Left arrow Go Back

Skola Ġdida Oħra Għal Kulleġġ Ġdid Ieħor

pr0883
Date Icon 13/06/2006

Il-President ta’ Malta l-E.T. Dott. Edward Fenech Adami dalgħodu poġġa l-ewwel ġebla ta’ skola sekondarja ġdida oħra li qed tinbena f’Ħal Qormi biswit il-Junior Lyceum Mikiel Anton Vassalli. Il-Gvern qed jinvesti tliet miljun lira Maltin f’din l-iskola u hu ppjanat li tkun lesta sentejn oħra.   L-iskola l-ġdida se jkollha faċilitajiet mill-aqwa fuq l-istess livell tal-iskola fil-Kulleġġ San Benedittu ta’ Ħal Kirkop li ġiet inawgurata ftit ġimgħat ilu. Din hi skola oħra li qed jibni l-Ministeru ta’ l-Edukazzjoni permezz tal-Fondazzjoni għall-Iskejjel ta’ Għada (FTS).

Il-Ministru ta’ l-Edukazzjoni Louis Galea qal li din l-iskola sekondarja ġdida ser tifforma parti minn Kulleġġ li jkun jiġbor fih l-iskejjel primarji ta’ Ħal Qormi, Ħaż-Żebbuġ, is-Siġġiewi u xi skola oħra. Il-Ministru Galea qal li l-esperjenza bikrija tal-Kulleġġi pilota tul din is-sena skolastika turi biċ-ċar li l-Kulleġġi joffru potenzjal bil-bosta superjuri għal skejjel li jaħdmu individwalment kif ġara sal-lum.

“Nafu li biex l-istrateġija l-ġdida ta’ skejjel ta’ l-Istat f’Kulleġġi taħdem tajjeb, jenħtieġ li jinbnew numru ta’ skejjel ġodda, proċess li jieħu numru ta’ snin. Għaldaqstant f’Settembru li ġej l-iskejjel kollha ta’ l-Istat f’Malta u Għawdex ser jiġu minsuġa (networked) f’Kulleġġi skond l-iskejjel li hemm illum. Il-Kulleġġi jibdew jiġu modifikati hekk kif l-iskejjel il-ġodda jibdew jitlestew.”

Il-Ministru Galea qal li l-Parlament dalwaqt jibda jiddiskuti l-emendi għall-Liġi dwar l-Edukazzjoni li ser jipprovdu l-bażi legali għall-Kulleġġi l-ġodda li ser jaħdmu f’qafas ta’ awtonomija.  Qed isiru wkoll it-tħejjijiet biex fis-sajf jibda x-xogħol fuq il-bini mill-ġdid ta’ l-iskola sekondarja f’Bormla li sal-lum, serviet bħala l-Junior Lyceum tas-subien magħrufa Giuseppi Despott fuq il-Verdala.

Ix-xogħol ta’ skavar għall-iskola l-ġdida f’Hal Qormi beda erba` xhur ilu, tlesta, u l-pedamenti jinsabu fi stat avanzat. Skond il-pjan, ix-xogħol ta’ kostruzzjoni għandu jkun lest is-sena d-dieħla (2007), filwaqt li ser jiġu ppubblikati tenders oħra ta’ servizzi u finitura, bl-iskop li dan ix-xogħol jinbeda simultanjament max-xogħol ta’ kostruzzjoni.  L-iskola hu ippjanat li titlesta kompletament f’madwar sentejn mill-lum (2008).

Wara l-bini ta’ l-iskola fil-Kulleġġ San Benedittu f’Ħal Kirkop, din hi t-tieni skola li qed tibni kompletament l-FTS. L-iskola ser tkun  mgħammra b’apparat sofistikat u b’qisien ta’ klassijiet adekwati, kif jixraq lill-istudenti.  Din  l-iskola ser tipprovdi 12,000 metru kwadru ta’ kmamar għat-tagħlim, mifruxa fuq erba’ sulari, għal massimu ta’ elf student. Ser ikollha mhux inqas minn 40 klassi, 8 laboratorji tax-xjenza u 7 oħra tat-teknoloġija edukattiva, 6 laboratorji tal-kompjuter, klassijiet speċjali għat-tagħlim tad-drama, mużika, arti u ċeramika, studji ambjentali, tisjir, guidance, klinika, kappella, librerija, uffiċini għall-kapijiet u l-amministrazzjoni, kmamar għal-laqgħat, kif ukoll sala multipurpose, fost l-oħrajn. 

L-iskola ser tkun aċċessibbli kompletament għall-persuni b’diżabilita’ u ser tkun mgħammra b’lifts apposta.  Ser ikollha wkoll parkeġġ li jesa’ iktar minn 100 karozza. Id-disinn u l-materjali li ser jintużaw fil-bini ser jirrispetta l-ambjent, kemm f’dak li hu riċiklaġġ, u kif ukoll fl-użu ta’ enerġija alternattiva. Biswit l-iskola ser isir sports ground miksi b’turf artifiċjali u faċilitajiet sportivi ohra.

L-iskola l-ġdida qed tinbena fil-grounds tal-Junior Lyceum Vassalli li ilu jopera f’dan il-bini għal dawn l-aħħar 25 sena. Il-bini kien jintuża fi zmien is-servizzi Inglizi mir-‘Royal Naval School’ u qabel serva bhala barracks ghas-suldati.  Il-kumpless ta’ bini tal-lum fil-fatt jikkonsisti f’numru ta’ nissan huts u bini ieħor.

L-ewwel fażi ta’ dan il-proġett tikkonsisti fil-bini ta’ l-iskola l-ġdida u għal dan l-iskop twaqqgħet waħda mill-huts u beda x-xogħol ta’ skavar f’parti mill-iskola fejn qabel kien hemm faċilitajiet sportivi. 

Ix-xogħol ta’ tagħlim se jibqa` għaddej f’din l-iskola sakemm jiltesta l-bini ta’ l-iskola l-ġdida u l-faċilitajiet sportivi.  Wara jibda x-xogħol fuq l-immodernizzar sħiħ tal-Junior Lyceum eżistenti u fuq il-bini ta’ triq ġdida biex it-traffiku ma jibqax għaddej minn ġo l-iskola kif ukoll biex isir il-parkeġġ meħtieġ.  L-ispazju jippermetti li jkun hemm żewġ skejjel moderni biswit xulxin li jkunu jistgħu jagħmlu użu minn faċilitajiet komuni.
Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR THE ECONOMY, TECHNOLOGY AND STRATEGIC PROJECTS  More than 20 digital gaming and esports companies showcase Malta’s Industry Growth at PLAYCON 2026

PR261958EN

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR THE ECONOMY, TECHNOLOGY AND STRATEGIC PRO...

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EKONOMIJA, IT-TEKNOLOĠIJA U PROĠETTI STRATEĠIĊI  L-istrateġija tal-2019 qed tħalli l-frott: aktar minn 20 kumpanija tal-logħob diġitali u l-esports irrappreżentati waqt il-ftuħ ta’ PLAYCON 2026

PR261958

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EKONOMIJA, IT-TEKNOLOĠIJA U PROĠETTI STRATEĠ...

More Press Releases Right arrow