Left arrow Mur Lura

DISKORS MILL-MINISTRU DOLORES CRISTINA FL-OKKAŻJONI TA’ SEMINAR MILL-KORPORAZZJONI GĦAX-XOGĦOL U TAĦRIĠ DWAR FAMILJI B’ĠENITUR WIEĦED

pr0892
Date Icon 14/06/2006

Huwa pjaċir tiegħi li ningħaqad magħkom għal ftuħ ta’ dan is-seminar li qed jippreżenta r-riżultati ta’ riċerka dwar familji ta’ genitur wieħed. Wara li qrajt ir-riżultati ta’ dan l-istudju, jiena nemmen li se jkompli jispirana u jgħinha nirfinaw l-istrateġiji tagħna biex flimkien naħdmu ħa nkabbru l-għażliet u l-opportunitajiet għal dawk il-persuni li jeħtiegu għajnuna biex dejjem innaqqsu r-riskju tal-faqar u negħlbu l-esklużjoni soċjali.

L-ewwel Pjan Nazzjonali ta’ Azzjoni dwar il-Faqar u l-Esklużjoni Soċjali elenka l-familji b’ġenitur wieħed, partikularment in-nisa, bħala wieħed mill-gruppi li huma f’riskju tal-faqar. L-istrateġija ta’ dan il-Pjan tisħaq fuq tlett prijoritajiet ewlenija:

  • li jitkattru l-opportunitajiet ta’ taħrig u xogħol, partikularment għan-nisa, u nsaħħu l-politika ta’ “making work pay”, billi ntejbu l-opportunitajiet tax-xogħol ta’ dawk li huma qegħda jew li qed jirċievu benefiċċji soċjali;
  • it-tieni prinċipju hu li jingħeleb l-illitteriżmu u jittejjeb il-livell edukattiv kemm għall-istudenti kif ukoll ta’ l-adulti ta’ kull eta; u
  • fl-aħħar, it-tielet prinċipju, li tissaħħaħ is-sistema tal-ħarsien soċjali u jiżdied l-aċċess għall-akkommodazzjoni soċjali għal dawk l-aktar fil-bżonn.

Hawnhekk nixtieq li nieqfu ftit biex nirriflettu dwar is-sistema ta’ benefiċċji soċjali li qed tagħti ħarsien soċjali lil familji b’ġenitur wieħed. Fis-sena li għaddiet kien hemm ’l fuq minn elf u tmien mitt persuna li kienu qed jieħdu l-benefiċċju għal ġenituri waħedhom. Nafu, iżda, li ġenituri waħedhom jistgħu jibbenefikaw minn diversi benefiċċji soċjali oħrajn bħal maternity benefit, u iċ-children’s allowance, kif ukoll aċċess għal mediċini b’xejn. Ġenitur waħdu jikkwalifika wkoll għal sussidju fuq il-kera, kif ukoll għall-skemi ta’ l-Awtorità tad-Djar. Ladarba il-ġenitur wieħed flimkien ma’ uliedu jgħix f’dar waħdu u għandu dħul minimu, dan jieħu wkoll sussidju fuq id-dawl u l-ilma, inkluż eżenzjoni tas-surcharge. Dawn il-benefiċċji żvillupaw sabiex jagħtu ħarsien soċjali lil dawn il-familji fil-bżonn.

Imma naħseb li lkoll naqblu li l-istatistiċi u l-benefiċċji soċjali jirrakkontaw parti żgħira mill-istorja tal-ħajja tal-familji b’ġenitur wieħed. Ir-riżultati ta’ din ir-riċerka qed turina perspettiva oħra ta’ dawn il-familji. Din ir-riċerka tgħinha nifhmu u napprezzaw iktar ir-rowl u l-kontribut importanti ta’ dawn il-genituri u wliedhom fis-soċjeta tagħna. Jiena ninsab determinata li għandna naħdmu aktar flimkien biex negħlbu l-istereotipi li hemm fis-soċjetà tagħna u anke l-misconceptions li jista’ jkollhom il-membri ta’ familji b’ġenitur wieħed.

Per eżempju, hemm bżonn li nfehmu aħjar l-opportunità li għandu ġenitur waħdu li jista’ jkompli jew jibda jaħdem mingħajr ma jitlef il-benefiċċju soċjali kollu. Infatti wieħed jista’ jaqla’ sa Lm 20.08 fil-ġimgħa qabel ma jibda jitnaqqas il-benefiċċju soċjali, u dan jitnaqqas skond id-dħul mix-xogħol ta’ ġenitur wieħed. Dan ifisser li s-sistema tal-benefiċċji soċjali fiha nnifisha tagħti l-opportunità lil din il-persuna li taħdem f’xogħol part time fil-waqt li tibqa’ tagħti ħin lil kura tat-tfal tagħha.

