Left arrow Mur Lura

DISKORS TA’ L-ONOR. EDWIN VASSALLO, SEGRETARJU PARLAMENTARI GĦAN-NEGOZJI ŻGĦAR U S-SELF EMPLOYED WAQT IL-BUSINESS BREAKFAST BIT-TITLU ‘PACEVILLE, REVIVING MALTA’S ENTERTAINMENT CAPITAL’

pr0974
Date Icon 28/06/2006

Waqt id-diskussjonijiet tal-lum ser inkunu qegħdin nanalizzaw l-isfidi li qed jiffaċċjaw dawk kollha li jżuru, jaħdmu jew jgħixu f’Paceville.

Iżda dawn l-isfidi m’humiex xi kwistjoni ta’ Paceville biss, iżda huma issues għall-industrja ta’ leisure kollha kemm hi f’pajjiżna.  Dan qiegħed insostnieh għaliex Paceville ma jistax jiġi eskluż mis-sitwazzjoni nazzjonali u qegħdin niġu nfluenzati wkoll minn trends minn barra pajjiżna.

Għalhekk nifhem li filwaqt li hemm issues li huma verament esklussivi għal Paceville, l-qofol ta’ l-isfidi huwa ta’ l-industrija fil-komplessivita’ tagħha fuq livell nazzjonali.

Jiena persważ li għal din ir-raġuni xi proposti li jistgħu joħorġu minn din il-laqgħa ser ikunu proposti effettivi li jiswew għall-industrija tal-leisure fuq livell nazzjonali u nħoss ukoll li huwa l-waqt li din id-diskussjoni tintemm b’ġabra ta’ proposti li jistgħu jitpoġġew fis-seħħ immedjatament f’din il-lokalita’.

Ovvjament napprezza li tifhmu li d-daqqa ta’ l-għajn li ser nagħti lejn Paceville mhux ser inkun qiegħed nagħtiha mill-aspett tal-qasam ta’ x’qed jiġri fit-turiżmu jew dwar x’għandu jiġri fit-turiżmu, iżda qed nħares lejn dan is-suġġett bħala Segretarju Parlamentari responsabbli mill-iżvilupp li jgħaddu minnu s-sidien tan-negozji żgħar u s-self employed li għandhom interess fl-investiment li sar f’din il-lokalita, filwaqt li fl-istess ħin nagħti konsiderazzjoni wkoll lill-impjegati u residenti ta’ din iż-żona.

Ngħid għalija, f’dawn l-aħħar 25 sena rajt diversi bidliet f’din iż-żona.  Fil-bidu tiegħu, f’Pacevile kien hemm biss in-Napoleon u l-Hiccupsbar u iżjed tard, is-St. Paul’s Punchbowl u l-iStyx dicotheque.  Illum f’din iż-żona hemm kwantita’ kbira ta’ operaturi f’setturi differenti ta’ negozju li flimkien investew f’din il-lokalita.

Maż-żmien beda jidher ċertu żvilupp, u n-numru ta’ negozji f’din iż-żona żdied.

Investiment fiż-żona

Fis-sajf ta’ l-2003 żort din iż-żona bħala Segretarju Parlamentari, u dak iż-żmien numru ta’ sidien ta’ negozji lmentaw dwar it-toroq u l-bankini.  Illum dawn inbiddlu u xi drabi naħseb li diġa’ insejna li dawn illum li saru bħala proġett ta’ embellishment taż-żona li qed nitkellmu dwarha.  Dan il-proġett ġie nawgurat fl-1 ta’ Lulju ta’ l-2004, u sar investiment ta’ LM700,000.  Flimkien ma’ dan l-investiment kien hemm bosta investimenti oħra li saru mis-settur privat, li mbagħad wasslu għall-ħolqien ta’ bosta impjiegi.

Bħala lokalita ta’ divertiment bdiet bħala ċentru ta’ attrazzjoni għaż-żgħażagħ, iżda llum nista’ ngħid li din il-lokalita issa sar fiha għażla kbira ta’ restaurants u lukandi discos u bars, din il-lokalita’ tiġbed lejha numru kbir ta’ visitaturi minn kull qasam tal-ħajja.

Is-sabiħ ta’ din il-lokalita’ huwa li din il-lokalita’ ma tixjieħ qatt, għaliex kull investiment iwassal għal tiġdid kontinwu.  Tista’ ma taqblix ma’ dak li jiġri u tista’ tgħid li għandek gosti oħra, iżda Paceville jibqa’ attrazzjoni divertetenti u sabiħa għal bosta.

