Il-Festival ta’ l-Arti ta’ Malta b’tifsila ġdida
Il-Festival ta’ l-Arti ta’ Malta, organizzat mill-Kunsill Malti għall-Arti u l-Kultura, sar parti mill-kalendarju ta’ attivitajiet kulturali u artistiċi li jiġu organizzati kull sena fis-sajf. Din is-sena l-Festival ser isir fit-tliet ġimgħat ta’ bejn t-28 ta’ Lulju u l-20 ta’ Awissu u se jkun konċentrat l-aktar f’Misraħ il-Ħelsien u l-fdalijiet tat-Teatru Irjal.
Fil-Festival ta’ din is-sena qed ikunu organizzati madwar 30 attivita’ li jinkludu teatru, mużika, danza, ‘recitals’, kunċerti, arti viżiva u divertiment fit-toroq tal-belt Valletta. Kull nhar ta’ Ġimgħa filgħaxija, l-“Valletta Alive Foundation” f’kollaborazzjoni mal-Kunsill Malti għall-Kultura u l-Arti se jorganizza l-“BoV Street Alive!”, attivitajiet addizjonali fit-toroq li se jikkumplimentaw il-Festival ta’ l-Arti. L-attivitajiet jinkludu mużika, arti viżiva, dawriet bil-mixi u divertiment għat-tfal. Il-mużewijiet se jestendu l-ħinijiet tal-ftuħ tul l-attivitajiet tal-“BoV Street Alive!”, filwaqt li numru ta’ ristoranti se jibqgħu miftuħa għal wara l-wirjiet. Dan il-Festival qed isir bil-kollaborazzjoni ta’ l-Orkestra Nazzjonali u bl-għajnuna tal-Kunsill Lokali tal-belt Valletta.
L-attivitajiet ta’ din is-sena ser isiru fiċ-Ċentru tal-Konferenzi tal-Mediterran, il-Kavalier ta’ San Ġakbu – Ċentru ta’ Kreattività, il-bitħa tal-MITP Theatre u il-Cottonera Waterfront. Seba’ mill-attivitajiet se jiġu organizzati f’Misraħ il-Ħelsien filwaqt li sebgħa oħra se jiġu organizzati fil-fdalijiet tat-teatru Rjali.
Il-Ministru għat-Turiżmu u Kultura Francis Zammit Dimech, li nieda l-“Malta Arts Festival Summer 2006”, qal li kien ta’ pjaċir għalih li din is-sena l-Festival ta’ l-Arti ser jersaq aktar qrib il-poplu b’attivitajiet organizzati fil-beraħ u fid-daħla tal-belt Valletta minn fejn jgħaddu ta’ kuljum eluf ta’ Maltin u barranin.
Il-Ministru Zammit Dimech qal li l-Festival ta’ l-Arti ta’ Malta qed jinfirex madwar il-port, fil-Belt u x-Xatt tal-Birgu. Hu qal li dan kien żvilupp importanti għaliex kienu se jintlaħqu aktar nies li japprezzaw dejjem iżjed xogħlijiet artistiċi, mużikali u kulturali. Hu qal li festivals ta’ dan it-tip kienu jikkontribwixxu wkoll biex il-poplu jsir aktar konxju mill-patrimonju storiku u kulturali ta’ pajjiżna.
Il-Ministru Zammit Dimech qal li dan il-Festival kien qed jiġbed flimkien iż-żewġ oqsma li tagħhom hu responsabbli, it-turiżmu u l-kultura. Hu qal li l-kultura kienet waħda mill-komponenti importanti tal-prodott turistiku u għalhekk kulħadd ried jagħti sehmu biex lit-turist nippreżentawlu aħjar il-wirt storiku u kulturali ta’ pajjiżna. Hu qal li dan il-festival, permezz ta’ l-attivitajiet li se jsiru fit-toroq tal-belt Valletta fiż-żmien qasir ta’ tliet ġimgħat, se jikkontribwixxi biex il-barranin isiru jafuna aktar mill-qrib u hekk japprezzaw aktar il-prodott Malti.
Il-Ministru għat-Turiżmu u Kultura appella lil kulħadd biex jipparteċipa f’dawn l-attivitajiet kulturali ħalli f’atmosfera ta’ festa, napprezzaw aħjar it-talenti kbar li għandhom il-Maltin.
Stqarrijiet Oħra:
PR261958EN
PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR THE ECONOMY, TECHNOLOGY AND STRATEGIC PRO...
PR261958