Left arrow Mur Lura

IL-PROĠETT GĦALL-BAJJA TA’ BUĠIBBA JITLESTA F’LULJU

pr0910
Date Icon 16/06/2006

Fl-istrateġija biex it-turisti li jiġu Malta jgawdu minn esperjenza pjaċevoli ta’ pajjiżna l-Gvern qiegħed iwettaq numru ta’ proġetti ta’ tisbiħ tal-promenades u l-bajjiet f’Malta.

Wara li ssebbħu l-promenades ta’ Tas-Sliema, San Ġiljan, l-Gżira, Birżebbuġa, Marsaxlokk, Marsascala, il-Bajja ta’ San Tumas u x-Xgħajra, mis-sena l-oħra bdew jissebbħu l-bajjiet. S’issa tlestiet il-bajja ta’ San Ġorġ f’San Ġiljan. Bħalissa qed jitwettaq il-proġett ta’ ‘sandy perched beach’ f’Buġibba. Is-sena d-dieħla jibda jitwettaq il-proġett għat-tisbiħ ta’ bajja oħra.

Ix-xogħol tal-bini tal-‘perched beach’ f’Buġibba miexi skond il-pjan. Wara li tlestew it-trinek kollha fuq is-sit u s-sub-base tal-konkrit u l-akrilika tal-ħajt li se jilqa’ r-ramel milli jinxtered u jintilef, qed jinbena’ il-ħajt proprju tal-konkos u l-akrilika. Qed tinbena’ rampa ta’ 80 metru għal dawk bi bżonnijiet speċjali. Tlestew xogħlijiet preparatorji għax-xogħlijiet tad-dwal, ilma u drenaġġ.

Fid-9 ta’ Ġunju tgħabba r-ramel mill-Ġordan li mistenni jasal Malta din il-ġimgħa li parti minnu ser jinfirex, filwaqt li l-bqija ser jinħażen biex jitferrex fil-bajja f’nofs Lulju.

Il-Ministru għat-Turiżmu u Kultura Francis Zammit Dimech, żar il-proġett li għaddej b’pass imgħaġġel. Il-Ministru Zammit Dimech, li kien akkumpanjat minn Romwald Lungaro Mifsud, Chairman ta’ l-Awtorita’ tat-Turiżmu ta’ Malta, qal li l-proġett għall-bini ta’ perched beach f’Buġibba kien qed jimla vojt f’din il-parti ta’ Malta li kienet nieqsa minn bajjiet ramlin.

Il-Ministru Zammit Dimech qal li San Pawl il-Baħar iżuruh 350,000 turist fis-sena li huma fil-parti l-kbira tagħhom turisti staġjonali u orjentati lejn id-divertiment. Hu qal li wara studju li sar mill-Awtorità tat-Turiżmu ta’ Malta, u wara li għal żmien operaturi turistiċi u esperti tal-marketing kienu qed jitolbu li tinħoloq bajja fl-inħawi ta’ San Pawl il-Baħar – Buġibba – Qawra, kien deċiż li tinbena ‘perched beach’ f’Buġibba.

Il-Ministru Zammit Dimech qal li l-għażla ta’ Buġibba għall-bini ta’ bajja ramlija saret b’ħames miri:

  • Il-ħolqien ta’ aktar spazju għall-għawm fl-inħawi ta’ San Pawl il-Baħar – Buġibba – Qawra;
  • Il-ħolqien ta’ bajja ramlija bl-amenitajiet kollha magħha qrib l-inħawi tal-lukandi ewlenin f’Buġibba u l-Qawra;
  • Li jkun hemm faċilita’ turistika ta’ livell għoli, u ta’ divertiment, biex jogħla l-prodott turistiku f’Zona Turistika:
  • Jittejjeb il-mod kif tista’ ‘tinbiegħ’ din iz-Zona Turistika u l-akkomodazzjoni turistika li hemm fl-inħawi;
  • Jiġu minimizzati jew eliminati impatti ambjentali eżistenti.

Il-Ministru Zammit Dimech qal li dan il-proġett qed jitwettaq ukoll bil-ħsieb li l-Maltin ikollhom aktar bajjiet imramla fejn iqattgħu l-jiem tas-sajf.

“Dawn il-proġetti jinvolvu investimenti qawwija, iżda jirrendu. Kien stmat li dan il-proġett f’10 snin joħloq Lm8.6 miljun fi profitti operazzjonali akkumulati għal operaturi privati fl-inħawi u daqshekk dħul ieħor għall-Gvern minn ġbir ta’ VAT u income tax u minn profitti li jagħmel is-settur privat,” sostna l-Ministru Zammit Dimech.

Il-Ministru għat-Turiżmu u Kultura ħeġġeġ lil kulħadd biex iħares dawn il-proġetti minn vandaliżmu u użu ħażin. Hu qal li proġetti bħal dawn mhux biss itejjbu l-prodott Malti għas-settur turistiku iżda jkabbru l-faċilitajiet għall-għawm għall-Maltin.

Ixxerja din l-istqarrija Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Stqarrijiet Oħra:

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR THE ECONOMY, TECHNOLOGY AND STRATEGIC PROJECTS  More than 20 digital gaming and esports companies showcase Malta’s Industry Growth at PLAYCON 2026

PR261958EN

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR THE ECONOMY, TECHNOLOGY AND STRATEGIC PRO...

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EKONOMIJA, IT-TEKNOLOĠIJA U PROĠETTI STRATEĠIĊI  L-istrateġija tal-2019 qed tħalli l-frott: aktar minn 20 kumpanija tal-logħob diġitali u l-esports irrappreżentati waqt il-ftuħ ta’ PLAYCON 2026

PR261958

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EKONOMIJA, IT-TEKNOLOĠIJA U PROĠETTI STRATEĠ...

Aktar Stqarrijiet Right arrow