Left arrow Go Back

XOGĦLIJIET TA’ TISBIĦ FL-AKWADOTTI

pr0929
Date Icon 20/06/2006

“Kif kien imwiegħed fl-aħħar xhur, l-area ta’ taħt l-atkati ta’ l-akwadott u l-madwar ser ikunu pavimentati u ser tiġi nstallata sistema ta’ illuminazzjoni.  Dawn ix-xogħlijiet flimkien ser isebbħu dan il-monument uniku ta’ pajjiżna.”  Dan qalu l-Ministru għar-Riżorsi u Infrastruttura Ninu Zammit meta żar xogħlijiet ta’ pavimentar madwar il-ħnejjiet ta’ l-akwadotti.

Hu fakkar li wara li tlesta r-restawr ta’ dawn it-tliet mija u wieħed u sittin arkata fuq medda ta’ 1,700 metru, inbeda dan ix-xogħol ta’ pavimentar  dekorattiv flimkien ma sistema ta’ dawl li ser iddawwal b’mod sfumat jew silhoutte l-arkati infushom.  Il-Perit Zammit spjega li x-xogħol preparatorju biex seta’ jsir dan il-pavimentar kien jinkludi l-qlugħ tal-bankina eżistenti u tħaffir ta’ trinek sabiex minnhom għaddew is-servizzi tad-dawl li eventwalment ser jixegħlu l-arkati.

Il-bankini ġew mogħtija wiċċ ġdid tal-konkos sal-livell li fuqu issa qed jiġi impoġġi madum b’textures differenti li m` jikkuntrastax mal-monument.   Fattur ieħor importanti huwa li sabiex jiġu evitati ħsarat strutturali u sabiex tiġi evitata l-umdità, li tista’  tikkaġuna xi deterjorament lill-ġebla ta’ l-arkati, ġie impoġġi jablo apposta li jifred l-arkata minn mal-konkos li ngħata.

Il-Ministru Zammit stqarr li l-kapaċità tar-riżorsi umani tat-Taqsima tax-Xogħlijiet qed tagħti l-frott kif jidher f’dan il-proġett li jikkonsisti f’diversi snajja’ fosthom: restawr, installazzjoni ta’ sistema ta’ l-elettriku, bini mill-ġdid ta’ bankini u tqegħid ta’ madum. 

L-aħħar fażi  tax-xogħlijiet fuq it-tisbiħ ta’ l-akwadotti hija maqsuma fi tliet partijiet.  Sar ix-xogħol kollu neċessarju fuq il-parti minn Fleur De Lys sax-showrooms ta’ Fino u issa beda jitqiegħed il-madum u qed jiġu nstallati l-uplighters f’tul ta’ madwar 700 metru.  Qed isir ix-xogħol preparatorju f’dak li għandu x’jaqsam ma’ trinek, tqegħid ta’ kurduna u konkos fil-parti minn fejn Fino sa l-Ambaxxata Libjana f’tul ta’ 550 metru u ser jinbeda x-xogħol preparatorju fl-aħħar parti minn Fleur De Lys għal ġo Santa Venera f’tul ta’ 500 metru.  Dan kollu ser iwassal sabiex monument storiku li jibda minn Santa Venera  u jibqa’ sejjer sa H’Attard ser ikun restawrat, pavimentat u lluminat mill-ħaddiema tal-gvern fi ħdan il-Ministeru għar-Riżorsi u l-Infrastruttura. 

Bħalma sar fil-fażi tar-restawr, dan ix-xogħol ukoll qed isir bi sħab ma’ erba’ Kunsilli Lokali - Santa Venera, Birkirkara, Ħal-Balzan u Ħ’Attard. 

Il-Ministru Ninu Zammit tenna li t-Taqsima tax-Xogħlijiet preżentament għaddejja b’diversi proġetti ta’ tisbiħ kemm fiċ-ċentri ta’ lokalitajiet bħal Ħal-Lija u Birżebbuġa, kemm b’restawr ta’ diversi kappelli u swar, kif ukoll tisbiħ f’żoni turistiċi bħal proġetti li qed isiru f’Wied Babu u x-Xemxija.  Dan kollu juri l-impenn tal-Gvern preżenti li jikkonserva l-wirt nazzjonali filwaqt li jsebbaħ pajjiżna bir-riżorsi effiċjenti u kapaċi li l-Gvern stess jottjeni fid-diversi taqsimiet li għandu.  Dan qed iwassal sabiex filwaqt li r-riżorsi umani qed jintużaw b’mod għaqli u produttiv, ir-riżorsi finanzjarji qed jintefqu aħjar f’implimentazzjoni ta’ proġetti utli madwar il-pajjiż kollu.

Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR THE ECONOMY, TECHNOLOGY AND STRATEGIC PROJECTS  More than 20 digital gaming and esports companies showcase Malta’s Industry Growth at PLAYCON 2026

PR261958EN

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR THE ECONOMY, TECHNOLOGY AND STRATEGIC PRO...

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EKONOMIJA, IT-TEKNOLOĠIJA U PROĠETTI STRATEĠIĊI  L-istrateġija tal-2019 qed tħalli l-frott: aktar minn 20 kumpanija tal-logħob diġitali u l-esports irrappreżentati waqt il-ftuħ ta’ PLAYCON 2026

PR261958

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EKONOMIJA, IT-TEKNOLOĠIJA U PROĠETTI STRATEĠ...

More Press Releases Right arrow