MILĦUQ FTEHIM DWAR IL-FOND EWROPEW GĦAS-SAJD
Intlaħaq ftehim dwar il-Fond Ewropew għas-Sajd (EFF) wara sentejn sħaħ ta’ diskussjonijiet mal-partijiet ikkonċernati.
Il-ftehim intlaħaq waqt laqgħa tal-Kunsill tal-Ministri ta’ l-Agrikoltura u Sajd ta’ l-Unjoni Ewropea li saret fil-Lussemburgu, li matulha Malta kienet rappreżentata mill-Ministru għall-Affarijiet Rurali u l-Ambjent George Pullicino. Permezz ta’ dan il-fond Malta mistennija jkollha allokazzjoni ta’ madwar €8 miljuni għall-perjodu 2007-2013.
F’dan il-Fond Ewropew għas-Sajd qed jiddaħħal il-kunċett ta’ aġġustament ta’ l-isforz tas-sajd permezz ta’ waqfien temporanju. Dan il-kunċett ġie propost biex ikun possibbli li wieħed jippjana miżuri biex jitjiebu l-kundizzjonijiet ta’ ċertu popolazzjonijiet tal-ħut permezz ta’ waqfien temporanju għal ċertu sajd.
Permezz ta’ din il-proposta ser ikun introdott il-prinċipju ta’ riduzzjoni gradwali li gie inkluż fuq suġġeriment ta’ Malta. Dan jista’ jwassal għal bilanċ bejn il-promozzjoni tas-sostennibbilta` tas-settur tas-sajd u l-protezzjoni ta’ l-interessi soċjo-ekonomiċi tas-sajjieda.
Il-Fond jaħseb biex, b’differenza mill-Fond eżistenti, ikun hemm għajnuna għall-immodernizzar tal-makni dment li ma jkunx hemm żieda fil-qawwa tagħhhom li tista’ twassal għal żieda fil-kapaċita` tal-flotta. Dan huwa metodu ta’ kif is-sajjieda fil-pajjiżi membri jistgħu jużaw fuels li jirrispettaw l-ambjent u jiffrankaw fuq il-konsum ta’ l-enerġija. Dan għandu jwassal ukoll biex tonqos l-ispiża ta’ l-operazzjoni tas-sajd sabiex is-sajjieda jibqgħu jagħmlu profitt u b’hekk is-sajd jibqa’ sostenibbli.
Għajnuniet ġodda taħt dan il-Fond jinkludu wkoll għajununa għal irkaptu aktar selettiv. Dan jista’ jservi biex jinbidlu rkapti skond tibdiliet mitluba minn regolamenti oħrajn ġodda ta’ l-Unjoni Ewropea.
F’dan il-fond Ewropew, qed jiġu stabbiliti ħames prioritajiet li jinkludu l-aġġustament tal-flotta tas-sajd fil-Komunita`, l-akwakultura, l-ipproċessar u t-tqeghid fis-suq tal-prodotti ta’ l-industrija tas-sajd u l-akwakultura, il-miżuri ta’ interess kollettiv, l-iżvilupp sostenibbli ta’ żoni tas-sajd mal-kosta u l-assistenza teknika.
Dawn il-prioritajiet iridu jiffurmaw il-bażi tal-pjan strateġiku Malti għas-sajd li jinkludu wkoll miżuri li kien hemm fil-fond preċedenti, fosthom l-azzjoni ta’ l-isforz tas-sajd permezz ta’ waqfien permanenti (scrapping), l-immodernizzar tal-flotta, miżuri għall-akwakultura u oħrajn.
Hemm xi azzjonijiet ohra ta’ priorita` li jridu jiġu identifikati biex ikompli l-investiment fis-sajd fil-perjodu 2007- 2013.
Stqarrijiet Oħra:
PR261958EN
PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR THE ECONOMY, TECHNOLOGY AND STRATEGIC PRO...
PR261958