Left arrow Mur Lura

STĦARRIĠ TA’ L-OPINJONI PUBBLIKA JURI BIĊ-ĊAR LI L-MALTIN JIPPREFERU JIXTRU PRODOTT AGRIKOLU MALTI: 95% TAL-MALTIN HUMA SODISFATTI BIL-KWALITA’ TAL-FROTT U L-ĦXEJJEX LOKALI

pr0911
Date Icon 16/06/2006

“Vot ta’ fiduċja fix-xogħol bla heda li qed isir mill-bdiewa, ir-raħħala u l-agro- proċessuri…vot ta’ fiduċja wkoll fil-ħidma u l-politika tal-gvern biex jgħin lill-bdiewa jsaħħu l-prodott agrikolu Malti fl-interess tagħhom u tal-konsumatur.” Dan qalu s-Segretarju Parlamentari responsabbli mill-Agrikoltura u Sajd Dr Francis Agius.

Bħala parti mill-public awareness campaign tad-Dipartiment ta’ l-Iżvilupp Rurali ġew ikkummissjonati żewg studji xjentifiċi li saru mill-MISCO. Din kienet l-ewwel darba li saru studji xjentifiċi sabiex jeżaminaw l-opinjoni tal-Maltin dwar il-prodott agrikolu lokali. L-ewwel studju li sar u li issa ġie ffinalizzat kien stħarrig xjentifiku ta’ l-opinjoni pubblika li sar fost 300 persuna.

L-istħarriġ sar wiċċ imb’wiċċ bl-iskop li wieħed seta’ jidħol fid-dettall dwar ix-xejriet tal-Maltin u l-preferenzi tagħhom meta jiġu biex jixtru frott u ħaxix, kif ukoll dwar suġġetti relatati ma’ l-agrikoltura, l-izvilupp rurali u l-politika ta’ l-Unjoni Ewropea dwar dawn l-oqsma. It-tieni stħarriġ, li qed jiġi ffinalizzat, qed isir fost numru ta’ bdiewa sabiex tiġi studjata l-fehma tagħhom dwar is-settur agrikolu Malti u kif dan is-settur jista’ jkompli jissaħħaħ.

Bħala parti mill-public awareness campaign tad-Dipartiment ta’ l-Iżvilupp Rurali ser jiġi organizzat ukoll taħriġ għall-uffiċjali agrikoli biex itejbu l-mod kif jikkomunikaw mal-bdiewa u r-raħħala kif ukoll mal-pubbliku in ġenerali. Il-kampanja kienet tinkludi ukoll pubblikazzjoni dwar għadd ta’ miżuri li jistgħu jibbenefikaw minnhom il-bdiewa din is-sena. Din il-pubblikazzjoni ntbagħtet fid-djar tal-bdiewa kif ukoll tqassam fuljett fid-djar kollha f’Malta u Għawdex dwar l-importanza li wieħed jirreġistra l-art agrikola li jaħdem sabiex ikun eleġibbli għall-fondi allokati għal Malta sa l-2013.

Il-kampanja tinkludi wkoll riklami fuq stazzjonijiet tar-radju u t-televiżjoni, ġurnali u rivisti kif ukoll parteċipazzjoni minn uffiċjali agrikoli f’diversi programmi televiżivi u fuq ir-radju. Il-kampanja ser tinkludi wkoll pubblikazzjoni mmirata sabiex teduka t-tfal. Parti mill-kampanja kienet tinkludi wkoll position paper minn esperti fil-qasam tal-komunikazzjoni dwar kif il-gvern jista’ jsaħħaħ il-mod kif jikkomunika mal-bdiewa, ir-raħħala, il-konsumatur u l-pubbliku in ġenerali.

Il-bdiewa u r-raħħala għandhom sa nofs ix-xahar id-dieħel sabiex japplikaw għal numru ta’ miżuri li għadhom miftuħin sabiex jakkwistaw aktar fondi din is-sena. Kemm ilha fl-Unjoni Ewropea Malta kienet allokata ma’ l-40 miljun ewro f’għajnuna għall-bdiewa, ir-raħħala u l-iżvilupp rurali. Huwa stmat li Malta issa ġiet allokata mat-80 miljun ewro oħra f’għajnuna simili li ser tingħata bejn l-2007 u l-2013.

L-istħarriġ xjentifiku fost il-pubbliku wera biċ-ċar li l-maġġoranza assoluta tal-Maltin huma sodisfatti bil-prodott agrikolu Malti u li jippreferu jixtru frott, ħxejjex u prodott agrikolu pproċċessat Malti.

Ir-riżultat ta’ l-istħarriġ xjentifiku joħroġ fil-beraħ xejriet pożittivi ħafna li juru apprezzament għall-ħidma li qed issir mill-bidwi, ir-raħħal u l-agro proċessur kif jindika b’mod ċar li l-pubbliku in ġenerali qed japprova l-politika li miexi biha l-gvern li jaderixxi mar-regoli ta’ sħubija fl-Unjoni Ewropea u fl-istess nifs ikun ta’ għajnuna għall-bidwi u r-raħħal Malti. Dawn huma x-xejriet prinċipali li ħarġu mill-istħarriġ xjentifiku li sar fil-ġimgħat li għaddew:

