L-EGHLUQ TAL-KONFINI TA’ L-IZVILUPP HUWA PROCESS BIEX IKUNU NDIRIZZATI INGUSTIZZJI U ANOMALIJI
Il-Ministeru għall-Affarijiet Rurali u l-Ambjent jinnota li l-Kummissjoni tal-Knisja dwar l-Ambjent ‘tirrikonoxxi d-dilemmi li jkollhom jiffaċċjaw l-awtoritajiet sabiex jirregolarizzaw inġustizzji u anomaliji li seħħew matul is-snin minħabba l-limiti taż-żoni għall-iżvilupp kif inhuma bħalissa’.
Madanakollu, l-istess Kummissjoni tal-Knisja sfortunatament ma tat ebda soluzzjoni jew suġġeriment dwar kif dawn l-inġustizzji u anomaliji għandhom ikunu ndirizzati. Il-Gvern, min-naħa l-oħra ħass il-ħtieġa li jniedi dan il-proċess biex b’hekk titwettaq il-ġustizzja mingħajr aktar dewmien.
Dan l-element ta’ ġustizzja kien rikonoxxut ukoll mill-Isqof Emeritus Nikol Cauchi li f’intervista lil ‘Maltatoday’ (21 ta’ Mejju 2006) qal li dawn il-każijiet ta’ anomaliji u inġustizzji jinkludu koppji li nvestew it-tfaddil kollu tagħhom fi plots li xtraw mingħand il-Knisja qabel l-1988. Wara nstab li ma setgħux jibnuhom għaliex fl-eżerċizzju ta’ l-1988, biex ikunu limitati b’mod qawwi ż-żoni ta’ żvilupp, dawn l-artijiet tħallew barra. Dan sar sakemm wieħed seta’ jidħol aktar fil-fond dwar kif kellhom jingħalqu l-konfini ta’ l-iżvilupp.
Il-Ministeru għall-Affarijiet Rurali u l-Ambjent itenni li l-proċess li permezz tiegħu qed jingħalqu l-konfini ta’ l-iżvilupp qed isir biex ikunu ndirizzati Inġustizzji u anomaliji li jirriżultaw mill-proċess temporanju li kien sar fl-1988.
Kif jindika l-isem stess, l-Iskemi ta’ Żvilupp Temporanji kienu saru fl-1988, iżda qatt ma kienu ntiżi li jibqgħu hekk għal xi tul ta’ żmien. Minkejja li kellu alternattivi oħra, il-Gvern għażel li jistabbilixxi kriterji li jservu bħala riga konsistenti għall-MEPA u eventwalment għall-Gvern, meta jiddeċiedi liema siti għandhom ikunu nklużi u liema għandhom jitħallew barra.
Għalkemm il-Kummissjoni tal-Knisja dwar l-Ambjent tgħid li l-kriterji mhumiex dejjem ċari, tonqos milli tgħid għal liema qed tirreferi; wisq anqas ma tagħti eżempju biex tissostanzja dak li tgħid. L-appell tal-Gvern hu li issa hu l-waqt li kull min għandu xi sottomissjonijiet, jagħmilhom waqt li għaddej dan il-proċess ta’ konsultazzjoni pubblika.
Il-Kummissjoni lanqas ma tissostanzja jew tagħti eżempju ta’ kif dan l-eżerċizzju jista’ jwassal biex jinħolqu anomaliji ġodda. Bil-maqlub, l-iskop tal-Gvern hu li jingħalqu l-konfini u b’hekk tonqos il-possibilta’ li jkun hemm xi tkabbir fil-konfini fis-snin li ġejjin. Għal darb’oħra, l-appell tal-Gvern hu biex il-Kummissjoni, jew kull min jista’ jagħti xi eżempju biex jitkellem issa, waqt il-proċess ta’ konsultazzjoni pubblika.
Il-kriterji stabbiliti mill-Gvern għandhom l-għan li jirrikonoxxu l-ispazju limitat tat-territorju tagħna u kien propju għalhekk li dan hu eżerċizzju limitat ħafna li permezz tiegħu l-art għall-iżvilupp f’pajjiżna se tiżdied b’anqas minn 2.4% ta’ dak li bħalissa diġa’ hu mogħti għall-iżvilupp. Irid jingħad li din l-area li se tidħol fil-konfini ta’ l-iżvilupp mhijiex kollha art mhix mittiefsa mill-bini, anzi partijiet minnha hija art li fuqha diġa’ jeżisti bini bil-permess. Irid ikun ukoll riaffermat li dan il-proċess huwa l-uniku aġġustament fil-konfini fi 28 sena u qed isir wara li bl-eżerċizzju ta’ l-1988 saħansitra kienet tneħħiet art li sa dak iż-żmien kienet mogħtija għall-iżvilupp. B’hekk kull argument għandu jsir f’dan il-kuntest.
Fatt ieħor importanti hu li permezz ta’ dan il-proċess, aktar minn 90% tat-talbiet li kienu saru lill-MEPA fil-proċess ta’ konsultazzjoni pubblika għall-pjani lokali, ma ġewx milqugħa. Ta’ min ukoll ifakkar li permezz tal-proċess ta’ pjani lokali, 42% ta’ l-art li se tidħol fil-konfini permezz ta’ dan il-proċess, kienet qed tkun proposta xorta waħda.
Il-Gvern jibqa’ impenjat li jħares il-ġid komuni fil-proċess tad-deċiżjonijiet. L-iskop tal-Gvern wara t-tnedija ta’ dan l-eżerċizzju huwa li jingħalaq proċess li ilu li beda 18-il sena u b’hekk titwettaq ġustizzja mingħajr aktar dewmien. Fl-istess waqt il-Gvern għamel ukoll kunsiderazzjonijiet ambjentali u dan hu kkonfermat mill-ammont limitat ta’ art li qed tkun inkluża fil-konfini l-ġodda.
Stqarrijiet Oħra:
PR261958EN
PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR THE ECONOMY, TECHNOLOGY AND STRATEGIC PRO...
PR261958