Residenti

Użajt il-kelma ‘divertenti’, iżda jkolli nghid li din il-kelma ma tapplikax għal kullħadd.  Dak li huwa ta’ tgawdija għall-viżitatur huwa ta’ wġiegħ ta’ ras għar-resident.  Forsi bħal kull attivita’ oħra Paceville huwa ġabra ta’ rejaltajiet li filwaqt li huma kontradizzjonijiet għal xulxin, jibqgħu rejaltajiet li jridu jiġu apprezzati għaliex iridu jgħixu flimkien.  Forsi l-akbar problema għall-amministrazzjoni lokali bħalma huma l-Kunsilli Lokali u entitajiet oħra Governattivi hija dwar kif ser jintlaħaq il-kompromess bejn is-sidien ta’ stabbilimenti u lukandi u r-residenti.

Il-fatt li din il-lokalita’ ħarġet minn lokalita’ residenzjali jfisser li mhux kollox huwa aċċettat li jsir.  L-interessi tar-residenti jridu jiġu mħarsa.  Żgur li m’hemmx il-liberta ta’ attivita bla restrizzjoni ta’ ħin jew tip ta’ attivita.

Kompetizzjoni bejn operaturi

Imbagħad għandna l-uġiegħ ta’ ras l-oħra għal dawk li qegħdin fin-negozju, fejn hemm min ma jaċċettax il-kompetizzjoni u jispiċċaw jattakkaw negozji oħra, izgħar minnhom, bil-għan li jipprovaw jeliminaw il-kompetizzjoni.  Hawn nixtieq niġbed l-attenzjoni ta’ entitajiet akbar li dawn l-istrateġiji jistgħu jduru kontra n-negozju tagħhom, għaliex l-għażla li teżisti f’Paceville hi waħda mill-attrazzjonijiet ta’ din il-lokalita bħala żona kummerċjali.  Dak li jista’ jkun ħażin għal negozju jista’ jkun tajjeb għal-lokalita bħala kommunita.

Presenza tal-Pulizija

Ma jonqosx li fl-lokalita’ bħal din irid ikun hemm il-forza ta’ l-ordni, iżda minkejja dan il-bżonn, ħadd ma jieħu pjaċir bil-pulizija wara biebu u ħadd ma jixtieq jara lil Paceville tinbidel f’policestate, bil-preżenza qawwija tal-Pulizija.  Il-Pulizija għandha tkun preżenti biex tara li tinżamm l-ordni, iżda minn naħa l-oħra, d-dmirijiet tal-Pulizija jmorru lil hinn minn sempliċiment kontroll ta’ ħinijiet ta’ ftuħ ta’ stabbilimenti.  Hemm ħafna affarijiet oħra li hemm bżonn li jżommu għajnejhom fuqhom.

Kompetizzjoni bħala regolatur

F’din l-industrija, bħalma jiġri f’industriji oħra, għandek min huwa ġenwin , u għandek min ma huwiex daqshekk ġenwin.  Għandek min jagħti servizz u min irid jisfrutta, iżda l-akbar regolatur tibqa’ l-kompetizzjoni, li tagħti għażla lill-konsumaturi.

Kompetizzjoni minn barra

Illum iżjed minn qatt qabel hemm livell għoli ta’ kompetizzjoni, għaliex in-numru ta’ operaturi żdied ferm.  Il-kompetizzjoni daqskemm hija kbira internament hija daqshekk ieħor kbira esternament.  Dan għaliex Paceville illum irid jikkompeti ma’ Tas-Sliema, l-Valletta Waterfront, Wied il-Għajn u iżjed ma jibda dieħel iż-żmien, il-kompetizzjoni tikber meta tiġi wkoll minn open air discos, kif wkoll minn lokalitajiet f’Għawdex.  Għal ċertu settur ta’ turiżmu, Paceville jibqa l-flagship tat-turiżmu għal pajjiżna, u għalhekk Paceville irid jikkompeti wkoll ma’ lokalitajiet oħra ta’ divertiment ta’ pajjiżi oħra, li fil-libertinaġġ tagħhom jaslu li jattiraw aktar turisti lejhom minn dak li jinnexxilu jagħmel Paceville.

Tlett sfidi ġodda

Problema loġistika

Bħal setturi ta’ negozji oħra, f’Malta dan is-settur tant kiber li xi drabi loġistikament isib il-problema ta’ nuqqas ta’ spazju, u ma jsibx fejn jista’ jimrah fil-liberta’.  Qisha attivita’ kummerċjali akbar minn kemm jiflaħ il post, u llum tħossha magħluqa ġo gaġġa.