  • 95% tal-Maltin huma sodisfatti bil-prodott agrikolu Malti – 5% biss mhumiex sodisfatti;
  • 74% tal-Maltin isostnu li meta jixtru l-prodott agrikolu Malti ikunu qed jieħdu valur tajjeb għall-flus li jkunu qed iħallsu;
  • 93% tal-Maltin jemmnu li l-prodott agrikolu Malti huwa ta’ kwalita’ tajba;
  • 71% tan-nies intervistati jemmnu li l-prodott Malti qed jiġi ppreżentat tajjeb lill-konsumatur ;
  • 77% tal-Maltin jaħsbu li hawn biżżejjed varjeta’ ta’ prodotti agrikoli lokali fuq is-suq Malti ;
  • Il-maġġoranza tal-Maltin (72.3%) jagħtu kaz jekk il-frott u l-ħaxix li jkunu ser jixtru ikunux lokali jew impurtat;
  • Il-maġġoranza tal-Maltin (76%) jinnutaw ukoll jekk il-laħam li ser jixtru ikunux lokali jew le;
  • Il-maġġoranza assoluta tal-Maltin (71.3%) jippreferu jixtru frott, ħaxix, laħam u prodotti agrikoli oħra lokali milli prodotti impurtati ;
  • Il-Maltin jippreferu jixtru prodott agrikolu lokali għaliex huwa iktar frisk, itjeb minn prodott impurtat, aktar ġenwin u li permezz t’hekk jaħsbu li jkunu qed jgħinu l-ekonomija u l-industrja lokali ;
  • Fattur interessanti huwa li fl-aħħar 12-il xahar 9.3% tal-Maltin xtraw iktar inbid lokali milli kienu jixtru qabel filwaqt li l-maġġoranza assoluta baqgħu jixtru l-istess ammont ta’ inbid lokali ;
  • 82% tal-Maltin jafu li hemm fondi mill-Unjoni Ewropea speċifikament immirati biex jgħinu l-bdiewa Maltin.
  • Parti l-kbira tal-poplu Malti (44.3%) jsostnu li l-fatt li hemm fondi biex jgħinu s-settur agrikolu Malti biddlet l-aspettativa tagħhom tal-prodott agrikolu Malti. Il-maġġoranza assoluta tal-Maltin jistennew prodott ta’kwalita’ ogħla bi preżentazzjoni tajba;
  • Il-maġġoranza tal-Maltin jemmnu li l-prodott agrikolu Malti tbiddel f’dawn l-aħħar sentejn. 98.9% ta’ dawk li jaħsbu li l-prodott tbiddel isostnu li l-kwalita issa hija aħjar u 1.1 % biss isostnu li l-kwalita tal-prodott Malti marret għall-agħar ;
  • 72% tal-Maltin jafu li l-bdiewa Maltin issa qed isegwu gwidi u regolamenti Ewropej dwar l-użu tal-pestiċidi, l-fertiliżazzjoni artifiċjali u r-regolamenti dwar t-trattament tajjeb ta’ l-annimali. 41% jahsbu li dawn ir-regolamenti qed jigu osservati filwaqt li 24.3% isostnu li mhumiex qed jiġu osservati ;
  • 64.3% tal-Maltin isostnu li r-regoli ta’ l-Unjoni Ewropea dwar l-agrikoltura huma vantaġġjuzi għal Malta; 19.3% jgħidu li m’humiex vantaġġjuzi u 16.3% ma jafux.

Is-Segretarju Parlamentari responsabbli għall Biedja u Sajd, Dr Francis Agius, sostna li r-riżultati ta’ dan l-istħarriġ xjentifiku juru biċ-ċar li l-ħidma tal-bdiewa, ir-raħħala u l-agro proċessuri biex isaħħu l-prodott agrikolu Malti qed tħalli l-frott tagħha. Huwa sostna wkoll li r-riżultat ta’ dan l-istħarrig huwa ċertifikat tajjeb għall-politika tal-gvern li jassigura kwalita’ u standards Ewropej u min-naħa l-oħra jagħti sostenn lill-bdiewa biex jinvestu sabiex ikomplu jtejbu l-prodott tagħhom.

Dr Agius stqarr li huwa ta’ sodifazzjon kbir li l-maġġoranza assoluta tal-Maltin jippreferu jixtru prodotti lokali filwaqt li jirikonoxxu li r-regoli ta’ l-Unjoni Ewropea dwar is-settur agrikolu huma ta’ benefiċċju għall-pajjiż. Forsi l-iktar fattur li huwa pożittiv, sostna Dr Agius, huwa l-fatt li l-Maltin stqarrew li f’dawn l-aħħar sentejn kien hemm titjib fil-kwalita’ tal-prodott agrikolu Malti. Dr Agius stqarr li l-fondi ta’ l-Unjoni Ewropea qed iservu biex il-bdiewa u r-raħħala Maltin ikunu jistgħu jinvestu fil-prodott agrikolu Malti.

Ixxerja din l-istqarrija Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Stqarrijiet Oħra:

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR THE ECONOMY, TECHNOLOGY AND STRATEGIC PROJECTS  More than 20 digital gaming and esports companies showcase Malta’s Industry Growth at PLAYCON 2026

PR261958EN

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR THE ECONOMY, TECHNOLOGY AND STRATEGIC PRO...

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EKONOMIJA, IT-TEKNOLOĠIJA U PROĠETTI STRATEĠIĊI  L-istrateġija tal-2019 qed tħalli l-frott: aktar minn 20 kumpanija tal-logħob diġitali u l-esports irrappreżentati waqt il-ftuħ ta’ PLAYCON 2026

PR261958

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EKONOMIJA, IT-TEKNOLOĠIJA U PROĠETTI STRATEĠ...

Aktar Stqarrijiet Right arrow