XOGĦLIJIET TA’ TISBIH F’HASTINGS
L-aħħar irtokki qabel l-inawgurazzjoni uffiċċjali li se ssir fis-6 ta’ Lulju 2006
Wara li tlestew il-ġonna tal-Barrakka ta’ Fuq u l-Barraka t’Isfel, il-Ministeru għar-Riżorsi u l-Infrastruttura
ħaseb biex ikompli jkabbar il-lista ta’ proġetti mwettqa fil-belt kapitali ta’ pajjizna. Dan bl-iskop li
l-Belt Valletta terġa tigi rijabilitata f’kull qasam b’livelli għolja ta’ restawr u infrastruttura li jsaħħru lil
kull min iżur din il-ġahwra Mediterranja. Haddiema mit-Taqsima tax-Xogħlijiet ta’ l-istess Ministeru
wettqu xogħol intensiv fuq Ġnien Hastings, wieħed mill-akbar ġonna ta’ Malta propju b’tul ta’ tlett mija u
ħamsa w għoxrin metru. Dan il-ġnien barra l-kobor tiegħu għandu pożizzjoni unika fuq is-swar tal-belt,
minn fejn wieħed jista` jgawdi veduta panoramika minn Tigne sax-xatt ta’ Sa Maison. Dan qalu l-Ministru Ninu Zammit meta kien qed iżur l-aħħar irtokki ta’ xogħlijiet ta’ tisbiħ fil-Ġnien ta’ Hastings.
Kienu diversi ix-xogħlijiet li saru fuq dan il-ġnien. Id-Design Unit fid-Divizjoni tax-Xogħlijiet għamlet
id-disinn ta’ dan il-proġett. Id-disinn ġie bbażat fuq stil Taljan, b’passaġġi li jwasslu għall-pjazez
żgħar.Ta min jgħid ukoll li fil-binja ta’ passaġġi ġodda ġie rrispettat l-ambjent tal-ġnien peress li ma’
ġewx maqlugħin is-siġar eżistenti anzi ġew miżjuda s-soft areas. Xogħol primarju kien it-tlestija tal
-ħajt bi stil arkitettoniku ta’ mad-dawra tal-ġnien u l-bankina tal-franka mal-ġenb ta’ l-istess ħajt.
Ħaddiema mit-Taqsima tal-Manifattura u s-Servizzi ħadmu railing dekorattiv għal-mal-ħajt li jdawwar il-ġnien.
Il-Ministru Zammit spjega li l-biċċa l-kbira tax-xogħol kienet konċentrata fuq il-pavimentar tal-passaġġi
u l-pjazez b’materjal tal-franka u l-granit. Dan ix-xogħol inkluda wkoll it-tneħħija ta’ l-asphalt li kien
jifforma l-passaġġi, il-kostruzzjoni ta’ networks għas-servizzi kollha u l-iffurmar tal-livelli ġodda. L-area
kollha tal-pavimentar tkopri ‘l fuq minn 5,000 metru kwadru u tinkludi pjazez li ġew iffurmati u mibnija
b’tali mod li jgħaqqdu l-passaġġi wieħed ma’ l-ieħor.
Matul il-kors tax-xogħlijiet instabet ġiebja li tnaddfet u se tintuża għal-ġabra ta’ ilma għat-tisqija tas-siġar. Għal dan il-għan ġiet installata sistema ta’ drip irrigation mal-ġnien kollu. Inbniet ukoll funtana
fin-naħa ta’ isfel tal-ġnien biex jinħoloq l-effett u l-ħoss ta’ l-ilma li tant jikkumplimenta t-trankwilita u s-skiet ta’ dan il-ġnien.
Ħaddiema mit-Taqsima tal-Manifattura u s-Servizzi ħadmu fuq il-bankijiet u kontenituri ta’ l-iskart kif
ukoll fuq poġġamani tal-ħadid li ġew installati fin-naħat il-baxxi u oħrajn miftuħa tas-sur, biex jiġi evitat
il-periklu.
Il-proġett ħaseb ukoll għall-installazzjoni ta’ floor lights għal skop arkitettoniku u uplighters sabiex
jinxteghlu is-siġar minn taħt.
It-Taqsima tar-Restawr fi ħdan l-istess Ministeru wettqet xogħol ta’ tiswija fuq il-ħajt tas-sur minn naħa
ta’ ġewwa tal-ġnien. Inbidlu numru kbir ta ċangaturi li jinsabu fil-wiċċ tas-sur u biex jikkumplimenta
dan kollu inbniet mill-ġdid il-Gardjola li kienet tneħħiet minħabba l-istat strutturali perikoluż li kienet
tinsab fih.
Fl-aħħarnett il-Ministru Ninu Zammit tenna li t-tisbiħ ta’ dan il-ġnien ikompli juri b’mod konkret
il-politika tal-Gvern preżenti li filwaqt li jikkonserva l-wirt kulturali tal-Belt Valletta, qed fl-istess ħin
iwettaq xogħlijiet ta’ tisbiħ sabiex il-Belt Kapitali tkompli tiġi mżejjna u mżewwqa minn kull aspett.
Other Press Releases:
PR261958EN
PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR THE ECONOMY, TECHNOLOGY AND STRATEGIC PRO...
PR261958