Bżonn ta’ aktar konsumaturi

Sfida oħra li għandha din il-lokalita hija li biex ikun settur sostenibbli jeħtieġ numru akbar ta’ visitaturi, il-head count ta’ min jiffrekwenta din il-lokalita’ trid tkun akbar għaliex in-negozju tferrex u għalhekk illum irridu aktar nies kullimkien biex kull lokalita ta’ divertiment tkun mimlija gil-klijenti.

Il-lokalita trid tiġi apprezzata

It-tielet sfida hija l-preġudizzju li xi darbi igawdu u għalhekk dan il-post ma hux apprezzat kemm imiss għall-investiment li sar fih.

Mill-aspett soċjali, din il-lokalita’ timponi fuq is-soċjeta’ tagħna ċertu sfidi, u donnha titqies bħalha l-bidu ta’ ċerti trends u drawwiet ġodda.  Għal xi investituri, l-fatt li l-investiment kien ta’ daqs kbir qisu jwassalhom biex jaħsbu li jistgħu jagħmlu li jridu.  Paceville mhux Ibiza u x’jista’ jsir f’Ibiza ma jista’ jiġi qatt aċċettat f’Paceville.  Jiena, bħala politiku, ma naqbilx li Paceville għandu jkun post fejn il-libertinaġġ isaltan bl-iskuża li rridu naqilgħu il-ħobżna ta’ kuljum.

Ma naqbel xejn ma’ l-iskjavitu’ tal-bojod u lanqas tas-suwed.

Ma naqbel xejn ma’ l-isfruttament tal-konsumaturi u lanqas tal-ħaddiema barranin.

Ma naqbel xejn ma’ negozji li donnhom sfaċċatament ibiegħu is-sess bħala attrazzjoni u divertiment tal-massa.  Fil-kapaċita politika tiegħi jiena nirrifjuta li noħroġ ċertu permessi.  Naf li mhux kulħadd jaqbel miegħi, iżda naċċetta l-opinjoni differenti u jiena kapaċi ngħiex ma’ min jara d-dinja differenti minni.

Paceville tibqa’ l-lokalita’ li minnha tista’ tieħu x-ray tal-valuri tas-soċjeta’ Maltija għaliex hija lokalita fejn tara l-estremiżmu.  Kif diġa’ għedt qabel hija ċentru ta’ ħafna realtajiet li kapaċi jgħixu flimkien.

Mil-lat kummerċjali, Paceville jibqa’ l-konċentrazzjoni ta’ l-attivita’ kummerċjali li qed tipprova tfittex li tikber ekonomikament u tkun aktar sostenibbli.

Sfidi għall-ġejjieni

Li l-attivita’ kummerċjali bil-komplessivita’ tagħha tipprova tibqa’ sostenibbli jfisser li bħala attivita’ kummerċjali, trid tara kif tibqa’ aġġornata u mmotivata biex tibqa’ attivita’ li kapaċi tiġbed lejha l-klijentiela li imbagħad isostnuha.  L-akbar sfida għall-attivita’ kummerċjali ta’ Paceville hija li tara li ma tibqax tiddependi fuq l-istudenti barranin, li tara li tibqa’ taħseb kif tibdel u toħloq client base differenti milli għandha.  Dak li kien attrajenti l-bieraħ, mhux bilfors jibqa’ attrajenti llum u għada.  Illum l-industrija tad-divertiment qed tieħu xejra differenti minn dik li kienet teżisti fl-imgħoddi.

Għaldastant nemmen li s-sidien ta’ l-istabbilimenti kollha kummerċjali u turistiċi għandhom jiltaqgħu u jiddiskutu l-viżjoni li jridu joħolqu għall-attivita’ kummerċjali tagħhom.  Dan is-seminar ta’ llum għandu jservi proprju għal dan il-għan; li jixpruna sforz kollettiv b’motivazzjoni imprenditorjali, bil-ħsieb li jirresponsabilizza lil min qiegħed fl-industrija u lil min qiegħed jieħu deċiżjonijiet mil-lat Governattiv.

F’pajjiżna ma jistax ikollna it-tkabbir ekonomiku meħtieġ jekk kull min huwa involut fl-industrija u l-kummerċ jibqa’ jistenna kollox mill-Gvern.  Illum l-idea hija li kull element fl-ekonomija jaħdem biex jiresponsabilizza lill-ieħor, iżda l-iżjed li neħtieġu huwa li niżviluppaw viżjoni li tħares lejn illum u taħseb f’għada filwaqt li titgħallem mill-esperjenzi tajbin u dawk anqas tajbin tal-bieraħ.

