Imniedi l-Fond “HSBC Cares for Heritage Malta”
Tnieda l-Fond “HSBC Cares for Heritage Malta” mill-HSBC biex jinġabru fondi għal siti storiċi. Din il-ħidma qed titwettaq fi sħubija ma’ Heritage Malta, sħubija bejn is-settur privat u dak pubbliku biex jinġabru fondi għal proġetti ta’ tisbiħ f’siti storiċi.
Fl-inizjattiva “HSBC Cares for Heritage Malta” qed jipparteċipaw għadd ta’ lukandi ‘five-star’ li kull waħda għandha marbuta magħha sit storiku. Kull min iżur waħda minn dawn il-lukandi li qed jipparteċipaw fl-iskema jsib fil-kamra brochure bl-informazzjoni kollha. It-turist jiddeċiedi hu jekk jikkontribwixxix ‘ewro’ għal kull lejl li jgħaddi fil-lukanda. Turist jista’ jagħżel ukoll li jagħmel donazzjoni akbar.
Il-Ministru għat-Turiżmu u Kultura, Francis Zammit Dimech, li kien preżenti meta tnediet din l-iskema fit-tempji ta’ Ħaġar Qim, qal li l-ħarsien tal-wirt storiku u kulturali ta’ pajjiżna kien jirrikjedi nvestiment qawwi li mhux dejjem seta’ jiġi mill-Gvern. Hu qal li minkejja li l-Gvern kien qed ikabbar in-nefqa tiegħu għal dan l-iskop, is-sehem li seta’ jagħti s-settur privat kien wieħed importanti u apprezzabbli.
“Heritage Malta qed tagħmel ħilitha biex mhux biss il-poplu jsir aktar konxju mill-wirt storiku ta’ pajjiżna iżda biex jinġabru l-fondi meħtieġa biex dan il-wirt jitħares. S’issa ġew imnedija skemi bħal Patrons Programme,The Heritage Malta Membership Scheme u l-Private Partnership. L-‘HSBC Cares for Heritage Fund’ jinkwadra fl-aħħar skema fejn Heritage Malta daħlet bi sħab mal-HSBC biex jitkabbar l-għarfien tat-teżori storiċi li bihom hu mgħoni pajjiżna,” qal il-Ministru Zammit Dimech.
Il-Ministru Zammit Dimech qal li s-siti li ntagħżlu biex jagħmlu parti minn din il-kampanja huma l-Ipoġew, Ħaġar Qim u l-Imnajdra, il-Katakombi ta’ San Pawl u l-Mużew Nazzjonali ta’ l-Istorja Naturali fil-Palazz Vilhena.
Il-Ministru għat-Turiżmu u Kultura appella biex aktar kumpanniji privati jipparteċipaw fi skemi li jappoġġaw il-wirt storiku ta’ pajjiżna. Hu qal li pajjiż bħal tagħna li għall-kobor tiegħu kellu fost l-akbar konċentrazzjoni ta’ siti arkeoloġiċi, kien assolutament meħtieġ li jkollna l-fondi kollha neċessarji biex dawn inħarsuhom. Hu qal li llum li aħna parti mill-Unjoni Ewropea qed nirċievu fondi biex inħarsu l-wirt storiku ta’ pajjiżna. Hu qal iżda li jkollok kemm ikollok fondi qatt m’hu biżżejjed u hu għalhekk li kull inizjattiva favur il-ħarsien tal-wirt storiku ta’ pajjiżna kienet apprezzata.
Il-Ministru għat-Turiżmu u Kultura rringrazzja lill-HSBC għall-inizjattiva tagħhom li qed jieħdu flimkien ma’ Heritage Malta.
Other Press Releases:
PR261958EN
PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR THE ECONOMY, TECHNOLOGY AND STRATEGIC PRO...
PR261958