XOGĦLIJIET TA’ TISBIĦ FL-AKWADOTTI
“Kif kien imwiegħed fl-aħħar xhur, l-area ta’ taħt l-atkati ta’ l-akwadott u l-madwar ser ikunu pavimentati u ser tiġi nstallata sistema ta’ illuminazzjoni. Dawn ix-xogħlijiet flimkien ser isebbħu dan il-monument uniku ta’ pajjiżna.” Dan qalu l-Ministru għar-Riżorsi u Infrastruttura Ninu Zammit meta żar xogħlijiet ta’ pavimentar madwar il-ħnejjiet ta’ l-akwadotti.
Hu fakkar li wara li tlesta r-restawr ta’ dawn it-tliet mija u wieħed u sittin arkata fuq medda ta’ 1,700 metru, inbeda dan ix-xogħol ta’ pavimentar dekorattiv flimkien ma sistema ta’ dawl li ser iddawwal b’mod sfumat jew silhoutte l-arkati infushom. Il-Perit Zammit spjega li x-xogħol preparatorju biex seta’ jsir dan il-pavimentar kien jinkludi l-qlugħ tal-bankina eżistenti u tħaffir ta’ trinek sabiex minnhom għaddew is-servizzi tad-dawl li eventwalment ser jixegħlu l-arkati.
Il-bankini ġew mogħtija wiċċ ġdid tal-konkos sal-livell li fuqu issa qed jiġi impoġġi madum b’textures differenti li m` jikkuntrastax mal-monument. Fattur ieħor importanti huwa li sabiex jiġu evitati ħsarat strutturali u sabiex tiġi evitata l-umdità, li tista’ tikkaġuna xi deterjorament lill-ġebla ta’ l-arkati, ġie impoġġi jablo apposta li jifred l-arkata minn mal-konkos li ngħata.
Il-Ministru Zammit stqarr li l-kapaċità tar-riżorsi umani tat-Taqsima tax-Xogħlijiet qed tagħti l-frott kif jidher f’dan il-proġett li jikkonsisti f’diversi snajja’ fosthom: restawr, installazzjoni ta’ sistema ta’ l-elettriku, bini mill-ġdid ta’ bankini u tqegħid ta’ madum.
L-aħħar fażi tax-xogħlijiet fuq it-tisbiħ ta’ l-akwadotti hija maqsuma fi tliet partijiet. Sar ix-xogħol kollu neċessarju fuq il-parti minn Fleur De Lys sax-showrooms ta’ Fino u issa beda jitqiegħed il-madum u qed jiġu nstallati l-uplighters f’tul ta’ madwar 700 metru. Qed isir ix-xogħol preparatorju f’dak li għandu x’jaqsam ma’ trinek, tqegħid ta’ kurduna u konkos fil-parti minn fejn Fino sa l-Ambaxxata Libjana f’tul ta’ 550 metru u ser jinbeda x-xogħol preparatorju fl-aħħar parti minn Fleur De Lys għal ġo Santa Venera f’tul ta’ 500 metru. Dan kollu ser iwassal sabiex monument storiku li jibda minn Santa Venera u jibqa’ sejjer sa H’Attard ser ikun restawrat, pavimentat u lluminat mill-ħaddiema tal-gvern fi ħdan il-Ministeru għar-Riżorsi u l-Infrastruttura.
Bħalma sar fil-fażi tar-restawr, dan ix-xogħol ukoll qed isir bi sħab ma’ erba’ Kunsilli Lokali - Santa Venera, Birkirkara, Ħal-Balzan u Ħ’Attard.
Il-Ministru Ninu Zammit tenna li t-Taqsima tax-Xogħlijiet preżentament għaddejja b’diversi proġetti ta’ tisbiħ kemm fiċ-ċentri ta’ lokalitajiet bħal Ħal-Lija u Birżebbuġa, kemm b’restawr ta’ diversi kappelli u swar, kif ukoll tisbiħ f’żoni turistiċi bħal proġetti li qed isiru f’Wied Babu u x-Xemxija. Dan kollu juri l-impenn tal-Gvern preżenti li jikkonserva l-wirt nazzjonali filwaqt li jsebbaħ pajjiżna bir-riżorsi effiċjenti u kapaċi li l-Gvern stess jottjeni fid-diversi taqsimiet li għandu. Dan qed iwassal sabiex filwaqt li r-riżorsi umani qed jintużaw b’mod għaqli u produttiv, ir-riżorsi finanzjarji qed jintefqu aħjar f’implimentazzjoni ta’ proġetti utli madwar il-pajjiż kollu.
Stqarrijiet Oħra:
PR261958EN
PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR THE ECONOMY, TECHNOLOGY AND STRATEGIC PRO...
PR261958