myPotential – INĊENTIVI GĦAL TAGĦLIM FIT-TEKNOLOĠIJA
Il-Ministru Austin Gatt sostna “Malta qed tattira investiment dirett barrani lejha biex tiżviluppa ruħha f’ċentru ta’ eċċellenza fl-ICT, u nemmen li bi SmartCity@Malta ħa nilħqu dan l-għan. SmartCity@Malta ser toħloq domanda ta’ iktar minn 3,000 post tax-xogħol. In-numru ta’ gradwati li qed joħorġu mill-Università u l-MCAST flimkien mhux qed jaqbżu iktar minn 400 gradwat fis-sena. Dawn mhux biżżejjed. L-impenn tagħna fl-SmartCity@Malta jinkludi wkoll l-impenn li nkomplu nkattru ambjent li jiffaċilita lil numru sostanzjali ta’ nies li jitħarrġu fl-ICT u jiżviluppaw it-tagħrif neċessarju li min iħaddem fis-settur ta’ l-ICT qed ifittex.”
Il-Ministru Austin Gatt kien qed jitkellem waqt it-tnedija tal-proġett myPotential – li hu l-opportunità għall-Maltin (studenti, nies li qed ifitttxu xogħol, nies li jridu jibdlu l-karriera) biex jirrealizzaw il-potenzjal tagħhom.
Il-Ministru Austin Gatt fisser li rridu nwessgħu l-opportunitajiet ta’ tagħlim fl-ICT li jwassal għal iktar nies kapaċi li jissodisfaw id-domanda fl-industrija, għal istudenti (kemm dawk li diġà qed jistudjaw għall-karriera fl-ICT, kif ukoll dawk li mhux neċessarjament qed jistudjaw ICT imma jidrilhom li jistgħu jkunu kapaċi wkoll għall-karriera fl-ICT) nies li qed tfttex xogħol u l-impjegati
Permezz ta’ dawn l-inċentivi ser jippermettu li kull min hu kapaċi jitgħallem imma minħabba problemi ta’ flus ma jistax, issa ser ikun jista’ bis-saħħa tal-myPotential.
F’din l-inizjattiva, saret sħubija bejn il-Gvern u ħames fornituri privati ta’ taħriġ fl-ICT, kollha akkreditati minn kumpaniji internazzjonali inklużi Microsoft, Oracle u Cisco sabiex joffru fost l-aktar ċertifikati ta’ l-ICT rikjesti. Il-Ministru Austin Gatt spjega li “dawn huma l-ewwel grupp ta’ provdituri ta’ taħriġ fl-ICT għax irridu li l-myPotential jkompli jikber f’termini ta’ portfolio ta’ ċertifikazzjonijiet ta’ ICT offruti. Biex jitnlaħaq dan il-għan, kull sitt xhur ser niftħu l-applikazzjonijiet għal provdituri ta’ taħriġ fl-ICT li jridu jingħaqdu magħna fil-myPotential.”
B’kollox qed joffru 18-il kors ‘low-end’, u 11 ‘high-end’. Il-korsijiet low-end huma ideali għal min għadu ser jibda l-istudji tiegħu fl-ICT, jew għandu għarfien ta’ ICT bażiku filwaqt li dawk high-end huma mmirati għal min diġà għandu għarfien tajjeb u xi ċertifikazzjonijiet fl-ICT u jrid jispeċċjalizza iktar f’dak li diġà jaf.
Il-Ministru Austin Gatt, spjega li b’dan il-pass, il-Gvern ried li dawn il-korsijiet li huma fl-inizjattiva myPotential huma korsijiet illi jwasslu għall-impjiegi li teħtieġ l-industrija. Dawn jinkludu xogħlijiet ta’ administration, installation, configuration ta’ networks, network design, troubleshooting u maintenance, helpdesk administration, First line support, Software Engineering, System Analysis, Software Consultancy, Database Development u Database Administration.
L-opportunitajiet ta’ xogħol li joffru l-portfolju ta’ ċertifikazzjonijiet tal-myPotential juru biċ-ċar il-livell ta’ expertise u l-livell ta’ knowledge workers li aħna rridu nżidu.
