Left arrow Go Back

MILĦUQ FTEHIM DWAR IL-FOND EWROPEW GĦAS-SAJD

pr0931
Date Icon 20/06/2006

Intlaħaq ftehim dwar il-Fond Ewropew għas-Sajd (EFF) wara sentejn sħaħ ta’ diskussjonijiet mal-partijiet ikkonċernati. 

Il-ftehim intlaħaq waqt laqgħa tal-Kunsill tal-Ministri ta’ l-Agrikoltura u Sajd ta’ l-Unjoni Ewropea li saret fil-Lussemburgu, li matulha Malta kienet rappreżentata mill-Ministru għall-Affarijiet Rurali u l-Ambjent George Pullicino.  Permezz ta’ dan il-fond Malta mistennija jkollha allokazzjoni ta’ madwar €8 miljuni għall-perjodu 2007-2013. 

F’dan il-Fond Ewropew għas-Sajd qed jiddaħħal il-kunċett ta’ aġġustament ta’ l-isforz tas-sajd permezz ta’ waqfien temporanju.   Dan il-kunċett ġie propost biex ikun possibbli li wieħed jippjana miżuri biex jitjiebu l-kundizzjonijiet ta’ ċertu popolazzjonijiet tal-ħut permezz ta’ waqfien temporanju għal ċertu sajd. 

Permezz ta’ din il-proposta ser ikun introdott il-prinċipju ta’ riduzzjoni gradwali li gie inkluż fuq suġġeriment ta’ Malta. Dan jista’ jwassal għal bilanċ bejn il-promozzjoni tas-sostennibbilta` tas-settur tas-sajd u l-protezzjoni ta’ l-interessi soċjo-ekonomiċi tas-sajjieda. 

Il-Fond jaħseb biex, b’differenza mill-Fond eżistenti, ikun hemm għajnuna għall-immodernizzar tal-makni dment li ma jkunx hemm żieda fil-qawwa tagħhhom li tista’ twassal għal żieda fil-kapaċita` tal-flotta.  Dan huwa metodu ta’ kif is-sajjieda fil-pajjiżi membri jistgħu jużaw fuels li jirrispettaw l-ambjent u jiffrankaw fuq il-konsum ta’ l-enerġija.  Dan għandu jwassal ukoll biex tonqos l-ispiża ta’ l-operazzjoni tas-sajd sabiex is-sajjieda jibqgħu jagħmlu profitt u b’hekk is-sajd jibqa’ sostenibbli. 

Għajnuniet ġodda taħt dan il-Fond jinkludu wkoll għajununa għal irkaptu aktar selettiv.  Dan jista’ jservi biex jinbidlu rkapti skond tibdiliet mitluba minn regolamenti oħrajn ġodda ta’ l-Unjoni Ewropea.

F’dan il-fond Ewropew, qed jiġu stabbiliti ħames prioritajiet li jinkludu l-aġġustament tal-flotta tas-sajd fil-Komunita`, l-akwakultura, l-ipproċessar u t-tqeghid fis-suq tal-prodotti ta’ l-industrija tas-sajd u l-akwakultura, il-miżuri ta’ interess kollettiv, l-iżvilupp sostenibbli ta’ żoni tas-sajd mal-kosta u l-assistenza teknika.

Dawn il-prioritajiet iridu jiffurmaw il-bażi tal-pjan strateġiku Malti għas-sajd li jinkludu wkoll miżuri li kien hemm fil-fond preċedenti, fosthom l-azzjoni ta’ l-isforz tas-sajd permezz ta’ waqfien permanenti (scrapping), l-immodernizzar tal-flotta, miżuri għall-akwakultura u oħrajn.

Hemm xi azzjonijiet ohra ta’ priorita` li jridu jiġu identifikati biex ikompli l-investiment fis-sajd fil-perjodu 2007- 2013.

Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR THE ECONOMY, TECHNOLOGY AND STRATEGIC PROJECTS  More than 20 digital gaming and esports companies showcase Malta’s Industry Growth at PLAYCON 2026

PR261958EN

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR THE ECONOMY, TECHNOLOGY AND STRATEGIC PRO...

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EKONOMIJA, IT-TEKNOLOĠIJA U PROĠETTI STRATEĠIĊI  L-istrateġija tal-2019 qed tħalli l-frott: aktar minn 20 kumpanija tal-logħob diġitali u l-esports irrappreżentati waqt il-ftuħ ta’ PLAYCON 2026

PR261958

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EKONOMIJA, IT-TEKNOLOĠIJA U PROĠETTI STRATEĠ...

More Press Releases Right arrow