INVESTIMENT QAWWI FIS-SETTUR POST-SEKONDARJU
“Il-Gvern hu impenjat li jkompli jkattar il-faċilitajiet edukattivi fil-livell post-sekondarju biex numru dejjem akbar ta’ dawk fost iż-żgħażagħ Maltin u Għawdxin ta’ l-eta’ ta’ 22 sena ikollhom minn ta’ l-anqas edukazzjoni post-sekondarja. Filwaqt li għaddej programm ta’ investiment kapitali ta’ miljuni ta’ liri fl-MCAST, il-Fondazzjoni għall-iSkejjel ta’ Għada (FTS) qed tagħmel xogħol estensiv fl-Iskola Sekondarja Oghla Giovanni Curmi fin-Naxxar biex jikber l-ispazju ghat-taghlim u jitjiebu u jitkattru l-facilitajiet. B’hekk tkompli titjieb il-kwalita’ ta’ l-esperjenza edukattiva jiżdied in-numru ta’ studenti li jattendu l-Higher Secondary.” Dan qalu l-Ministru Louis Galea meta dalgħodu żar il-proġett.
Minbarra dan ix-xogħol li diġa’ qed isir il-Gvern se jkompli jinvesti biex anke il-Junior College ta’ l-Università ta’ Malta jkollu aktar faċilitajiet u spazji biex ikun jista’ jilqa` aktar studenti fiħ.
Fl-Iskola Sekondarja Ogħla Giovanni Curmi diġa’ nbena blokk ġdid b’4 sulari li se jipprovdi 3,500 metru kwadru ta’ spazju għat-tagħlim. Il-blokk il-ġdid se jinkludi 22 klassi, kmamar speċjalizzati u librerija mdaqqsa li se tkopri sular sħiħ. Ix-xogħol ta’ kostruzzjoni ta’ dan il-blokk tlesta u bħalissa għaddej b’ritmu mgħaġġel xogħol fuq is-servizzi elettriċi u mekkaniċi u x-xogħol ta’ finitura. Il-blokk hu mistenni li jkun lest għas-sena akkademika li jmiss u li tibda f’Settembru. Wara li jitlesta x-xogħol fuq dan il-blokk se jibda x-xogħol fuq il-faċilitajiet sportivi li wkoll huma mistennija li jkun lesti din is-sena.
Il-blokk il-ġdid inbena b’mod li jkunu jistgħu isiru estensjonijiet bl-anqas problemi possibli. Il-bini hu kompletament aċċessibli għal persuni b’diżabilità u jikkonforma ma’ l-għola standards ta’ edukazzjoni moderna. L-investiment fil-Giovanni Curmi Higher Secondary ilaħħaq is-Lm 600,000.
Il-Ministru Louis Galea qal li l-investiment tal-Gvern qed iħalli ħafna riżultati posittivi sew fil-qasam ta’ l-edukazzjoni kif ukoll fil-qasam ta’ l-ekonomija. “Il-fatti juru li n-numru ta’ żgħażagħ fl-eta` ta’ 17-il sena li qed ikomplu bl-istudji tagħhom tela` minn 43% fil-1999 għal 66% sa sentejn ilu fl-2004. Dan hu sinjal tajjeb li jfisser li n-numru ta’ żgħażagħ li jkomplu jistudjaw sa 18-il sena u aktar qed jiżdied b’ritmu tajjeb u kostanti. In-numru ta’ studenti f’ċifri assoluti li kienu qed isegwu kors post-sekondarju, vokazzjonali jew universitarju tela` minn 10,648 fl-1994 ghal 19,057 fl-2004. Il-mira tal-Gvern hi li nkomplu naħdmu biex fuq firxa ta’ snin mhux biss nilħqu t-targets ta’ l-Agenda ta’ Lisbona iżda jkollna biżżejjed ħaddiema mħarrġa f’kull qasam biex inkomplu nixprunaw l-ekonomija li qed toffri opportunitajiet importanti ħafna bl-investimenti bħal dawk ta’ Smart City, il-farmaċewtika, is-settur finanzjarju u setturi oħra tal-manufattura.
Stqarrijiet Oħra:
PR261958EN
PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR THE ECONOMY, TECHNOLOGY AND STRATEGIC PRO...
PR261958