IL-PROĠETT GĦALL-BAJJA TA’ BUĠIBBA JITLESTA F’LULJU
Fl-istrateġija biex it-turisti li jiġu Malta jgawdu minn esperjenza pjaċevoli ta’ pajjiżna l-Gvern qiegħed iwettaq numru ta’ proġetti ta’ tisbiħ tal-promenades u l-bajjiet f’Malta.
Wara li ssebbħu l-promenades ta’ Tas-Sliema, San Ġiljan, l-Gżira, Birżebbuġa, Marsaxlokk, Marsascala, il-Bajja ta’ San Tumas u x-Xgħajra, mis-sena l-oħra bdew jissebbħu l-bajjiet. S’issa tlestiet il-bajja ta’ San Ġorġ f’San Ġiljan. Bħalissa qed jitwettaq il-proġett ta’ ‘sandy perched beach’ f’Buġibba. Is-sena d-dieħla jibda jitwettaq il-proġett għat-tisbiħ ta’ bajja oħra.
Ix-xogħol tal-bini tal-‘perched beach’ f’Buġibba miexi skond il-pjan. Wara li tlestew it-trinek kollha fuq is-sit u s-sub-base tal-konkrit u l-akrilika tal-ħajt li se jilqa’ r-ramel milli jinxtered u jintilef, qed jinbena’ il-ħajt proprju tal-konkos u l-akrilika. Qed tinbena’ rampa ta’ 80 metru għal dawk bi bżonnijiet speċjali. Tlestew xogħlijiet preparatorji għax-xogħlijiet tad-dwal, ilma u drenaġġ.
Fid-9 ta’ Ġunju tgħabba r-ramel mill-Ġordan li mistenni jasal Malta din il-ġimgħa li parti minnu ser jinfirex, filwaqt li l-bqija ser jinħażen biex jitferrex fil-bajja f’nofs Lulju.
Il-Ministru għat-Turiżmu u Kultura Francis Zammit Dimech, żar il-proġett li għaddej b’pass imgħaġġel. Il-Ministru Zammit Dimech, li kien akkumpanjat minn Romwald Lungaro Mifsud, Chairman ta’ l-Awtorita’ tat-Turiżmu ta’ Malta, qal li l-proġett għall-bini ta’ perched beach f’Buġibba kien qed jimla vojt f’din il-parti ta’ Malta li kienet nieqsa minn bajjiet ramlin.
Il-Ministru Zammit Dimech qal li San Pawl il-Baħar iżuruh 350,000 turist fis-sena li huma fil-parti l-kbira tagħhom turisti staġjonali u orjentati lejn id-divertiment. Hu qal li wara studju li sar mill-Awtorità tat-Turiżmu ta’ Malta, u wara li għal żmien operaturi turistiċi u esperti tal-marketing kienu qed jitolbu li tinħoloq bajja fl-inħawi ta’ San Pawl il-Baħar – Buġibba – Qawra, kien deċiż li tinbena ‘perched beach’ f’Buġibba.
Il-Ministru Zammit Dimech qal li l-għażla ta’ Buġibba għall-bini ta’ bajja ramlija saret b’ħames miri:
- Il-ħolqien ta’ aktar spazju għall-għawm fl-inħawi ta’ San Pawl il-Baħar – Buġibba – Qawra;
- Il-ħolqien ta’ bajja ramlija bl-amenitajiet kollha magħha qrib l-inħawi tal-lukandi ewlenin f’Buġibba u l-Qawra;
- Li jkun hemm faċilita’ turistika ta’ livell għoli, u ta’ divertiment, biex jogħla l-prodott turistiku f’Zona Turistika:
- Jittejjeb il-mod kif tista’ ‘tinbiegħ’ din iz-Zona Turistika u l-akkomodazzjoni turistika li hemm fl-inħawi;
- Jiġu minimizzati jew eliminati impatti ambjentali eżistenti.
Il-Ministru Zammit Dimech qal li dan il-proġett qed jitwettaq ukoll bil-ħsieb li l-Maltin ikollhom aktar bajjiet imramla fejn iqattgħu l-jiem tas-sajf.
“Dawn il-proġetti jinvolvu investimenti qawwija, iżda jirrendu. Kien stmat li dan il-proġett f’10 snin joħloq Lm8.6 miljun fi profitti operazzjonali akkumulati għal operaturi privati fl-inħawi u daqshekk dħul ieħor għall-Gvern minn ġbir ta’ VAT u income tax u minn profitti li jagħmel is-settur privat,” sostna l-Ministru Zammit Dimech.
Il-Ministru għat-Turiżmu u Kultura ħeġġeġ lil kulħadd biex iħares dawn il-proġetti minn vandaliżmu u użu ħażin. Hu qal li proġetti bħal dawn mhux biss itejjbu l-prodott Malti għas-settur turistiku iżda jkabbru l-faċilitajiet għall-għawm għall-Maltin.
Other Press Releases:
PR261958EN
PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR THE ECONOMY, TECHNOLOGY AND STRATEGIC PRO...
PR261958