L-allegati irregolaritajiet fl-operat tad-Driving Examiners Unit ta’ l-Awtorità dwar it-Trasport ta’ Malta
Fid-dawl ta’ l-investigazzjonijiet tal-Pulizija fil-każ ta’ l-irregolaritajiet fl-operat ta’ l-eżaminaturi tas-sewqan tad-Driving Examiners Unit fi ħdan l-Awtorità dwar it-Trasport ta’ Malta u mingħajr ma jiġu ppreġudikati l-proċedimenti li għaddejjin fil-Qrati tal-Ġustizzja, il-Ministeru għall-Iżvilupp Urban u Toroq irid jiċċara l-fatti li minnhom innifishom jiċħdu l-allegazzjonijiet infondati mxandra mill-media ta’ l-Oppożizzjoni u l-Kap ta’ l-Oppożizzjoni nhar il-Ħadd li għadda, kif ukoll jistabbilixxu x’miżuri ttieħdu u qiegħdin jittieħdu mill-Ministeru u l-Awtorità f’dan il-każ.
Il-fatti magħrufa mill-Ministeru għall-Iżvilupp Urban u Toroq seħħew kif ġej:
Nhar is-16 ta’ Mejju 2006 kandidat li kien għadu kemm qgħad għall-eżami tas-sewqan allega li hu kien għadda xi flus lill-instructor tiegħu bħala garanzija biex jgħaddi mill-eżami. L-eżaminatur li għamel l-eżami lil dan il-kandidat ressaq rapport dwar din l-allegazzjoni lill-Kap tad-Driving Examiners Unit li min-naħa tiegħu mill-ewwel fetaħ inkjesta interna dwar il-każ.
F’ din l-inkjesta preliminari ġew intervistati l-kandidat, l-instructor tiegħu u l-propjetarju ta’ l-iskola tas-sewqan in kwistjoni fil-preżenza ta’ l-eżaminaturi. Appena kien hemm ammissjoni mill-instructor li kien aċċetta flejjes kif allega l-kandidat, l-ADT irtiratlu l-liċenzja li biha jkun jista’ jagħti l-lezzjonijiet tas-sewqan.
Ir-rapport ta’ din l-inkjesta preliminari wassal biex iċ-Chief Executive Officer ta’ l-ADT jordna li ssir inkjesta interna aktar dettaljata dwar dawn l-allegazzjonijiet.
Mill-għada li ġurnal bl-Ingliż irrapporta dwar l-allegazzjonijiet u l-ftuħ ta’ l-inkjesta interna fl-ADT, il-Pulizija bdiet tinterroga lill-eżaminaturi u uffiċjali oħra tad-Driving Examiners Unit. Hawnhekk irriżulta li l-Pulizija kienet bdiet twettaq l-investigazzjonijiet tagħha xhur qabel ma l-ADT jew il-Ministeru saru jafu b’dan il-każ. F’dan l-stadju l-ADT issospendiet l-inkjesta interna tagħha sabiex tippermetti u tassisti lill-Pulizija biex tipproċedi bl-investigazzjonijiet tagħha. Fl-1 ta’ Ġunju u ġranet sussegwenti, l-ADT ħarġet ordni lill-ħames eżaminaturi investigati mill-Pulizija biex b’mod indefinit, ma jirrappurtawx għax-xogħol u joħorġu fuq forced leave.
Dwar it-trasferiment ta’ wieħed mill-eżaminaturi involuti f’dan il-każ għal Dipartiment ieħor fi ħdan l-ADT, irid jiġi iċċarat li dan it-trasferiment ma kellu xejn x’jaqsam mal-każ in kwistjoni, tant hu hekk li dan sar ġimgħat qabel ma saret l-ewwel allegazzjoni. It-transfer kien ingħata wara li l-Awtorità waslitilha informazzjoni li l-eżaminatur in kwistjoni seta’ kellu problemi li setgħu joħolqu kunflitt mar-responsabilitajiet tiegħu bħala eżaminatur. L-ADT ivverifikat il-fatti fl-aħħar ġimgħa t’April u l-eżaminatur ingħata t-transfer fl-4 ta’ Mejju.
