Left arrow Go Back

L-EGHLUQ TAL-KONFINI TA’ L-IZVILUPP HUWA PROCESS BIEX IKUNU NDIRIZZATI INGUSTIZZJI U ANOMALIJI

pr0866
Date Icon 09/06/2006

Il-Ministeru għall-Affarijiet Rurali u l-Ambjent jinnota li l-Kummissjoni tal-Knisja dwar l-Ambjent ‘tirrikonoxxi d-dilemmi li jkollhom jiffaċċjaw l-awtoritajiet sabiex jirregolarizzaw inġustizzji u anomaliji li seħħew matul is-snin minħabba l-limiti taż-żoni għall-iżvilupp kif inhuma bħalissa’. 

Madanakollu, l-istess Kummissjoni tal-Knisja sfortunatament ma tat ebda soluzzjoni jew suġġeriment dwar kif dawn l-inġustizzji u anomaliji għandhom ikunu ndirizzati.  Il-Gvern, min-naħa l-oħra ħass il-ħtieġa li jniedi dan il-proċess biex b’hekk titwettaq il-ġustizzja mingħajr aktar dewmien. 

Dan l-element ta’ ġustizzja kien rikonoxxut ukoll mill-Isqof Emeritus Nikol Cauchi li f’intervista lil ‘Maltatoday’ (21 ta’ Mejju 2006) qal li dawn il-każijiet ta’ anomaliji u inġustizzji jinkludu koppji li nvestew it-tfaddil kollu tagħhom fi plots li xtraw mingħand il-Knisja qabel l-1988.  Wara nstab li ma setgħux jibnuhom għaliex fl-eżerċizzju ta’ l-1988, biex ikunu limitati b’mod qawwi ż-żoni ta’ żvilupp, dawn l-artijiet tħallew barra.  Dan sar sakemm wieħed seta’ jidħol aktar fil-fond dwar kif kellhom jingħalqu l-konfini ta’ l-iżvilupp.   

Il-Ministeru għall-Affarijiet Rurali u l-Ambjent itenni li l-proċess li permezz tiegħu qed jingħalqu l-konfini ta’ l-iżvilupp qed isir biex ikunu ndirizzati Inġustizzji u anomaliji li jirriżultaw mill-proċess temporanju li kien sar fl-1988. 

Kif jindika l-isem stess, l-Iskemi ta’ Żvilupp Temporanji kienu saru fl-1988, iżda qatt ma kienu ntiżi li jibqgħu hekk għal xi tul ta’ żmien.  Minkejja li kellu alternattivi oħra, il-Gvern għażel li jistabbilixxi kriterji li jservu bħala riga konsistenti għall-MEPA u eventwalment għall-Gvern, meta jiddeċiedi liema siti għandhom ikunu nklużi u liema għandhom jitħallew barra. 

Għalkemm il-Kummissjoni tal-Knisja dwar l-Ambjent tgħid li l-kriterji mhumiex dejjem ċari, tonqos milli tgħid għal liema qed tirreferi; wisq anqas ma tagħti eżempju biex tissostanzja dak li tgħid.  L-appell tal-Gvern hu li issa hu l-waqt li kull min għandu xi sottomissjonijiet, jagħmilhom waqt li għaddej dan il-proċess ta’ konsultazzjoni pubblika.

Il-Kummissjoni lanqas ma tissostanzja jew tagħti eżempju ta’ kif dan l-eżerċizzju jista’ jwassal biex jinħolqu anomaliji ġodda.  Bil-maqlub, l-iskop tal-Gvern hu li jingħalqu l-konfini u b’hekk tonqos il-possibilta’ li jkun hemm xi tkabbir fil-konfini fis-snin li ġejjin.  Għal darb’oħra, l-appell tal-Gvern hu biex il-Kummissjoni, jew kull min jista’ jagħti xi eżempju biex jitkellem issa, waqt il-proċess ta’ konsultazzjoni pubblika. 

Il-kriterji stabbiliti mill-Gvern għandhom l-għan li jirrikonoxxu l-ispazju limitat tat-territorju tagħna u kien propju għalhekk li dan hu eżerċizzju limitat ħafna li permezz tiegħu l-art għall-iżvilupp f’pajjiżna se tiżdied b’anqas minn 2.4% ta’ dak li bħalissa diġa’ hu mogħti għall-iżvilupp.  Irid jingħad li din l-area li se tidħol fil-konfini ta’ l-iżvilupp mhijiex kollha art mhix mittiefsa mill-bini, anzi partijiet minnha hija art li fuqha diġa’ jeżisti bini bil-permess.  Irid ikun ukoll riaffermat li dan il-proċess huwa l-uniku aġġustament fil-konfini fi 28 sena u qed isir wara li bl-eżerċizzju ta’ l-1988 saħansitra kienet tneħħiet art li sa dak iż-żmien kienet mogħtija għall-iżvilupp.   B’hekk kull argument għandu jsir f’dan il-kuntest.   

Fatt ieħor importanti hu li permezz ta’ dan il-proċess, aktar minn 90% tat-talbiet li kienu saru lill-MEPA fil-proċess ta’ konsultazzjoni pubblika għall-pjani lokali, ma ġewx milqugħa.   Ta’ min ukoll ifakkar li permezz tal-proċess ta’ pjani lokali, 42% ta’ l-art li se tidħol fil-konfini permezz ta’ dan il-proċess, kienet qed tkun proposta xorta waħda. 

Il-Gvern jibqa’ impenjat li jħares il-ġid komuni fil-proċess tad-deċiżjonijiet.  L-iskop tal-Gvern wara t-tnedija ta’ dan l-eżerċizzju huwa li jingħalaq proċess li ilu li beda 18-il sena u b’hekk titwettaq ġustizzja mingħajr aktar dewmien.   Fl-istess waqt il-Gvern għamel ukoll kunsiderazzjonijiet ambjentali u dan hu kkonfermat mill-ammont limitat ta’ art li qed tkun inkluża fil-konfini l-ġodda.

Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR THE ECONOMY, TECHNOLOGY AND STRATEGIC PROJECTS  More than 20 digital gaming and esports companies showcase Malta’s Industry Growth at PLAYCON 2026

PR261958EN

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR THE ECONOMY, TECHNOLOGY AND STRATEGIC PRO...

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EKONOMIJA, IT-TEKNOLOĠIJA U PROĠETTI STRATEĠIĊI  L-istrateġija tal-2019 qed tħalli l-frott: aktar minn 20 kumpanija tal-logħob diġitali u l-esports irrappreżentati waqt il-ftuħ ta’ PLAYCON 2026

PR261958

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EKONOMIJA, IT-TEKNOLOĠIJA U PROĠETTI STRATEĠ...

More Press Releases Right arrow