MANUTENZJONI KONTINWA FIŻ-ŻONI INDUSTRIJALI
“Il-Gvern, permezz tas-Segretarjat Parlamentari għan-Negozji Żgħar u s-Self Employed, qiegħed
kontinwament izomm il-wegħda tiegħu li jkompli jkun viċin is-self employed u n-negozji ż-żgħar. Dan
ma huwiex qed jagħmlu bil-kliem biss, iżda qiegħed iwettqu bil-fatti. Il-Gvern sa minn dejjem emmen
fis-settur tan-negozji żgħar f’pajjiżna, għaliex fih jara l-kapaċita’ tal-ħaddiem Malti. Huwa għalhekk li ninsabu determinati li nkomplu nagħtu kull għajnuna possibbli sabiex dan l-istess settur
narawh ikompli jkattar l-attivita’ kummerċjali tiegħu, u jkun kapaċi joħloq opportunitajiet oħra li jkattru
aktar impjiegi ġodda.”
Dan qalu s-Segretarju Parlamentari għan-Negozji Żgħar u s-Self Employed, Edwin Vassallo, waqt
żjara li huwa għamel lis-sidien ta’ negozji żgħar li jinsabu fiż-Żona Industrijali ta’ l-Imrieħel.
Qegħdin jiġu investiti il-fuq minn mitt elf lira Maltin (LM100,000) kull sena, f’xogħol ta’ manutenzjoni
kontinwa, u li ma jaqta’ xejn. Permezz tal-kuntatt regolari li s-Segretarjat għandu ma’ l-istess sidien
ta’ negozji ta’ din iż-żona, qegħdin ikun possibbli li nżommu ruħna viċin kull problema li minn ġurnata
għall-ohra jista’ jkun tkun qed tinqala’, u għalhekk b’effiċjenza qed inkunu kapaċi nwettqu x-xogħol ta’
manutenzjoni kollu meħtieġ, mingħajr dewmien.
Wara li ftit tax-xhur ilu tlesta proġett ta’ xogħolijiet infrastrutturali, li sewa lil Gvern il-fuq minn tmien
mitt elf lira Maltin (LM 800,000 ), bħalissa għaddejjin diversi xogħolijiet ohra, bil-kollaborazzjoni ta’
diversi entitajiet, Ministeri, kif ukoll ma’ Dipartimenti Governattivi oħra.
Fost ix-xogħolijiet li għaddejjin bħalissa tajjeb insemmu l-installazzjoni ta’ madwar 65 bozza , bħala
parti minn proġett ta’ street ligħting ġdid fi 11-il Triq li jinsabu kollha kemm huma fiż-żona industrijali
ta’ l-Mrieħel.
Twaħħlu numru ta’ tabelli mat-toroq kollha, sabiex l-istess sidien tan-negozji li jaħdmu f’dawn it-toroq
ikunu aktar informati u ggwidati dwar x’għandhom jagħmlu f’każ ta’ serq, inċidenti, ħruq, jew xi forma
ta’ abbużi illegali.
Riċentament ukoll sar eżerċizzju sabiex twaħħal ammont konsiderevoli ta’ tabelli u sinjali tat-traffiku, li
għenu mhux ftit fl-organizazzjoni ta’ l-istess żona industrijali.
Id f’id mal-Pulizija, is-Segretarjat wettaq ukoll ħidma, sabiex tneħħew il-fuq minn 12-il karozza li kienu
ġew mitluqa f’diversi toroq ta’ din iż-żona.
Fl-istess ħin għaddejja ħidma kontinwa flimkien mal-Kunsill Lokali ta’ Birkirkara sabiex jingħata
servizz ta’ l-indafa, jitwaħħlu l-ismijiet tat-toroq li kienu għadhom bla isem, kif ukoll ħidma oħra fuq
kull manutenzjoni li minn jum għall-ieħor tkun meħtieġa.
Is- Segretarju Parlamentari Edwin Vassallo ħabbar ukoll li ftit tal-jiem ilu ingħata bidu għal eżerċizju
ta’ ġbir ta’ informazzjoni minn kull bieb ta’ negozju, bil-għan li fil-futur qrib tibda kampanja ta’
marketing, tan-negozji li jinsabu f’din iż-żona.
Huwa fil-pjan tas-Segretarjat li fil-jiem li ġejjin ser ikun qed jiġi ippubblikat direttorju bl-ismijiet
tan-negozji kollha li wieħed isib f’din iż-żona industrijali. Sabiex jikkumplimenta dan, qed tiġi varata
ukoll web-site fejn anke hawn, il-konsumatur mill-kumdita’ ta’ daru, jkun jista’ jfittex u jsib negozji li
jinsabu fiż-żona industrijali ta’ l-Imrieħel. Dawn is-servizzi kollha favur is-self employed u n-negozji
żgħar ta’ din iż-żona qegħdin jingħataw mill-Gvern mingħajr ħlas.
L-Onor. Edwin Vassallo temm jgħid li hu minn dejjem ħassu vicin is-self employed u n-negozji żgħar, u
sodisfatt mhux ftit meta jara li għal kuntrarju ta’ dak li kien jgħid il-Partit ta’ l-Oppożizzjoni, bid-dħul ta’
Malta fl-Unjoni Ewropea, dan is-settur kompla jirpilja, hekk kif dejjem sostna l-Gvern, u dan għaliex
għandna sidien u ħaddiema li huma kapaċi, innovattivi u kreattivi.
Other Press Releases:
PR261958EN
PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR THE ECONOMY, TECHNOLOGY AND STRATEGIC PRO...
PR261958