PROĠETT TA’ NOFS MILJUN LIRA FL-ISKOLA ADELAIDE ĊINI TAL-ĦAMRUN
B’investiment ta’ nofs miljun lira l-iskola sekondarja Adelaide Cini fil-Hamrun ser tkun giet kompletament immodernizzata biex f’Settembru li ġej tkun tista` tintuża kollha kemm hi. Meta jitlesta x-xogħol f’dan il-kumpless l-iskola tkun tista’ tieħu sa 700 student u l-faċilitajiet ikunu jinkludu 28 klassi, 4 laboratorji tal-kompjuter, 5 laboratorji tax-xjenza, 2 tat-teknoloġija, staff rooms, u kmamar għall-amministrazzjoni ta’ l-iskola.
Il-Ministru ta’ l-Edukazzjoni Louis Galea żar l-iskola magħrufa bħala Adelaide Ċini tal-Ħamrun. Bħalissa qed isiru xogħlijiet biex titlesta t-tieni fażi ta’ xogħlijiet f’din l-iskola wara li s-sena li għaddiet sar xogħol li tlesta għall-bidu tas-sena skolastika, u b’hekk intużat temporanjament bħala annex tal-Junior Lyceum tas-subien tal-Ħamrun matul is-sena skolastika li għadha kemm intemmet.
Fit-tieni fażi li qed issir bħalissa, diġà tlesta x-xogħol strutturali u l-estensjoni tal-bini. Bħalissa għaddej ix-xogħol fuq sistema ġdida tad-dawl u ta’ l-ilma, madum ġdid, faċilitajiet sanitarji ġodda inkluż faċilitajiet għal persuni b’diżabilità, aperturi ta’ l-aluminju double-glazed ġodda, bibien ta’ ġewwa, suffetti, water-proofing tas-soqfa, u xogħol ta’ finitura fuq barra u fuq ġewwa. Matul il-vaganzi tas-sajf il-klasssijiet u l-laboratorji ser jiġu mgħammra bl-apparat kollu meħtieġ għat-tagħlim fuq l-istess standards li ntużaw fil-Kulleġġ San Benedittu f’Ħal Kirkop.
L-ewwel fażi tal-proġett tlestiet is-sajf li għadda u kienet tinkludi xogħol biex jiġi mmodernizzat kompletament Blokk sħiħ ta’ klassijiet u l-Blokk tax-Xjenza li jinkludi tlett laboratorji tax-xjenza. Sar ukoll xogħol biex blokk li qabel ma kienx jintuża għat-tagħlim ġie ttrasformat f’żewġ laboratorji tat-teknoloġija. Xogħol ieħor kien jinkludi t-titjib tal-faċilitajiet rikreattivi, titjib ta’ l-aċċessibilità fl-iskola, u landscaping. Xogħol ieħor importanti li sar f’din l-iskola kien jinvolvi sistema ġdida għall-ilma tax-xita li fil-passat kien joħloq problemi għall-iskola.
Ix-xogħol sar minn disa’ kuntratturi differenti flimkien mat-Technical Services Branch tad-Diviżjoni ta’ l-Edukazzjoni taħt id-direzzjoni tal-FTS, il-Fondazzjoni ghall-Iskejjel ta’ Ghada.
Il-Ministru Louis Galea qal li l-politika tal-Gvern fl-edukazzjoni qed tagħti ħafna riżultati tajbin. Il-Gvern qed jinvesti bil-qawwi fl-infrastruttura ta’ l-edukazzjoni billi imbarka fuq il-proġett li jibni l-iskejjel li hemm bżonn u jimmodernizza l-iskejjel kollha ta’ l-Istat. Dan il-proġett, li ghalih il-Gvern ikkommetta investiment ta’ aktar minn LM60 miljun lira fuq firxa ta’ snin, ma kienx jitwettaq b’mod effettiv kieku ma twaqqfitx l-FTS. Bis-saħħa tagħha f’erbgħa snin sar xogħol rekord fl-iskejjel tal-Gvern. Bħalissa qed isir il-bini ta’ skola sekondarja ġdida oħra f’Ħal Qormi, u dalwaqt jibda x-xogħol fuq il-Junior Lyceum fil-Verdala, Bormla.
Il-Ministru Louis Galea qal li l-liġi dwar l-edukazzjoni li qed tiġi diskussa fil-Parlament hi pass ieħor importanti biex Malta jkollha sistema edukattiva ta’ kwalità u li tgħin it-tfal kollha jirnexxu. Il-proġett tal-Gvern li l-iskejjel ta’ l-Istat jiġu organizzati f’Kulleġġi taħt it-tmexxija ta’ Prinċipal ser iġib miegħu sistema ġdida ta’ tmexxija ta’ l-iskejjel ta’ l-Istat. F’kull Kulleġġ ser ikun hemm żewġ timijiet, wieħed ta’ amministrazzjoni taħt Amministratur tal-Kulleġġ, u ieħor li jieħu ħsieb l-indafa, l-maintenance, ġonna u spazji rikrejattivi taħt Precincts Officer. B’hekk parti mix-xogħol li jagħmlu llum il-Kapijiet ta’ l-iskejjel ser jibda jiġi imwettaq minn dawn iż-żewġ timijiet biex il-Kapijiet, l-Assistenti u l-għalliema jikkonċentraw aktar fuq it-tagħlim ta’ l-istudenti fil-klassijiet. Il-Kapijiet ta’ l-iskejjel fil-Kulleġġ ser ikunu qed jaħdmu flimkien biex itejjbu l-kwalità ta’ l-edukazzjoni għall-istudenti tagħhom.
Il-Ministru Louis Galea sostna li s-sistema ta’ l-edukazzjoni ser tkun tista` taħdem aħjar bit-twaqqif ta’ żewġ Direttorati bl-iskop li wieħed jiffoka fuq il-kwalità u l-istandards, u l-ieħor ikun dedikat biex jaqdi l-bżonnijiet ta’ l-iskejjel. “Il-Gvern qed jaħdem fuq kull front biex jgħolli l-kwalità u jtejjeb ir-riżultati fl-edukazzjoni, sew billi jipprovdi skejjel ta’ l-aqwa ambjent, riżorsi umani u materjali biex l-iskejjel iservu bl-aħjar mod l-istudenti tagħhom, u liġi ta’ l-edukazzjoni li tappoġġja aħjar it-tmexxija u t-tagħlim fl-iskejjel,” temm jgħid Louis Galea.
Stqarrijiet Oħra:
PR261958EN
PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR THE ECONOMY, TECHNOLOGY AND STRATEGIC PRO...
PR261958