KAWŻA TA’ LIBELL KONTRA L-KAP TA’ L-OPPOŻIZZJONI LABURISTA
· Il-Ministru Frendo se jgħaddi kwalunkwe’ danni likwidati mill-Qorti għall-promozzjoni tat-talent artistiku Malti
· Il-Ministru Frendo jikkundanna bis-sħiħ kwalunkwe ksur tal-Liġi dwar il-Copyright, isir kif isir u jagħmilha min jagħmilha
Il-Ministru ta’ l-Affarijiet Barranin Dr. Michael Frendo se jiftaħ kawża ta’ libell kontra l-Kap ta’ l-Oppożizzjoni Laburista, Dr Alfred Sant, dwar allegazzjonijiet foloz u malafamanti li għamel nhar il-Ħadd li għadda waqt diskors fil-Każin Laburista ta’ Ħal Qormi fil-preżenza tal-mezzi ta’ l-istampa u x-xandir u ta’ diversi partitarji Laburisti.
Alfred Sant stqarr li l-Ministru Frendo stess biegħ u qassam CD’s foloz.
Il-Ħadd li għadda, ir-radju tal-Partit Laburista xandar live id-diskors li għamel il-Kap ta’ l-Oppożizzjoni f’Ħal Qormi. Wara d-diskors tal-Kap ta’ l-Oppożizzjoni, il-Partit Laburista iccirkola stqarrija lill-istampa u l-mezzi tax-xandir li kien fiha wkoll allegazzjonijiet infondati u malafamanti fir-rigward tal-Ministru ta’ l-Affarijiet Barranin.
Kif stqarr il-Ministru ta’ l-Affarijiet Barranin diversi drabi, hu ma kienx a konjizzjoni tal-fatti allegati u malli sar jaf bihom kiteb lill-Kummissarju tal-Pulizija biex iġib a konjizzjoni tiegħu l-istorja msemmija u biex jitlob li l-Kummissarju jieħu dawk il-passi li huwa jidhirlu li jkunu meħtieġa ghar-rigward ta’ dak li jista’ jirriżultalu dwar l-allegazzjonijiet magħmula.
Il-Ministru Frendo jiċħad bl-iktar mod assolut li huwa biegħ jew qassam CD’s piratati tal-Eurovision. Ghaldaqstant dak li qal il-Kap ta’ l-Oppozizzjoni mhuwiex verita’.
Il-Ministru Frendo stqarr li kwalunkwe’ danni likwidati mill-Qorti a favur tiegħu se jgħaddihom għall-promozzjoni tat-talent artistiku Malti.
Il-Ministru Frendo jirrepeti li jrid kjarezza sħiħa dwar din l-istorja. Sadanittant kulhadd ghandu jirrispetta l-process ta’ l-investigazzjoni tal-Pulizija.
Il-Ministru Frendo jikkundanna bis-sħiħ kwalunkwe’ ksur tal-Liġi dwar il-Copyright, tirriżulta fejn tirriżulta u jagħmilha min jagħmilha. Abbażi tar-riżultati ta’ l-investigazzjoni tal-Pulizija dwar dan il-każ, ghandha tittieħed l-azzjoni kollha li jkun hemm bżonn tittieħed.
Il-Ministru Frendo jassoċja ruħu ma’ l-istqarrija ta’ l-Onorevoli Leo Brincat li qal li “huwa fl-interess pubbliku li l-konkluzjoni ta’ l-investigazzjonijiet li qegħdin isiru, isiru magħrufa fl-iqsar żmien possibbli”.
Sadanittant, kulħadd għandu jirrispetta l-investigazzjonijiet tal-Pulizija.
Other Press Releases:
PR261958EN
PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR THE ECONOMY, TECHNOLOGY AND STRATEGIC PRO...
PR261958