L-ART F’TAL-PAPA ILHA INKLUŻA FIŻ-ŻONA TA’ ŻVILUPP FIL-PJAN LOKALI GĦAL MARSAXLOKK U BIRŻEBBUGIA MILL-1995 U MHUX KIF KIEN RAPPURTAT LI NTQAL MILL-ALTERNATTIVA DEMOKRATIKA.
Il-Gvern itenni għal darb’oħra li l-proċess li għaddej bħalissa għall-egħluq tal-konfini ta’ l-iżvilupp huwa bbażat fuq kunsiderazzjonijiet ambjentali u soċjali. Dan il-proċess hu intiż li jwettaq ġustizzja fuq l-anomaliji li rriżultaw mill-eżerċizzju temporanju ta’ l-1988. Dan huwa tibdil limitat ta’ mhux aktar minn 2.4% ta’ l-art li bħalissa diġa’ hi mogħtija għall-iżvilupp. Irid ikun riaffermat li dan it-tibdil limitat huwa l-uniku wieħed li se jkun sar fi kważi 30 sena.
Irid ikun riaffermat ukoll li l-art li qed tkun proposta biex tidħol fil-konfini ta’ l-iżvilupp ġiet stabbilita’ fuq kriterji approvati mill-Kabinett u li fuqha bħalissa għaddej proċess ta’ konsultazzjoni pubblika.
Il-Gvern qatt ma ċaħad li l-pajjiż għandu biżżejjed art għall-iżvilupp biex tilqa’ għad-domanda prevista għas-snin li ġejjin, pero’ dan ma jnaqqas xejn mill-bżonn urġenti li jittieħdu wkoll passi biex ikunu indirizzati l-anomaliji li rriżultaw mill-proċess temporanju ta’ l-1988. Irid ikun imfakkar li dak il-proċess ta’ l-1988 qatt ma kien maħsub li jibqa’ jreġi għal dejjem u l-akbar enfasi kien li malajr kemm jista’ jkun il-Gvern ta’ dak iż-żmien jieħu miżuri biex iħares il-kampanja Maltija.
B’riferenza għal dak li kien rappurtat li ntqal mill-Partit ta’ l-Alternattiva Demokratika, l-istess partit ma ta ebda suġġeriment jew alternattiva ta’ ġustizzja ħlief li jirrepeti sensiela ta’ allegazzjonijiet u miżinformazzjoni li diġa’ ġiet imwieġba bil-fatti.
Huwa ironiku li l-Partit ta’ l-Alternattiva Demokratika llum qed jargumenta dwar kunsiderazzjonijiet soċjali minħabba impatt li jista’ jkun hemm billi l-prezz tal-bini jorħos. L-Alternattiva Demokratika jidher li injorat għal kollox il-kunsiderazzjonijiet soċjali tal-mijiet ta’ koppji li kienu investew flushom f’art li xtraw bil-permess u li wara nħarġet miż-żona ta’ żvilupp.
Huwa ironiku wkoll li kien dan l-istess partit li bosta drabi kkritika lill-Gvern minħabba l-prezz għoli tal-proprjeta’ f’Malta.
L-enfasi tal-kummenti tal-Partit ta’ l-Alternattiva Demokratika huwa dwar sit f’Tal-Papa f’Birżebbuġia. Li mhux jingħad huwa li dan is-sit kien ġie propost biex jidħol fiż-żona ta’ żvilupp fil-Pjan Lokali għal Marsaxlokk u Birżebbuġia li kien approvat fl-1995. Għalhekk mhux korrett li jingħad li dan is-sit qed ikun propost biex jidħol fl-iskema ta’ żvilupp permezz tal-proċess imniehdi mill-Gvern fl-aħħar jiem.
Irid jingħad ukoll li l-policy MB18 ta’ l-istess Pjan Lokali tispeċifika li jinħtieġ development brief għas-sit magħruf bħala Il-Għirgħien, liema sit jinkludi wkoll iż-żona in kwistjoni.
Huwa assolutament mhux minnu li b’xi mod dan hu eżerċizzju għall-akkwist ta’ voti. Dan joħrog mill- fatt li l-Gvern jaċċetta biss madwar 10% ta’ l-art mitluba biex tidħol għall-bini u ma jilqax il-kumplament tat-talbiet li jlaħħqu għal madwar 90%. Huwa wkoll mhux minnu li dan hu proċess biex jassigura finanzjar politiku qabel l-elezzjoni, u l-Alternattiva Demokratika ghandha tissostanzja l-kummenti tagħha bil-provi.
Fir-rigward ta’ l-allegazzjoni dwar il-bżonn ta’ Strategic Environment Assessment (SEA), il-Gvern itenni li dan il-proċess ta’ l-egħluq tal-konfini huwa kontinwazzjoni tal-proċess tal-Pjani Lokali. Id-Direttiva mhix applikabbli għal dawk il-Pjani mibdija qabel Lulju ta’ l-2004. Il-Gvern qed jimxi ma’ dan.
Fl-aħħarnett il-Gvern ifakkar kif bid-deċiżjonijiet għaqlin ta’ l-aħħar snin trażżan, u mhux żdied, it-teħid ta’ art agrikola u dan tikkonfermah l-istess statistika li l-Alternattiva tikkwota minnha fejn jaqblilha. L-Istate of the Environment Report tal-MEPA jgħid li bejn l-1971 u l-1986 il-pajjiż kien jieħu medja ta’ 200 ettaru ta’ art agrikola fis-sena biex din tingħata għall-bini. Wara l-1987 din il-medja niżlet għal madwar 80 ettaru ta’ art bis-saħħa ta’ leġislazzjoni ta’ l-ippjanar għaqlija.
Stqarrijiet Oħra:
PR261958EN
PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR THE ECONOMY, TECHNOLOGY AND STRATEGIC PRO...
PR261958