Tajjeb jingħad ukoll li f’każ separat li seħħ f’Ġunju tas-sena l-oħra, l-Awtorità dwar it-Trasport kienet ħadet miżuri dixxiplinari kontra uffiċjal tagħha wara li kien hemm allegazzjonijiet li ċertu kandidati għall-eżami tas-sewqan kienu qed jiġu allokati lil eżaminaturi partikolari. Is-CEO ta’ l-Awtorità kien ta struzzjonijiet speċifiċi biex jitbiddlu proċeduri fid-Driving Examiners Unit biex il-kandidati jibdew jiġu allokati lill-eżaminaturi bil-polza.
It-tentattiv tal-media ta’ l-Oppożizzjoni u mezzi tal-istampa oħrajn li jassoċjaw lil wieħed mill-eżaminaturi mal-Ministru għall-Iżvilupp Urban u Toroq hija qarrieqa u tinħass li għandha laqta partiġġjana. Dan għaliex għalkemm mhux miċħud li kull persuna għandha d-dritt għall-assoċazzjoni u l-espressjoni politika li jidhrilha, ħadd mill-eżaminaturi – inkluż dak li ssemma bħala persuna viċina tal-Ministru għall-Iżvilupp Urban u Toroq - la qatt ingħata l-impjieg tiegħu fil-perjodu illi l-Ministru Mugliett kien responsabbli mill-ADT, u wisq anqas ingħata xi promozzjoni fl-istess żmien.
Barraminhekk, kif jixhdu l-fatti imsemmija aktar ’l-fuq u l-proċedimenti li qed jittieħdu kontra dawn l-eżaminaturi fil-Qrati tal-Ġustizzja, l-ebda wieħed minn dawn ma ngħata trattament preferenzjali jew kien protett b’xi mod.
Minn dan kollu joħroġ li kemm il-Ministeru għall-Iżvilupp Urban u Toroq, kif ukoll l-Awtorità dwar it-Trasport ħadu l-passi neċessarji kull meta rriżultalhom xi suspetti jew irregolaritajiet. Joħroġ ukoll li sfortunatament, għal darb’oħra il-media ta’ l-Oppożizzjoni ppruvat tiegħu vantaġġ politiku minn każ li għandu jiġi ttrattat b’ċerta serjetà u li iżda ħadd m’għandu jasal għal konklużjonijiet dwaru, peress li għad m’għandux ebda eżitu ġudizzjarju.
Intant kif tħabbar diġà fil-Parlament, il-Ministeru għall-Iżvilupp Urban u Toroq ser ikun qed jerfa’ r-responsabilità tiegħu billi jħares mill-qrib lejn l-istruttura ta’ l-Awtorità dwar it-Trasport ta’ Malta, jistabbilixxi x’seta’ kienu n-nuqqasijiet li wasslu għal dan il-każ u konsegwentement iwettaq ir-riformi meħtieġa sabiex is-sistemi ta’ kontroll ta’ l-Awtorità jissaħħu u b’hekk tiġi limitata kemm jista’ jkun kull possibilità li każ bħal dan jirrepeti ruħu.
Il-Ministeru għall-Iżvilupp Urban u Toroq u l-Awtorità dwar it-Trasport jiċħdu bil-qawwa kollha li kandidati li telgħu għall-eżami fix-xhur li għaddew qed jintalbu sabiex jerġgħu jitilgħu għall-eżami tagħhom. Lill-Awtorità dwar it-Trasport ma jirriżultawlhiex fatti li jitfgħu suspetti fuq l-eżamijiet kollha li saru tul dawn l-aħħar xhur. Din l-allegazzjoni mhiex korretta u jidher li l-għan tagħha huwa li titfa’ dell negattiv u toħloq diżgwid u klima ta’ nuqqas ta’ fiduċja fl-amministrazzjoni.
Intant, il-Bord tal-ADT beda l-proċeduri meħtieġa sabiex l-uffiċjali tagħha li jitressqu fil-Qrati tal-Ġustizzja in konnessjoni ma dan il-każ jiġu sospiżi mill-impjieg tagħhom.
Il-Ministru għall-Iżvilupp Urban u Toroq dal-għodu waqqaf Bord ta’ Inkjesta Indipendenti skond l-Att dwar l-Investigazzjonijiet (Kap. 273) bit-terms of reference li jidhru fid-dokument anness ma’ din l-istqarrija. Il-bord huwa magħmul mis-Sur Louis Cilia (Chairman), is-Sur Paul Attard u Dr. RichardStqarrijiet Oħra:
PR261958EN
PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR THE ECONOMY, TECHNOLOGY AND STRATEGIC PRO...
PR261958