'MATER DEI' SPTAR TA' KWALITA` FI ZMIEN SENA - L-ONOR. TONIO FENECH - Konferenza Stampa - 30 ta' Gunju, 2006
Ir-ritmu fuq il-proġett ta’ Sptar Mater Dei baqa miexi kif ippjanat biex sa nofs is-sena d-dieħla jkollna sptar ġdid state of the art, għall-benefiċċju tal-pazjent u ta’ l-impjegat ta’ l-istess sptar. Dan qalu illum, l-Onor. Tonio Fenech, Segretarju Parlamentari fil-Ministeru tal-Finanzi u Kap ta’ l-iSteering Committee ta’ dan il-proġett, waqt konferenza stampali pprovdiet dettalji dwar l-istat tal-progress ta’ Sptar Mater Dei.
Fil-konferenza, li saret sena qabel id-data tat-tlestija ta’ l-isptar, l-Onor Tonio Fenech, elenka xi ftit mill-miri milħuqa, bħala konferma tal-progress kbir li reġa’ sar f’dawn l-aħħar 5 xhur:
· Skanska Malta JV illum stess għaddiet lill-Fondazzjoni għas-Servizzi Mediċi, il-bini tad-Dipartiment tat-Teknoloġija ta’ l-Informatika sabiex issa jibda x-xogħol ta’ installar mill-MITTS, li għandu jitlesta f’Settembru li ġej.
· Id-daħla prinċipali ta’ l-isptar (Concoures & Main Lobby) tinsab fi stadju avvanzat ħafna ta’ tlestija. Dan il-bini, li jinkorpora fih id-daħla prinċipali ta’ l-isptar, jrid eventwalment jilqa’ fih ir-reception, ir-restaurant u ħwienet oħra, l-uffiċini tal-Unions u anke iċ-Childcare Cente li se jiffaċilitaw l-operat ta’ l-4,000 ħaddiem li eventwalment ikun jaħdmu hawn.
· Id-disinni finali tal-Kappella huma lesti u x-xogħol li issa jinstab fi stadju avvanzat mistenni li jkun lest fl-ewwel kwart tas-sena 2007.
· Ingħata t-tender li se jipprovdi l-ikel tal-pazjenti, li issa se jkun provdut minn kċina privata (JSBZ), lil hinn mis-sit ta’ l-isptar. Dan il-kuntratt għandu jipprovdilna servizz ta’ kwalità għolja kif provdut fi sptarijiet oħra ta’ livell barra minn xtutna.
· Wara li f’Jannar li għadda Skanska Malta JV għaddiet id-Dipartiment ta’ l-Outpatients lill-FMS, biex jibda jiġi stallat l-għamara u l-apparat mediku. Illum il-ġurnata l-Outpatients ġie bażikament mgħammar bl-għamara kollha li jeħtieġ.
· L-għamara ta’ l-uffiċini ta’ l-Inġinerija, l-armarji ta’ l-għodda u l-bankijiet (workbenches) tal-Utility Block (id-Dipartiment ta’ l-Inġinerija) qegħdin diġà fil-post u għalhekk anke dan il-blokk huwa bażikament mgħammar u lest bl-għamara kollha li jeħtieġ.
· L-ewwel sitt swali (Main Block) ta’ dan l-isptar diġà ġew mgħammra bl-għamara kollha li jeħtieġu.
· L-ordnijiet fuq l-apparat mediku qed jipproċedu tajjeb wkoll, minn kuntratt b’valur totali ta’ € 62 miljun ġew ordnati b’madwar € 46 miljun u sa issa diġà wasal fuq il-post b’kemm jiswew € 25 miljun ta’ apparat. Fost il-ħidma kurrenti wieħed ta’ min isemmi l-Operating Theatres, l-Laboratorji, id-Dipartimenti tar-Radjologija u s-CSSD (Central Sterile Supplies Department).
Is-Segretarju Paralmentari qal li Sptar Mater Dei, qiegħed joffri teknoloġija, spazji u sistemi, uħud minnhom sal-lum nieqsa fi Sptar San Luqa, biex jiġi iffaċilitat operat aktar effiċjenti u sodisfaċenti għal madwar 4,000 ħaddiem li eventwalment jridu jaħdmu f’dan l-isptar u finalment servizz ta’ kura aħjar għall-pazjenti kollha li jżuruh.
L-Onor. Tonio Fenech saħaq li x-xogħol, minn Jannar ‘il hawn, mhux biss baqa’ miexi iżda baqa’ miexi b’ritmu mgħaġġel. Dan huwa mertu ta’ koordinazzjoni sħiħa bejn il-Gvern, il-Fondazzjoni għas-Servizzi Mediċi, Skanska Malta JV u l-kuntratturi tagħha u l-1,200 ruħ li bħalissa qegħdin jaħdmu fuq il-proġett. Is-Segretarju Parlamentari għalaq din il-konferenza billi reġa’ esprima d-determinazzjoni tal-Gvern Malti li Sptar Mater Dei ikun lest sa nofs is-sena d-dieħla.
Other Press Releases:
PR261958EN
PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR THE ECONOMY, TECHNOLOGY AND STRATEGIC PRO...
PR261958