IL-GVERN SER IKOMPLI JKUN VIĊIN TA’ DAWK KOLLHA LI JAĦDMU FIS-SETTUR AGRIKOLU TA’ PAJJIŻNA
“Gvern qed juri bi-fatti kemm jimpurtah u jagħti importanza lis-settur agrikolu u li jrid ikun viċin tar-raħħala Maltin u Għawdxin kif dejjem kien fil-passat. Il-Gvern ser ikompli jgħati l-għajnuna kollha meħtiega tiegħu kif għamel u għadu jagħmel mall-bdiewa, ir-raħħala u s-sajjieda”.
Dan qalu s-Segretarju Parlamentari responsabli għall Biedja u Sajd, Dr Francis Agius, meta ndirizza l-bdiewa u r-raħħala miġbura ġewwa l-Buskett, fl-okkażjoni tal-festa ta’ San Pietru u San Pawl, tradizjonalment mgħarufa bħala l-festa ta’ l-Imnarja.
Dr Agius fakkar kif dan l-aħħar il-Ministeru ħabbar skema ġdida ta’ għajnuna li permezz tagħha raħħala fis-settur tal-ħalib se jibbenefikaw minn fondi għall-investiment fl-irziezet tagħhom.
Il-fondi msemmija jaqgħu taħt l-iSpecial Marketing Policy Programme for Maltese Agriculture, kif ukoll l-iskema Meeting Standards mill-fondi ta’ l-Iżvilupp Rurali u miżuri oħrajn.
Dr Agius spjega li l-investiment għandu jkompli jsaħħaħ it-titjib li sar s’issa fl-iġjene, farm management u animal waste management. Dan kollu għandu jwassal għal aktar effiċjenza jew cost-saving għar-raħħal individwali u titjib fis-set-up tar-razzett li jwassal għal impatt pożittiv fuq l-ambjent. Ta’ min ifakkar li s-settur tal-ħalib jiddependi ħafna mill-mgħalef imkabbar lokalment u dan dejjem kellu impatt pożittiv fuq l-ambjent u l-kampanja f’Malta u Għawdex.
Dr Agius appella biex ir-raħħala japplikaw għall-iskema li fetħet fit-8 ta’ Ġunju u tagħlaq fis-27 ta’ Lulju 2006. Il-proposti tar-raħħala se jiġu evalwati minn kumitat tekniku. Dan kollu għandu jiżgura li s-settur tal-ħalib ikompli jissaħħaħ bil-għan li jibqa’ kompetittiv u jwassal lill-konsumatur prodott dejjem frisk u bnin.
Hu ta sodisfazzjon kbir, qal Dr Agius, meta wieħed jara l-prodotti u l-bhejjem li jinġiebu fil-wirja tal-Buskett. Wieħed iħoss sens ta’ apprezzament għall-ħidma tal-bidwi u r-raħħal li ma jipproduċux biss il-ħaxix, il-frott u l-laħam għall-ikel, iżda huwa wkoll huma l-investituri fil-kampanja u fl-ambjent naturali tagħna.
Dr Agius fakkar li minn stħarriġ li sar dan l-aħħar irriżulta li 95% tal-konsumaturi Maltin huma sodisfatti bil-kwalita’ tal-frott u l-ħxejjex lokali. Dan huwa l-aqwa vot ta’ fiduċja fix-xogħol bla heda li qed isir mill-bdiewa, ir-raħħala u l-agro-proċessuri u wkoll fil-ħidma u l-politika tal-gvern biex jgħin lill-bdiewa jsaħħu l-prodott agrikolu Malti fl-interess tagħhom u tal-konsumatur.
Il-maġġoranza tal-Maltin jagħtu każ jekk il-frott u l-ħaxix (72.3%) u l-laħam (76%) li jixtru jkunux lokali jew impurtat, bil-maġġoranza assoluta (71.3%) jippreferu jixtru frott, ħaxix, laħam u prodotti agrikoli oħra lokali milli prodotti impurtati. Il-Maltin jippreferu jixtru prodott agrikolu lokali għaliex huwa iktar frisk, itjeb minn prodott impurtat, aktar ġenwin u li permezz ta’ hekk jaħsbu li jkunu qed jgħinu l-ekonomija u l-industrja lokali. Ukoll, 74% tal-Maltin isostnu li meta jixtru l-prodott agrikolu Malti ikunu qed jieħdu valur tajjeb għall-flus li jkunu qed iħallsu.
Meta wieħed jara l-lista ta’ prodotti li jiġu esibiti f’din il-wirja, wieħed jinnota li fiha hemm għadd ta’ varjetajiet antiki li qajla ssibhom fis-suq. Il-fatt li s-Soċjetà Agrarja tibqa’ tħajjar lill-bdiewa u r-raħħala li jkomplu jrabbuhom u jiżirgħuhom huwa ta’ siwi immens għax kieku dan ma jsirx, dawn jintilfu.
Ħajr imur għal dawk kollha li b’sagrifiċċju u amur proprju kbir jibqgħu inisslu u jrabbu dak kollu li fl-aħħar mill-aħħar huwa parti mill-patrimonju tagħna. Għaldaqstant, nagħti l-appoġġ u ħajr lis-Soċjetà Agrarja li giet imwaqqfa fl-1844, biex tkompli bil-ħidma siewja tagħha, temm jgħid Dr Agius.
Stqarrijiet Oħra:
PR261958EN
PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR THE ECONOMY, TECHNOLOGY AND STRATEGIC PRO...
PR261958