Il-Ministru Gatt spjega n-numru ta’ Tax Credits li huma abbinati ma’ din l-inizjattivi. Fil-fatt kull min ser iħallas għal xi low- jew high-end certification mill-portfolio tal-myPotential ma’ xi wieħed mill-partners, ser ikun eliġibbli li japplika għat-tax credits mal-Malta Enterprise. Prattikament, jekk individwu jiggradwa miċ-ċertifikazzjoni, dak kollu li jkun nefaq f’training, kotba u eżamijiet ser jiġih b’xejn għaliex fuq medda ta’ tliet snin dawn l-ispejjeż ser jitnaqqsulu mit-taxxa dovuta.
Għal dawk il-kumpaniji li jħallsu għat-taħriġ ta’ l-impjegati tagħhom f’xi wieħed mil-low- jew high-end certifications minn tal-myPotential, ser ikunu wkoll eliġibbli għal tax credits. Kumpanija li tkun ħallset għat-taħriġ ta’ impjegat u dan jiggradwa b’suċċess, ser jitnaqqsila 17.5% ta’ l-ispejjeż ta’ taħriġ, kotba u eżamijiet u wkoll l-ispejjeż tal-pagi u bolol.
Għal dawk il-kumpaniji li ser jimpjegaw gradwati fil-high-end certifications tal-myPotential ser ikunu eliġibbli li ma jħallsux għal dan l-impjegat l-ispejjesż kollha ta’ social contribution għal żmien massimu ta’ 3 snin. L-għan ta’ dawn it-tax credits huwa li jinkoraġġixxi l-kumpaniji li jimpjegaw nies kwalifikati u joħolqu postijiet ta’ xogħol ġodda.
Dawn it-tax credits ser japplikaw għal kumpaniji li joffru postijiet ta’ xogħol ġodda, għalhekk dan ser jgħin nies li għandhom l-kwalifiki relevanti imma għandhom diffikultà biex isibu xogħol, isibu postijiet ta’ xogħol ġodda li jinħolqu.
Dawn it-tax credits isarrfu f’numru sostanzjali ta’ gwadann għal kumpaniji, jekk dawn speċjalment ikunu impjegaw iktar minn bniedem wieħed ta’ dan it-tip.
Il-Ministru Austin Gatt fisser li r-riżultat finali ta’ dawn it-tax credits huwa li qed inraħħsu l-ispejjeż fuq it-taħriġ fl-ICT b’mod sinjifikanti u allura direttament qed inżidu l-kapaċità ta’ iktar nies u kumpaniji li jiffinanzjaw t-taħriġ fl-ICT, li għandu jkollu impatt immedjat fuq in-numru ta’ nies speċjalizzati fl-ICT.
F’aspett separat ta’ din l-inizjattiva, dawk l-istudenti li qed isegwu xi kors full-time, li m’għandux ikun neċessarjament relatat ma’ l-ICT, u għal min qed jirreġistra ma’ l-ETC biex isib xogħol, ser ikunu jistgħu iħallsu inqas mill-prezz kummerċjali għal-low-end certifications. Fil-fatt bi ftehim mal-provdituri ta’ taħriġ, naqqasna l-prezzijiet b’15%-50% tal-low-end certifications.
Għall-klijenti tal-myPotential dħalna wkoll f’negozjati mal-BOV, HSBC u Lombard Bank biex dawn joffru pakketti finanzjarji ta’ loans b’rati ta’ interessi baxxi speċifikament għall-klijenti tal-myPotential. Irnexxielna nġibu loans għal min ma jaħdimx, u r-rati huma ta’ 3.5% b’kundizzjonijiet ta’ moratorium. Il-Ministru Gatt qal li b’ din l-inizjattiva xtaqna li jkollha dal-banek involuti f’din l-inizjattiva ħalli kemm jista’ jkun nkomplu nagħmluha eħfef għal min irid jitħarreġ fl-ICT.
Il-myPotential, qed noffru struttura alternattiva, però li tikkumplimenta s-servizzi edukattivi offruti mill-istituzzjonijiet edukattivi, sabiex nżidu iktar opportunitajiet ta’ taħriġ fl-ICT. Din l-inizjattiva tirrapreżenta investiment kbir mill-Gvern għat-tlett snin li ġejjin. Nemmen li hi opportunità li studenti, nies bla xogħol, u kif ukoll nies oħra impjegati li jridu jbiddlu l-karriera jew iżidu mat-tagħrif tagħhom, m’għandhomx jitilfu.
Stqarrijiet Oħra:
PR261958EN
PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR THE ECONOMY, TECHNOLOGY AND STRATEGIC PRO...
PR261958