Filwaqt li intom operaturi intom kompetituri ta’ xulxin, jeħtieġ li jkunu mumenti fejn intom realment you ‘join forces’ u taħsbu flimkien dwar l-strength u l-weaknesses ta’ l-industrija tagħkom fil-lokalitajiet fejn qegħdin.

Tridu tagħtu każ lill-client base tagħkom u taraw minn fejn ġejja.  Kull operatur għandhu forma ta’ client base differenti mill-ieħor, kull negozju narah jattira client base differenti minn ieħor.  Intom kollha tagħmlu sens taħsbu flimkien.  Meta fil-kummerċ settur jibqa’ jmur kontra settur ieħor, dan ikun ifisser li min qed jipprova jelimina l-kompetizzjoni, qed jipprova jaħseb kif jibqa’ waħdu.  L-operaturi tan-negozji ta’ Paceville jagħmlu sens jekk jaħdmu flimkien, mill-lukandier sa l-street hawker li jbiegħ il-ħaxix.  Mill-bar owner sas-sid ta’ restaurant.  Jekk tibdew tipprovaw li fl-ewwel analiżi tagħkom tibdew teliminaw lil xi operator ieħor, allura tkunu qed turu li intom bħala operaturi m’intomx kapaċi taħsbu bħal komunita iżda jimpurtakom mill-interessi tagħkom biss.  Malta qiegħda tinqatel mill-individwaliżmu ta’ ċerti nies li jaħsbu li jridu jieklu kollox waħedhom.  Fejn għandna l-individwaliżmu fil-kummerċ jagħti prova kemm il-valur imprenditorjali tagħna huwa fqajjar.

Ngħid għalija kemm-il darba nagħmel stedina bħal din lil diversi setturi, kif ukoll mhux l-ewwel darba li ppruvajt inlaqqa’ l-operaturi bħalma darba diġa ppruvajt inlaqqa’ l-operaturi ta’ Paceville biex flimkien nanalizzaw il-ħtiġijiet komuni u naraw kif għanda servizzi li jkopri dik il-ħtieġa.  Iżda jiġri li fil-laqgħa li ssir l-ewwel li tara huwa li bosta huma dawk li ma jintressahomx li jiġu flimkien imbagħad waqt id-diskorsata jibda’ biex jiġi ikkritikat il-Gvern.  Ovvjament l-eħfef li tikritika huwa il-Gvern iżda l-itqal li tagħmel huwa li tara x’kellek tagħmel u ma tagħmilx.

F’dan is-sens jiena nagħti dawn il-pariri bħala suġġeriment prattiku li għandu jsir wara din il-laqgħa ta’ llum.

1.                  Li jiltaqgħu l-operaturi kollha li joffru servizz f’din il-lokalita’ mingħajr distinzjoni ta’ negozji jew settur 

2.                  Li jippruvaw iħarsu lejn l-imgħoddi u l-bidu ta’ l-attivita’ kummerċjali f’din il-lokalita’ u jaħsbu dwar il-viżjoni li kollettivament jeħtieġu li jkollhom għall-ġejjieni 

3.                  Jaraw li din il-lokalita’ jkollha valur innovattiv u differenti mill-bqija tal-lokalitajiet oħra

4.                  Jaraw kif jaħsbu fi strateġija biex ikunu magħrufa aħjar id-dmirijiet u d-drittijiet ta’ dawk kollha involuti f’dan is-settur

5.                  Ikun magħruf aħjar dawn l-operturi x’qed jistennew mill-MTA u mill-Kunsill Lokali

6.                  L-operturi għandhom ikunu aktar responsabbli u jħaddnu code of ethics li jagħti direzzjoni lill-għoti ta’ servizz lil dawk li jagħżlu li jiddevertu f’Paceville, biex b’hekk ikollhom “an excellent service code” u min iżur din iż-żona jkollhom garanzija ta’ “value for money”.

7.                  Paceville insalvawh kemm-il darba niggarantixxu li l-operaturi kapaċi joffru fair deal lil dawk kollha involuti klijenti, residenti u ħaddiema.