Nemmen li m’għandniex niefqu hawn fil-ħidma tagħna. Hemm bżonn nagħtu aktar għażliet u opportunitajiet lil familji b’ġenitur wieħed. Hemm bżonn li nkunu aktar innovativi fil-programmi, benefiċċji, u l-iskemi sabiex nassiguraw l-inklużjoni soċjali lil familji b’ġenitur wieħed. Ilkoll naqblu li jeħtieġ li noffru servizzi aktar personalizzati lil dawn il-familji ħalli ngħinuhom jaċċessaw ix-xogħol u t-taħriġ. Irridu nkunu krejattivi ta’ kif se ngħinu lil dawn il-familji jifhmu aħjar x’inhuma l-inċentivi ta’ l-edukazzjoni, tat-taħriġ u x-xogħol għalihom bħala ġenitur u għal uliedhom sabiex jgħixu ħajja ta’ kwalita aħjar. Jiena ċerta li t-transizzjoni minn fuq dipendenza ta’ benefiċċji soċjali għal għażliet ta’ taħriġ u opportunitajiet tax-xogħol mħix sfida faċli. Li toħloq bilanċ bejn ix-xogħol u r-responsablità tal-familja hija sfida iebsa partikularment għal familji b’ġenitur wieħed. Imma hemm bżonn li nirriformaw is-sistemi tagħna sabiex noffru l-opportunitajiet lil dawk il-ġenituri waħedhom li jixtiequ jaħdmu filwaqt li nirrispettaw u nibqgħu nħarsu lil dawk il-ġenituri li jagħżlu li jibqgħu d-dar jieħdu ħsieb l-uliedhom.

Bħalissa qed jitħejja it-tieni Pjan Nazzjonali dwar l-Inklużjoni Soċjali li jkompli jibni fuq il-prinċipji u l-għanijiet ta’ l-ewwel pjan. Dan għaliex l-ħidma biex tittejjeb il-kwalità ta’ ħajja ta’ nies bi ħtiġijiet soċjali hija waħda kontinwa li tieħu tul ta’ żmien. Wieħed mill-obbjettivi fil-pjan li qed jitħejja bħalissa huwa aċċess aħjar għas-servizzi u għall-informazzjoni. Dan l-obbjettiv huwa msaħħaħ meta jkun hemm networking effettiv bejn l-entitajiet governattivi kif ukoll għaqdiet volontarji.

Għaldaqstant, ma nistax ma nfaħħarx l-inizjattivi diversi li hemm għal ġenituri waħedhom offruti mill-Korporazzjoni tax-Xogħol u Taħriġ, id-Dipartiment tas-Servizzi Soċjali, l-Awtorità tad-Djar, kif ukoll minn entitajiet oħra. Jiena ċerta li meta jkun hemm sinerġija bejn dawn l-entitajiet diversi, din se tgħin sabiex dawn il-familji jifhmu aħjar l-għażliet u l-opportunitajiet li qed jinħolqu għalihom.

Jiena kunfidenti li kemm din ir-riċerka kif ukoll l-inizjattivi li se jittieħdu mill-ETC flimkien ma’ l-għajnuna tad-Dipartiment tas-Sigurtà Soċjali se jiftħu bibien għal opportunitajiet aktar wiesa f’inklużjoni soċjali ta’ familji b’genitur wieħed. Ix-xogħol u t-taħrig se jwasslu biex dawn il-familji jkunu inqas dipendenti fuq il-benefiċċji soċjali u jiksbu aktar independenza finanzjarja li twassalhom għal kwalità ta’ ħajja aħjar.

Ixxerja din l-istqarrija Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Stqarrijiet Oħra:

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR THE ECONOMY, TECHNOLOGY AND STRATEGIC PROJECTS  More than 20 digital gaming and esports companies showcase Malta’s Industry Growth at PLAYCON 2026

PR261958EN

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR THE ECONOMY, TECHNOLOGY AND STRATEGIC PRO...

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EKONOMIJA, IT-TEKNOLOĠIJA U PROĠETTI STRATEĠIĊI  L-istrateġija tal-2019 qed tħalli l-frott: aktar minn 20 kumpanija tal-logħob diġitali u l-esports irrappreżentati waqt il-ftuħ ta’ PLAYCON 2026

PR261958

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EKONOMIJA, IT-TEKNOLOĠIJA U PROĠETTI STRATEĠ...

Aktar Stqarrijiet Right arrow