR THE ECONOMY, TECHNOLOGY AND STRATEGIC PRO...
PR261958