8.                  Ma nistgħux ngħollu l-prezzijiet mingħajr raġuni valida filwaqt li ma noffrux servizz ta’ kwalita’.

9.                  Ikunu iġġenerati ideat ġodda u nnovattivi ta’ kif iżjed visitaturi jistgħu jżuru din il-lokalita.  Hemm bżonn ta’ sistema ta’ marketing kollettiv għaż-żona u għan-negozji li hemm fiha

10.              L-operaturi jridu jifhmu li huma mhux qegħdin jikkompetu biss f’Malta iżda iridu jaraw li huma qed jikkompetu ma’ lokalitajiet oħra ta’ divertiment f’pajjiżi oħra

11.              Min jiġi f’Paceville irid ikun garantit li jkun safe min kull periklu, u b’hekk Paceville tista’ tiġi riklamata bħala lokalita safe

12.              L-operaturi jridu jintrabtu li minkejja kull sforz huma lesti li jaraw li jikkomunikaw mar-residenti u huma jintrabtu li jnaqqsu kemm jista’ jkun kull inkonvinjent jew raġuni ta’ inkonvinjenza għar-residenti.

13.              L-operaturi tan-negozji kollha f’Paceville għandhom jidħlu f’patt soċjali ta’ lealta u ġenwinita’ mal-klijenti kollha tagħhom Maltin jew barranin bla distinzjoni u jintrabtu li huma ser jikkonvertu l-prezzijiet tagħhom għal Euros b’ġenwinita’ mar-rata kif maqbula mill-Gvern.

Ħbieb, Paceville qiegħda f’salib it-toroq, tista’ tagħżel li tkompli f’suċċess jew tagħżel li taqa’ fil-livell tal-kwalita u tispiċċa a cheap play ground.

Fil-fehma tiegħi Paceville jirriskja ħafna kemm-il darba l-operaturi tan-negozji tiegħu jibdew jagħmlu għażliet li jiswew il-flus fejn niġu għal investiment u għażliet irħas fejn jibdew jaħsbu li għall-qliegħ tal-flus, kollox jista’ jsir.

Ħbieb, hawn kollha kemm aħna qegħdin f’salib it-toroq.  Pajjiżna jista’ jagħmel passi kbar ‘il quddiem u tant ieħor nistgħu immorru lura.  Jekk nispiċċaw inbiegħu ruħna biex mingħalina nagħmlu l-flus, inkunu irriduċejnieh għal destinazzjoni fqira li tkun tilfet l-aqwa valur ta’ kwalita’ li huma l-valuri lil min dejjem iddistingwejna mill-ħafna oħra.

Li nikbru ekonomikament huwa proċess li jeħtieġ l-involviment ta’ kullħadd. Jiena nemmen li Paceville kapaċi jirnexxi fejn l-operaturi jgħixu f’armonija mar-residenti, fejn min jagħżel li jmur jiddeverti f’din il-lokalita’ jħossu li ngħata servizz ta’ kwalita’ bi prezz tajjeb.  Jiena nemmen fis-suċċess li lkoll naħdmu għalih.  Jien lest li npoġġi dawn is-suġġerimenti fil-prattika. Lest li nagħti sehmi għas-suċċess ta’ kullħadd, iżda l-prezz tas-suċċess huwa l-valur tal-ġenwinita’ li rrid li jkollna lejn xulxin lejn dawk kollha li jiddependu minnha, kemm residenti, klijenti u ħaddiema.

Ejjew inkunu imprendituri u naħsbu biex ikollna viżjoni għal Paceville li twassal għas-suċċess mistħoqq li lkoll naħdmu għalih.  Paceville tista’ tkun success story għall-imprendituri nfushom, l-impjegati li jaħdmu hawn, ir-residenti li jgħixu hawn u għall-viżitaturi li jiġu jiddevertu fin-negozji ta’ din il-lokalita.

Ejja nħallu l-profitt finanzjarju jixpruna l-isforzi tagħna, iżda fl-istess ħin ma naħsbux li kollox hu aċċettabbli għall-profitt.  Ħaqqna iżjed bħala bnedmin.

Jiena nemmen li huwa biss bi strateġija imprenditorjali li nistgħu niggarantixxu s-suċċess għal Paceville.

Ixxerja din l-istqarrija Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Stqarrijiet Oħra:

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR THE ECONOMY, TECHNOLOGY AND STRATEGIC PROJECTS  More than 20 digital gaming and esports companies showcase Malta’s Industry Growth at PLAYCON 2026

PR261958EN

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR THE ECONOMY, TECHNOLOGY AND STRATEGIC PRO...

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EKONOMIJA, IT-TEKNOLOĠIJA U PROĠETTI STRATEĠIĊI  L-istrateġija tal-2019 qed tħalli l-frott: aktar minn 20 kumpanija tal-logħob diġitali u l-esports irrappreżentati waqt il-ftuħ ta’ PLAYCON 2026

PR261958

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EKONOMIJA, IT-TEKNOLOĠIJA U PROĠETTI STRATEĠ...

Aktar Stqarrijiet Right arrow