RIŻULTATI TA’ L-EŻAMI TAL-JUNIOR LYCEUM: JERĠGĦU JGĦADDU AKTAR MINN 60%
Għat-tieni sena konsekuttiva aktar minn 60% ta’ l-istudenti għaddew mill-eżami tal-Junior Lyceum. Ir-riżultati ta’ din is-sena għad-dħul fil-Junior Lyceums għadu kif ħareġ illum u jkompli jikkonferma t-titjib ġenerali fuq is-snin l-imgħoddija. Minn 3,968 studenti li qagħdu għall-eżami, 2,389 jiġifieri 60.2%, għaddew mill-eżami fil-ħames suġġetti. Is-sena li għaddiet, b’60.44% kien irreġistrat l-għola perċentwal ta’ studenti li qatt għaddew minn kemm ilu jsir l-eżami tal-Junior Lyceum.
Ir-riżultat jirrappreżenta qabża ta’ għaxar punti perċentwali (+10%) fuq ir-riżultati ta’ l-1999. Din is-sena għaddew 1296 (59.37%) tifel u 1093 (61.23%) tifla.
Tajjeb li wieħed ifakkar li, wara li reġgħu twaqqfu l-Junior Lyceums, fl-1982 qagħdu għall-ezami 5,270 tifel u tifla u għaddew biss 846 jew 16%. Fl-1985 għaddew 32% filwaqt li fl-1986 għaddew 35%. Fl-1992 għaddew 45%, fl-1995 għaddew 50%, fl-1998 għaddew 52%, fl-2002 54% u s-sena li għaddiet l-persentaġġ tela’ għal aktar minn 60% u żamm kostanti din is-sena.
Għalkemm il-progress u l-ħiliet ta’ l-istudenti ma jitkejlux biss bir-riżultati ta’ dan l-eżami, m’hemmx dubju li dan hu ndikazzjoni oħra ċara tat-titjib li qed iseħħ kostantament f’kull livell fis-sistema edukattiva f’pajjiżna b’riżultati kwantifikabbli, anke fi tmiem l-edukazzjoni primarja.
Il-Ministru Louis Galea fisser li filwaqt li jieħu gost li għat-tieni sena konsekuttiva inżamm persentaġġ ta’ 60% ta’ dawk li għaddew mill-eżami tal-Junior Lyceum, jibqa` b’saqajh fl-art biex jiġi assigurat li tkompli x-xejra ta’ titjib minn sena għall-oħra li qabdet l-edukazzjoni fl-aħħar snin.
Fil-fatt il-Ministru Galea fakkar li l-gvern qed iwettaq riforma fil-qasam edukattiv u qed jinseġ l-iskejjel f’Kulleġġi biex il-proċess edukattiv jitjieb u jkun aktar sħiħ u kontinwu. Il-Ministru qal li bħalissa qed isir studju dwar l-eżamijiet tal-Junior Lyceum u eżamijiet oħra li jsiru mill-eta’ ta’ ħdax il-sena ‘l fuq. Ir-riżultati ta’ dan l-istudju għandhom ikunu ppreżentati s-sena d-dieħla u minn hemm tkun tista’ tibda l-ħidma biex dawn l-eżamijiet ikomplu jiżviluppaw. Louis Galea qal li working group diġa’ beda jiltaqa’ ma’ numru kbir ta’ studenti li għamlu l-eżami din is-sena biex jara l-istudenti x’jaħsbu dwar dan l-eżami eventwalment iridu isiru laqgħat ma’ l-imsieħba kollha inkluż il-ġenituri u l-għalliema biex b’hekk tkun saret diskussjoni wiesgħa u l-working group ikollu firxa wiesgħa ta’ argumenti li fuqhom ikun jista jibbaża r-rakkomandazzjonijiet tiegħu.
Il-Ministru Galea temm jgħid li hekk kif id-diversi bidliet u żviluppi li seħħew fl-aħħar snin tawna riżultati aħjar u titjib ġenerali fil-livell ta’ l-edukazzjoni fil-pajjiż, hekk ukoll hu mistenni li l-evoluzzjoni li qed issir bħalissa u li mistennija tkompli fis-snin li ġejjin tkompli ssaħħaħ is-sistema edukattiva biex aktar u aktar Maltin jilħqu livelli ogħla ta’ edukazzjoni u nnaqqsu jekk mhux ukoll inġibu fix-xejn in-numru ta’ dawk li jaqgħu lura fl-edukazzjoni.
Stqarrijiet Oħra:
PR261958EN
PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR THE ECONOMY, TECHNOLOGY AND STRATEGIC PRO...
PR261958